Filmat: “Importanti għalija li nkun qrib in-nies” – L-Isqof Galea Curmi

Read in English.

L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi saħaq li parti mill-missjoni tiegħu hi li jkun qrib in-nies: jiltaqa’ magħhom, jismagħhom u jkabbar l-għarfien tieħu dwar il-bżonnijiet tagħhom. “Dawn huma l-aktar esperjenzi li tawni sodisfazzjon fl-aħħar sentejn bħala isqof”, kompla jgħid filwaqt li saħaq dwar l-importanza li jkun qrib in-nies. Illum huwa t-tieni anniversarju minn meta Mons. Galea Curmi ġie ordnat Isqof Awżiljarju.

Waqt intervista ma’ Fr Joe Borg f’edizzjoni speċjali ta’ Newsbook Hour fuq Newsbook.com.mt, l-Isqof Galea Curmi stqarr li meta tiltaqa’ ma’ persuna trid tisma’ l-istorja tagħha. “Ma nistgħux niġġudikaw jew nikkundannaw lin-nies. Kull persuna ġġorr esperjenzi u kull esperjenza tiddefinixxi persuna. Dik il-persuna għandha bżonn min jismagħha u jivvalorizzaha”, sostna l-Isqof Awżiljarju.

Semma esperjenza li kellu meta ltaqa’ ma’ familja li kienet għadha kif tilfet lil bint f’inċident tat-traffiku. Stqarr li dawn il-mumenti jiddefinixxu l-missjoni tiegħu li jivvalorizza l-importanza tal-valuri tal-ħajja u li jagħmlu lil kull persuna unika.

L-Isqof spjega li fejn hemm it-tbatija, il-preżenza tal-isqof hija waħda ta’ viċinanza, mhux biss fiżika, imma preżenza li tfisser faraġ.

Għadda biex għamel referenza għal ommu, persuna importanti ħafna li influwenzatu bil-mod kif kienet tgħix ħajjitha, dik li tkun ta’ servizz u ta’ għajnuna għall-oħrajn. L-Isqof Galea Curmi spjega li fost il-kliem li jibqa’ jidwi f’moħħu huwa li ma tistax iddawwar wiċċek u ma tgħinx lil min jitolbok l-għajnuna.

“Jekk bniedem ikun qed jegħreq irridu ngħinuh”

Mons. Galea Curmi rrimarka li persuna li tinsulenta u tobgħod lil xi ħadd “għax iswed”, tkun qed tobgħod u tinsulenta lil Alla. “Dan imur kontra t-twemmin tagħna, kontra d-dinjità tal-bniedem u jrid jieqaf. Ir-razziżmu u x-xenofobija jmorru kontra Alla u dak li nemmnu fih”, kompla jgħid. Iddeskriva dawn il-kummenti bħala riżultat ta’ meta l-bniedem jitlef is-sens tal-ħajja, jitlef il-qalb u jitlef l-essenza fil-mod kif jittratta bniedem ieħor.

Huwa insista li r-rispett lejn il-ħajja għandu jkun dejjem, mill-mument tat-tnissil sal-aħħar nifs u f’kull waqt. “Jekk bniedem ikun qed jegħreq u jitlob l-għajnuna, irridu ngħinuh u nsalvawh. Dan huwa aspett essenzjali tat-twemmin tagħna”, spjega.

Irrefera wkoll għall-kunċett tal-ġustizzja soċjali, li fi kliemu, il-qofol tiegħu jibqa’ r-rispett u l-għożża lejn il-valur tal-ħajja. “Jekk meta jkun hemm tħaffir jew bini u ma nirrispettawx il-ħajja, inkunu qed nonqsu. Irridu nħarsu l-ħajja umana f’kull waqt, anke dawk li jitilfu ħajjithom waqt ix-xogħol, anke jekk mhux Maltin.

“In-nies apprezzaw li ma ħallejnihomx waħedhom”

B’referenza għall-pandemija tal-coronavirus, l-Isqof Galea Curmi insista dwar l-osservazzjoni bir-reqqa tal-miżuri, “li qegħdin hemm bil-għan li jkun hemm prevenzjoni mit-tixrid. Dan għandu jsir b’rispett lejn il-ħajja umana”.

Dwar l-effett tal-pandemija fuq il-ħidma tiegħu u tal-Knisja, huwa spjega li “n-nies apprezzaw li ma tħallewx waħedhom, bil-mod li bih ġiet imwassla u trażmessa l-quddiesa b’modi diversi, għax raw f’dan kuraġġ u għajnuna”.

Semma kif il-Knisja, permezz ta’ parroċċi, istituzzjonijiet u għaqdiet fi ħdanha, ipprovdiet fost l-oħrajn ikliet lil min kellu bżonn.