Filmat: ‘Qabel il-Maltin kienu jmorru l-Awstralja, issa l-barranin jiġu hawn’ – Muscat

Filmat: Facebook / Joseph Muscat

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat filwaqt li saqsa lil dawk preżenti jekk għandhomx qraba fl-Awstralja sostna li filwaqt fil-passat il-Maltin kienu jfittxu xogħol f’pajjiżi oħra fosthom l-Awstralja, issa l-barranin qed jiġu Malta biex isibu xogħol.

Muscat kien qed jitkellem f’attività politika taħt it-tinda fil-pjazza ta’ Ħaż-Żebbug bħala parti mill-programm 25/05 li kien ibbażat fuq it-tema tal-inklużjoni. Fuq il-programm kien hemm Ronald Zaffarese li huwa s-Senior Coordinator tal-isptar San Vinċenz de Paule, il-Kummissarju għall-Persuni b’Diżabbilità Oliver Scicluna, it-tabib Jan Chircop u l-attivista Samantha Pace Gasan.

AQRA: Filmat: “Filli jbeżżgħu bil-babaw tal-barranin; filli jridu ċentru tal-immigrazzjoni”

Waqt l-intervent tiegħu, Muscat saħaq li l-ġid iġib miegħu iktar ġid, u li dan isir mingħajr ma wieħed ibeżża’ bil-barranin u kuluri tal-ġilda. Huwa rrefera għad-dibattitu politiku li kellu mal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia u li se jixxandar fuq programm fuq l-istazzjoni nazzjonali. Sostna li l-kwistjoni tal-barranin jaħdmu f’Malta mhux se jibża’ jiddiskutiha.

AQRA: Filmat: Fqajna lil Malta bix-xogħol u l-ġid – Muscat

Muscat spjega li permezz ta’ miżuri li l-Gvern mmexxi minnu ħa, kien hemm iktar inklużjoni u tkellem fuq iktar nisa fid-dinja tax-xogħol fost oħrajn, filwaqt li saħaq li l-inklussività u l-ugwaljanza jagħmlu sens politiku u ekonomiku. Il-Mexxej Laburista sostna li jekk wieħed jaħdem flimkien Malta tista’ tirnexxi.

Dwar Ħaż-Żebbuġ

Il-Mexxej tal-Partit Laburista rringrazzja lis-Sindku ta’ Ħaż-Żebbuġ Sarah Agius Saliba li mhux se tkun qed terġa tikkontesta. Qal li dalwaqt se jkunu qed iħabbru ċentru ċiviku ġdid għal Ħaż-Żebbuġ kif ukoll iktar spazji rikreattivi fil-lokalità.

Tnedija tal-manifest elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew

Muscat qabel kien is-Siġġiewi fejn nieda l-manifest elettorali tal-Partit Laburista fil-Limestone Heritage. Iktar tard huwa indirizza dawk kollha li nġabru fil-pjazza tas-Siġġiewi.

Is-Siġġiewi f'Qalbna

Is-Siġġiewi f'Qalbna

Posted by Joseph Muscat on Thursday, May 2, 2019

Iktar kmieni Muscat nieda l-manifest elettorali tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fis-Siġġiewi.

Waqt it-tnedija tal-manifest tal-Partit Laburista, Muscat qal li l-programm huwa mibni fuq għaxar prinċipji ewlenin u se jkun il-qafas li fuqu se jkunu qed jaħdmu l-kandidati għall-Parlament Ewropew tal-PL.

Muscat saħaq li t-tema ċentrali tal-manifest elettorali hi li kull deċiżjoni trid tkun imnebbħa mill-interess ta’ Malta. Semma li wkoll l-prinċipji jinkludu l-investiment, l-immigrazzjoni u s-sigurtà.

Tnedija tal-manifest elettorali għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew mill-Prim Ministru Joseph Muscat

Posted by Partit Laburista on Thursday, May 2, 2019