Aġġornata: Iqattgħu sagħtejn jiddibattu fuq il-provi; il-PL iwieġeb

Id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Chris Cardona u l-kandidata għall-elezzjoni ġenerali Julia Farrugia, f'konferenza tal-aħbarijiet qalu kif f’sagħtejn dibattitu fuq l-istazzjon nazzjonali, ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni ma ġabx prova waħda li hi waħda, minkejja li skont l-istqarrija tal-PL ‘ilu jigdeb fl-ikbar attentat ta’ frame-up politiku’.
Cardona sostna li dak is-suppost traskritt ta’ dokument huwa fabrikazzjoni mill-bidu sal-aħħar u stqarr li provi ma jeżistux.
Il-Ministru għall-Ekonomija spjega kif permezz tas-sistemi SWIFT u IBAN, illum il-banek iżommu rekord anke ta’ top-up tal-mobile phone ta’ €5 għal 40 sena, f’dik li hija magħrufa bħala r-retention period. 
Chris Cardona qal li Simon Busutil għaddej minn disperament politiku għax qed jara l-polls u jħoss u jara l-feedback tan-nies, tant li wasal biex jgħid issa li huwa sekondarju u rrelevanti ta’ min hi Egrant wara li ilu sena għaddej bil-gideb dwar dan.
Min-naħa tagħha Julia Farrugia qalet li l-Kap tal-Oppożizzjoni falla l-akbar test politiku f’dawn l-aħħar erba' snin, fallieh mal-poplu li kien qed jistenna li Simon Busuttil iressaq il-provi  għal dak li qed kien qed jallega, xi ħaġa li m’għamilx.
Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jiddibattu f'Xarabank (aqra minn isfel għal fuq)
10:48     Jintemm id-dibattitu bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil
 
10:47     Dr Muscat qal li Dr Busuttil baqa' lura milli jagħmel tiegħu l-provi li resqet Daphne Caruana Galizia. Żied jgħid li l-Gvern għamel żbalji u jirrikonoxxihom.
 
10:46     “Minflok iġib prova, tagħmel allegazzjonijiet u titfa’ aktar tajn” – Dr Muscat
 
10:46     Dr Muscat qal li n-nies jippretendu li Dr Busuttil ma jigdibx. Żied jgħid li lbieraħ kien komdu fil-jum tal-akkużi iżda llum, fil-jum tal-provi le, għax ma ġabx provi.
 
10:44     Filwaqt li Peppi Azzopardi qal lil Dr Busuttil fadallu żewġ minuti biex jagħlaq, Dr Muscat stiednu biex jkompli jitkellem u biex iġib il-provi
 
10:43     Dr Busuttil qal li l-investigazzjoni hija falza. Saħaq li isem mart il-Prim Ministru qatt ma tfaċċa fl-iskandlu tal-Panama Papers għax Mossack Fonseca taw l-isem tal-kumpanija Egrant bl-skype.
 
10:28     Dr Muscat qal li Caruana Galizia qed tirkeb il-karru tal-kredibiltà li kisbet fuq l-iskandlu tal-Panama Papers biex tqarraq bin-nies. Huma għamel l-anoloġija li tirbaħ il-lotterija ma jfissirx li se terġa' tirbaħha l-ġimgħa ta' wara. Il-PM qal li din ir-rivalità hija ipokrezija.
 
10:14     Dr Muscat qal li Dr Busuttil huwa bħal tarbija jibki, “meta l-affarijiet jiġu kif trid tfaħħarhom. Meta ma jiġux tattakkahom”. – Dr Muscat
 
10:10     Dr Muscat staqsa x'kien qed iżomm lil Dr Busuttil milli jmur għand il-Kummissarju u jitolbu jinvestiga. Saħaq li hu dmiru għamlu u talab investigazzjoni. Min-naħa tiegħu Simon Busuttil qabeż u qal li l-PM "l-ewwel fetaħ il-gaġġa u ħalla l-għasfur jaħrab u wara fetaħ investigazzjoni".
 
10:08     Peppi Azzopardi staqsa lil Dr Muscat jekk id-dokument li ħarġet Caruana Galizia hux falz. Dr Muscat qal li dan huwa kopja. Dlonk qabeż Dr Busuttil u qallu li qisu għandu d-dokumenti oriġinali, liema stqarrija ġiet miċħuda minn Dr Muscat.
 
10:07     F'atmosfera imqanqla, Dr Muscat qal li Dr Busuttil jibża' minn Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu Dr Busuttil wieġeb "ma nibżax minnha daqskemm ma nibżax minnek".
 
10:06     Dr Muscat qal li waqqaf lil min kiteb attakki personali. Saħaq li jekk dan baqa' għaddej, jitlob appoloġija u qal li hu qatt ma attakkah b'mod personali. Dr Busuttil qal li dan mhux minnu. Dr Muscat qallu "Let leave the family out of it" u Dr Busuttil qallu "Lead by example" Dr Muscat qallu biex jagħmlu ftehim biex dan jieqaf.
 
10:04     Dr Busuttil qal li hija ipokrezzija li jitkellem fuq il-familja, meta Glen Bedingfield beda jitkellem fuq il-partner tiegħu waqt li kienet għaddejja minn żmien iebes. Saħaq li hu qatt ma daħħal lil martu u lil uliedu fl-argumenti tiegħu.
 
10:02     "Int għamilt bħal min isib il-ħallelin id-dar u jċempel il-Pulizija u jgħidulu issa niġu għax qegħdin fenkata!" Żied jgħid li wara li jitilqu l-ħallelin, imorru l-Pulizija u ma jsibu xejn u jagħjruhom giddibin.
 
10:01     Dr Busuttil qal li Dr Muscat kellu opportunità biex jagħlaq dan il-każ billi jaqbad u jibgħat il-Pulizija l-Bank Pilatus. Saħaq li mhux talli tilef din l-opportunità imma ħalla s-sid tal-bank  biex ineħħi l-provi.
 
9:53        Dr Muscat qal li meta kien jiddiskuti ma' Dr Lawrence Gonzi kien ikun hemm dibattitu aħrax imma kien ikun fuq livell politiku u li bejniethom kien hemm rispett. Żied jgħid li hu għandu rispett lejn Dr Busuttil imma ma jaħsibx li hi reċiproka għax qed jipprova jħammeġ lilu, lil martu u lil familtu.
 
9:52        "Dr Busuttil attakka lill-familja tiegħi bla ma ġab il-provi. Meta nagħmel allegazzjonijiet politiċi fil-konfront tiegħek, u se nagħmel hekk meta jasal il-waqt, se jkolli provi" – Dr Muscat
 
9:50        Dr Busuttil qal li hu irrelevanti jekk il-kumpanija hix ta' mart il-PM. Dlonk qabeż il-PM u qal "issa saret irrelevanti u se tagħmel protesta fuq hekk?"
 
9:49        "You dropped the mother of bomb. Li se jkun ġralek hu li se tkun waqqajtha fuq id-Dar Ċentrali tal-PN" – Dr Muscat
 
9:49        Dr Muscat qal lil Dr Busuttil li mhux se jirbaħ l-elezzjoni b'dan li qed jagħmel. Qallu li n-nies qed jiġġudikawh bħala wieħed iddisprat.
 
9:48        Il-PM qal li dak li ngħad fuq martu huwa gidba u frame up. Qal li tant hu hekk li meta Dr Busuttil ra d-dokument għokritu għajnejh minnu u ma jridx jagħmlu tiegħu.
 
9:47        "Simon Busuttil waddab boomerang bit-tfigħ tat-tajn" – Dr Muscat

9:47        Dr Busuttil qal li saret investigazzjoni fuq ix-xufier tiegħu biex jaraw seraqx il-petrol iżda ma saritx investigazzjoni fuq Konrad Mizzi u Keith Schembri.
 
9:46        Dr Busuttil qal li meta Dr Muscat ikun dahru mal-ħajt jaqla' l-ħama fuq il-PN. Żied jgħid li din il-logħba saret antika, li biex jiddefendi lilu nnifsu jħammeġ lil ħaddieħor. Dlonk Dr Muscat qabeż u qal li jaqbel miegħu.
 
9:45        "Xi ħadd daħħalkom gass down f'ħajt u issa l-ħajt fqajtu" – Dr Muscat
 
9:44        Dr Muscat qal li prova oħra li din l-evidenza hija falza, hija d-data. Spjega li dokument jgħid li sentejn wara li biegħu l-Kumpanija lil Brian Tonna biegħuha lil martu. Saħaq li dan gideb.
 
9:43        Dr Muscat qal li d-dokument li ħarġet Caruana Galizia llejla huwa ffalsifikat. Qal li d-dokument iġib bl-indirizz f'San Ġwann. Żied jgħid li kumpanija fil-Panama ma jistax ikolha indirizz lokali.
 
9:43        Dr Muscat qal li anke Dr Busuttil qed jiddubita dak li qed tgħid Caruana Galizia. Żied jgħid li għandu raġun jiddubita.
 
9:42        Dr Muscat qal li jekk Dr Busuttil irid jinvestiga ,jista' jinvestiga lis-sistema tal-finanzi tal-Partit u lil Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami. Saħaq li l-FIAU hija awtonoma.

9:41        Dr Busuttil qal li jekk Egrant hija ta' Dr Muscat, huwa kompliċi mal-Ministru Konrad Mizzi u ma' Keith Schembri. Dak il-ħin Dr Muscat qabeż u qal "tjb".
 
9:41        Hekk kif kompla d-dibattitu, li fih il-kelliema bdew jitkellmu f' xulxin, Dr Muscat tenna l-mistoqsija tiegħu jekk Dr Busuttil jemminx lil Caruana Galizia.
 
9:40        Il-PM staqsa lil Dr Busuttil jek jemminx lil Caruana Galizia. Min-naħa tiegħu Dr Busuttil qal "li hu żgur ma nemminx lilek". Dlonk wieġeb il-PM u qal li lanqas Dr Busuttil ma jemminha.
 
9:39        B’mod ironiku l-PM qal li ma jafx jekk Daphne Caruana Galizia hiex il-Kap tal-PN jew sieħba tiegħu
 
9:38        Il-Prim Ministru qal li mar darbtejn l-Ażerbajġan u l-ewwel darba ma kienx hemm il-midja. Qal li anke Dr Busuttil ma jtellax il-midja kull darba li jmur Brussell.
 
9:32        Iż-żewġ mexxejja tal-partit politiċi qabżu jitkellmu fuq xulxin waqt li Dr Busuttil staqsa lil Dr Muscat x'kontijiet għandu Keith Schembri. Dr Muscat wieġeb li jaf x'għandu Keith Schembri daqskemm Dr Busuttil jaf x'għandu s-segretarju privat tiegħu.
 
9:30        Simon Busuttil staqsa lill-PM jekk Keith Schemmbri għandux kont f'Pilatus Bank. B'mod ironiku Dr Muscat qallu li skont ma kienet kitbet Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri suppost miet.
 
9:30        Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni tkellmu fuq xulxin wara li l-PM staqsa lil Dr Busuttil jekk hux se jagħmel l-allegazzjonijiet li ħarġet il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia tiegħu.
 
9:25        "Lill-Bank Pilatus tajtu l-liċenzja int. Missek qatt ma tajt liċenzja lil wieħed Iranjan" – Dr Busuttil
 
9:25        Il-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzjoni jitkellmu fuq xulxin fuq min se jġib il-provi.
 
9:23        "In-nies se jiġġudikaw lili imma anke lilek" – Muscat
 
9:23        "Mhux probelma jekk ma ġġibx provi int, għax il-Maġistrat għandu l-aċċess" – Muscat
 
9:22        "Hawnhekk mhux Qorti imma lanqas kummiedja" – Muscat
 
9:21        "Għamilt gidba faħxija fuqi mingħajr ma kellek provi. Dik serjetà ta' wieħed li jrid ikun PM?" – Joseph Muscat
 
9:20        "Il-bagalji forsi fihom l-fatturi tad-DB" – Joseph Muscat. Jgħid ukoll li transfers bankarji ma jinġarrux fil-bagalji.
 
9:19        "Simon Busuttil diġà beda bil-falzità" – Joseph Muscat
 
9:19        "Ma' Ġanni tan-nagħaġ ta' Għawdex bgħatt Pulizija, mal-bank ma bgħattx!" – Simon Busuttil
 
9:19        Il-Kap Nazzjonalista qal lill-Prim Ministru  li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa pupazz tiegħu għax minflok beda jinvestiga mar jiekol il-fenek
 
9:18        "X'taħseb li fihom dawn il-bagalji Prim Ministru, ċikkulata jew toothpaste?" – Simon Busuttil
 
9:18        Mistoqsi mill-Prim Ministru xi provi għandu, Simon Busuttil qal li l-prova li għandu hija li fis-satra tal-lejl żewġ min-nies ħarġu mill-Bank Pilatus bil-bagalji mimlijin dokumenti.
 
9:16        Dr Muscat qal li Simon Busuttil iridu jitlaq. Żied jgħid għall-kuntrarju hu jrid li Dr Busuttil jibqa' kap tal-PN.
 
9:15        Il-PM sfida lill-Kap tal-PN biex iġib il-provi dwar l-allegazzjonijiet li qed jagħmel
 
9:14        Il-Prim Ministru qal li min rajh talab lill-Pulizija biex jaħtar maġistrat biex jinvestiga
 
9:14        Busuttil qal li għad-demostrazzjoni ta' nhar il-Ħadd se jkun hemm il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia u anke Michael Briguglio min-Netwerk Soċjetà Ċivili.
 
9:12        Simon Busuttil qal li l-Gvern ġab lil Malta post tal-mafja u appella lil Joseph Muscat biex jitlaq mill-Gvern issa.

9:11        Jiftaħ id-dibattitu l-Kap tal-Oppożizzjoni billi jgħid li l-Prim Ministru ma jistax jibqa' jmexxi lil Malta għax jinsab taħt inkjesta maġisterjali
 
9:10        Jibda d-dibattitu, li matulu mhux se jkun hemm udjenza.
 
8:59        Quddiem l-istudios ta’ Xarabank inġabru għadd ta’ nies b’kartelluni waqt li kienu deħlin il-mexxejja taż-żewġ partiti politiċi.
 
7:40        Illejla l-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil se jiltaqgħu f'dibattitu waqt Xarabank fuq TVM.
 
Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornak kontinwament b'dak li jkun qed jintqal waqt id-dibattitu Oriġinarjament fuq Xarabank kellu jiġi intervistat Simon Busuttil, imma l-pjan inbidel wara li fil-konferenza tal-aħbarijiet, il-Prim Ministru stieden lil Busuttil biex jagħmlu dibattitu wiċċ imb wiċċ.