Filmat: Mit-Tnejn jibdew iż-żjarat fid-djar tal-anzjani

Read in English.

Minn nhar it-Tnejn li ġej, se jibdew ikunu permessi żjarat fid-djar tal-anzjani, f’San Vinċenz de Paule u anke fid-djar tal-anzjani privati, b’għadd ta’ regolamenti, fosthom li l-viżitaturi jridu jilbsu maskra jew visor u għandhom limitu ta’ kwarta għal kull viżta.

F’konferenza tal-aħbarijiet, is-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis qal li huwa sodisfatt li ma kien hemm l-ebda mewta fid-djar tal-anzjani bil-coronavirus.

Stqarr li wara sagrifiċċju ta’ aktar minn tmien ġimgħat li l-anzjani kellhom jiċċaħħdu minn qrabathom, illum il-Gvern qed jillaxka xi ftit il-miżuri restrittivi. Dan sar b’konsultazzjoni mal-awtoritajiet tas-saħħa.

  • Iż-żjarat se jsiru minn wara l-perspex
  • Iż-żjarat se jsiru b’appuntamenti jumejn qabel
  • Kull resident jista’ jkollu sa massimu ta’ erba’ viżitaturi
  • Kull viżta ma tistax iddum aktar minn kwarta
  • Se jkun hemm parkeġġ allokat għal kull viżitatur; se jkun hemm ukoll shuttle li twassal lill-viżitaturi mill-parkeġġ sad-dar tal-anzjani
  • Il-viżitaturi jridu jilbsu maskra jew visor
  • Se tittiħdilhom it-temperatura mal-wasla tagħhom

Rigward l-anzjani li ma jistgħux joħorġu mis-sodda, saru arranġamenti fi ħdan San Vinċenz de Paule sabiex dawn il-viżti jkunu possibbli wkoll.

Il-Ministru Michael Falzon appella lill-pubbliku biex isegwi dawn ir-regolamenti sabiex l-anzjani jinżammu siguri. Stqarr li n-normalità l-ġdida ma tippermettix li jkun hemm sistema ta’ “min irid jaqbad u jiġi.”

Il-Ministru wieġeb il-mistoqsija ta’ Newsbook.com.mt dwar kif iħossu li issa huwa sigur li l-aktar nies vulnerabbli fis-soċjetà se jibdew iżuruhom qrabathom, u qal li huma jistrieħu fuq il-pariri mediċi li jingħataw mill-awtoritajiet tas-saħħa. Stqarr li jekk is-sitwazzjoni ma tibqax taħt kontroll strett, kif inhi issa, m’hemm xejn li jżommhom milli ma jibqgħux jippermettu dawn iż-żjarat.

Sal-lum żjarat fid-djar tal-anzjani mhumiex permessi minħabba li dawn huma nies vulnerabbli, u għalhekk, f’aktar periklu minħabba l-imxija tal-coronavirus.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn