Filmat: Juncker jippreżenta l-pjanijiet għall-UE

State of the Union 2018 - statement by Jean-Claude JUNCKER, President of the EC

🔴 Follow the State of the Union debate LIVE as Commission President Jean-Claude Juncker and Parliament members discuss what Europe's priorities should be for the coming years 🇪🇺

Posted by European Parliament on Wednesday, September 12, 2018

Tmien xhur qabel l-elezzjonijiet Ewropej f’Mejju 2019, l-MEPs ser jivvalutaw il-kisbiet tal-Kummissjoni Juncker.

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker ippreżenta l-inizjattivi li se taħdem fuqhom il-Kummissjoni Ewropea matul l-aħħar tmien xhur tal-mandat tagħha qabel l-elezzjonijiet Ewropej ta’ Mejju li ġej.

Fid-diskors li dam għaddej tliet kwarti, Juncker qal li l-immigrazzjoni, l-ħasil tal-flus, il-politika barranija u t-twaqqif tal-bidla fil-ħin tas-sajf huma fost il-prijoritajiet tiegħu u tal-Kummissjoni Ewropea.

Juncker semma li hemm bżonn ta’ superviżjoni aktar b’saħħitha kontra l-ħasil tal-flus biex l-Ewropa jkollha s-setturi finanzjarji u tal-banek b’saħħithom

Semma wkoll il-kompromess li jrid jintlaħaq bejn il-pajjiżi dwar riforma għall-immigrazzjoni u l-fruntieri kif ukoll il-bżonn ta’ deċiżjonijiet aktar effiċjenti dwar il-politika barranija.



Il-proposti ewlenin tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean-Claude Juncker

  • Superviżjoni aktar b’saħħitha kontra l-ħasil tal-flus biex l-Ewropa jkollha s-setturi finanzjarji u tal-banek b’saħħithom
  • Kompromess dwar riforma għall-immigrazzjoni u l-fruntieri:
    Fejn il-fruntieri iddaħħlu mill-ġdid, għandhom jitneħħew. Jekk ma jsirx dan, ma jkunx aċċettabbli għall-Ewropa tal-lum u ta’ għada.
  • Twaqqif tal-bidla fil-ħin mal-istaġun:
    L-Istati Membri għandhom ikunu huma stess li jiddeċiedu jekk iċ-ċittadini tagħhom jgħixux bil-ħin tas-sajf jew tax-xitwa. Hija kwistjoni ta’ sussidjarjetà. Nistenna li l-Parlament u l-Kunsill jaqblu ma’ din l-opinjoni. Il-ħin skada.
  • Alleanza ‘Afrika-Ewropa’ li ssaħħaħ ir-relazzjonijiet ekonomiċi u żżid l-investiment u x-xogħol
    Illum, qed nipproponu Alleanza ġdida għall-Investiment Sostenibbli u l-Impjiegi bejn l-Ewropa u l-Afrika. Din l-Alleanza – kif nippreveduha – se tgħin biex toħloq sa 10 miljun impjieg fl-Afrika fil-ħames snin li ġejjin biss.
  • Deċiżjonijiet aktar effiċjenti dwar il-politika barranija u dik ta’ sigurtà
    L-aħħar iżda mhux l-inqas, sa s-Summit ta’ Sibiu nixtieq nagħmel progress viżibbli fit-tisħiħ tal-politika barranija tagħna. Irridu ntejbu l-kapaċità tagħna li nitkellmu b’vuċi waħda meta niġu għall-politika barranija tagħna…
    Naħseb ukoll li għandna nkunu nistgħu niddeċiedu dwar ċerti kwistjonijiet ta’ taxxa b’maġġoranza kwalifikata.
  • Uffiċċju Ewropew ta’ Prosekutur Pubbliku b’saħħtu biex jiġġieled it-terroriżmu bejn il-fruntieri
    Irridu nkunu kapaċi nwaqqfu lit-terroristi b’mod aktar ikkoordinat, fl-Unjoni tagħna. It-terroristi ma jafux fruntieri. Ma nistgħux inħallu lilna nfusna nsiru kompliċi minħabba n-nuqqas ta’ kapaċità li nikkooperaw.
  • Miżuri li jassiguraw elezzjonijiet Ewropej bla indħil
    Huwa għalhekk li l-Kummissjoni llum qed tipproponi regoli ġodda biex tipproteġi aħjar il-proċessi demokratiċi tagħna mill-manipulazzjoni ta’ pajjiżi terzi jew interessi privati.
  • Regoli ġodda li jneħħu l-kontenut terroristiku minn fuq l-internet
    L-Ewropej jistennew ġustament li l-Unjoni tagħhom iżżommhom siguri. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni llum qed tipproponi regoli ġodda biex tneħħi l-kontenut terroristiku mill-internet fi żmien siegħa – tul ta’ ħin kritiku li fih issir l-ikbar ħsara.

Ritratti mill-Parlament Ewropew: