Filmat: Ir-raba’ każ ma qagħadx id-dar malli wasal mill-Italja

Charmaine-Gauci

Read in English.

Xi spikka?

  • Prof. Charmaine Gauci tagħti d-dettalji dwar ir-raba’ każ tal-coronavirus f’Malta.
  • Ir-raba’ każ: Raġel ta’ 49 sena (Minn informazzjoni li għandu Newsbook ir-raġel hu Norveġiż), jgħix Malta u jaħdem Malta. Dan ir-raġel flimkien mal-familja tiegħu mar l-Italja (Treviso) fit-23 ta’ Frar u waslu lura Malta fis-27 ta’ Frar. Sadanittant ħadd minnhom ma kellu sintomi. Ħariġlu d-deni fil-5 ta’ Marzu.
  • Għamel kuntatt mad-Direttorat ilbieraħ u rriżulta li hu pożittiv għal COVID-19. Inġabar minn daru u ttieħed Mater Dei. Jinsab fi stat ta’ saħħa tajba u m’għandu l-ebda sintomi.
  • Ir-raġel, is-sieħba tiegħu u t-tifla tagħhom kienu kwarantina f’darhom wara ftit ġranet li waslu Malta. Iżda meta ma kienx fi kwarantina hu ma marx għax-xogħol.
  • Meta kien bis-sintomi hu kien diġà ġewwa, la hu u lanqas il-kumplament tal-familja ma ħarġu.
  • Fi kwarantina mandatorja: 2 persuni relatati mar-raba’ persuna qed jinżammu iżolati f’Mater Dei bħala prekawzjoni, għalkemm m’għandhom l-ebda sintomi. Ir-riżultati se joħorġu iktar tard illum. Kien hemm kuntatt ma’ żewġ persuni oħra li marru d-dar, u qegħdin fi kwarantina mandatorja.
  • Persuna li ġiet mis-Slovakkja qed tinżamm bħala kwarantina minħabba suspett ta’ coronavirus.
  • Illum se jinfetaħ il-hub għall-iscreening.
  • 265 testijiet fuq nies li kellhom sintomi ta’ deni, sogħla jew qtugħ ta’ nifs u kienu f’pajjiżi fejn hemm riskju għoli ta’ trażmissjoni
  • Appell mill-ġdid biex kulħadd ikun responsabbli u jagħmel dak li hemm bżonn
  • Seta’ ġie evitat li jidħol il-virus kieku ngħataw widen l-appelli tal-MAM u unjins oħra li jitwaqqfu t-titjiriet mill-Italja u zoni oħra affettwati? Din il-mistoqsija ma ġietx imwieġba. Intqal biss li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jimxu skont il-ħtieġa.

Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sejħet konferenza tal-aħbarijiet biex tagħti dettalji dwar ir-raba’ każ tal-coronavirus.

Il-konferenza saret fl-uffiċċju tad-Direttorat għall-Promozzjoni għas-Saħħa u Mard Infettiv fi Gwardamanġa.

Propju mat-tokki ta’ nofsillejl tal-lum, il-Prim Ministru Robert Abela indirizza konferenza tal-aħbarijiet f’Kastilja, fejn ħabbar li t-titjiriet u l-vjaġġi bil-baħar bejn l-Italja u Malta se jieqfu immedjatament wara li l-Italja kollha qiegħda taħt kwarantina minħabba t-tifrix tal-coronavirus. Stqarr li dan ma japplikax għall-ġarr tal-merkanzija, ikel u mediċina. Insista li l-Gvern għandu jsib soluzzjoni sabiex il-Maltin maqbudin l-Italja jinġiebu Malta.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn