Filmat: “L-Ewropa hi falliment quddiem l-immigrazzjoni” – Joseph Muscat

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dalgħodu deher quddiem il-Parlament Ewropew fi Strasburgu, f'sessjoni dwar il-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew, li ġiet fi tmiemha nhar il-Ġimgħa li għadda. 

Il-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija kienu l-migrazzjoni, is-suq uniku, is-sigurtà, l-inklużjoni soċjali u s-settur marittimu.
10:14 Joseph Muscat stqarr li hu jerfa’ r-responsabbiltà għall-fjask tal-immigrazzjoni, imma spjega li l-problema qiegħda fil-Kunsill Ewropew, u mhux tort tal-Kummissjoni Ewropea jew tal-Parlament Ewropew.
Il-Prim Ministru appella lill-Kunsill Ewropew biex jasal għal dibattitu onest dwar l-immigrazzjoni.  
Saħaq li bħala Presidenza, Malta għamlet ftit progress fl-istrateġija, hekk kif dejjem fittxet dak li jgħaqqad.
Joseph Muscat semma fost l-oħrajn, li din is-sena l-UE rnexxielha tikkonviċni 5,000 persuna biex imorru lura għall-pajjiż tal-oriġini tagħhom.  Saħaq li minkejja din hija qatra waħda f’oċean, insista li dan ifisser sforz kbir mill-UE.  Irrefera wkoll għall-kisba tal-Konvenzjoni ta’ Istanbul.
Il-Prim Ministru wieġeb għall-mistoqsija tal-MEP Sven Giegold, u qal li s-sistema tat-taxxa f’Malta hi l-istess dik li approvat il-Kummissjoni Ewropea meta Malta ssieħbet mal-Unjoni Ewropea.
Dwar l-investigazzjonijiet, Joseph Muscat qal li dawn għadhom għaddejjin u qed isiru b’mod indipendenti. 
10: 12 Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker jgħid li l-Kummissjoni grata li l-Presidenza Maltija ħadet deċiżjonijiet qalbiena dwar l-immigrazzjoni. Żied jgħid li l-Kummissjoni llum stess se tkompli tiddeċiedi dwar il-politika tal-immigrazzjoni, u li l-Ewropa trid tibqa’ tkun solidali mal-Italja, li ddeskriviha bħala l-eroj tal-Ewropa.
10:08 L-Ewroparlamentari Miriam Dalli saħqet li spiċċa l-ħin għall-kliem fieragħ u rrelevanti dwar id-daqs tal-pajjiżi. Appellat biex kull stat membru jindirizza bis-serjetà l-kwistjoni tal-immigrazzjoni.  
10:06 L-MEP Laburista Marlene Mizzi stqarret li hi sfida akbar li pajjiż imexxi Presidenza fi żminijiet turbulenti fl-Ewropa. Żiedet tgħid li l-Presidenza Maltija nnegozjat ftehim f’għexieren ta’ setturi, fosthom ir-roaming. Sostniet li Malta hi pajjiż żgħir imma mhux fis-serjetà u d-determinazzjoni. 
09:59 Péter Niedermueller qal li ċertu stati membri ma jistgħux jifhmu li l-problema tal-immigrazzjoni hi problema Ewropea u mhix kwistjoni li tiġi solvuta mill-istati membri. 
09:47  Steven Woolfe insista li l-Presidenza Maltija kienet suċċess u li din hija xhieda li pajjiż żgħar mhuwiex insinifikanti.
09:45 L-MEP Ġermaniż Sven Giegold mill-Grupp tal-Ħodor stqarr li hi ħasra kbira li l-Presidenza Maltija tiġi akkużata li ma solvietx il-kwistjoni tal-immigranti. Saħaq li ħadd ma jista’ jippunta subgħajh lejn il-Presidenza Maltija.
Dwar id-direttiva dwar il-ħasil ta’ flus u l-kriminalità finanzjarja, Giegold qal li l-Ewropa trid taħdem flimkien, u mhux kull stat membru jaħseb għal rasu.
Madanakollu staqsa lil Joseph Muscat, x’qed jiġri dwar it-tliet rapporti li hemm dwar Malta u l-ħasil ta’ flus.  Esprima x-xewqa li l-Prim Ministru jwieġbu, għax minkejja li staqsieh drabi oħra, qatt ma rċieva tweġiba.
09:43 Helmut Scholz qal li mhux kuntent bil-Presidenza Maltija minħabba n-nuqqas ta’ negozjati kummerċjali.  
09:37 Maite Pagazaurtundua Ruiz qal lill-Prim Ministru li wera li gżira żgħira ma tibżax minn responsabbiltà kbira. Faħħar it-twaqqif ta’ Prosekutur Ewropew, filwaqt li ddeskriva l-immigrazzjoni bħala falliment ta’ kulħadd.
09:33 Il-Belġjan Philippe Lamberts semma l-Panama Papers u li aġenzija Maltija wriet li l-Gvern Malti hu implikat fil-frodi.
09:30 Helga Stevens faħħret lill-Presidenza Maltija dwar kif pruvat ittejjeb il-kwistjoni tal-immigrazzjoni.  Semmiet fost l-oħrajn, kif Malta pproteġiet il-fruntieri Ewropej bl-assi militari tagħha, filwaqt li offriet taħriġ lill-gwardjani tal-kosta Libjana. 
09:26 Il-Franċiż Gilles Labreton qal li mhux kuntent bil-Presidenza Maltija. Saħaq li minkejja li rnexxielha ġġib tmiem għar-roaming, falliet fuq żewġ dossiers. Semma l-ewwel l-immigrazzjoni, hekk kif fl-Italja bdew jidħlu mas-6,000 immigrant kuljum.  Libreton saħaq li Malta falliet ukoll dwar il-ħasil tal-flus. Irrefera għal dak li jgħidu 13-il entità, li Malta hija tax haven. 
09:24 Min-naħa tiegħu, il-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew Alfred Sant tkellem dwar dak li sejjaħ xogħol eċċellenti mill-Presidenza Maltija. Enfasizza li l-immigrazzjoni, il-Brexit u s-servizzi finanzjarji għandhom jibqgħu jingħataw attenzjoni partikolari mill-Presidenza Estonjana.
09:22 Il-Kap tad-Delegazzjoni Nazzjonalista fil-Parlament Ewropew David Casa kellu kliem ta’ tifħir għas-sitt xhur tal-Presidenza Maltija. Semma wħud mill-kisbiet, fosthom it-tmiem tat-tariffi tar-roaming u t-twaqqif tal-aġenzija tal-ażil. Madanakollu David Casa qal li l-Prim Ministru għandu jwieġeb dwar it-talba tal-Kummissjoni Ewropea dalgħodu, dwar l-impjegati li tneħħew mill-Fondazzjoni Valletta 2018, għax mhumiex tal-istess partit politiku tiegħu. Dwar l-appelli tal-Prim Ministru għall-għaqda, David Casa ssuġerixxa lil Joseph Muscat biex jipprattika f'Malta, dak li jipprietka fl-Ewropa. 
09:20 Ftit mumenti ta’ botti u risposti bejn Juncker u l-President tal-Parlament Ewropew Antonio Tajani, wara li Juncker talbu biex jintervjeni. Tajani m’aċċettax li l-Parlament Ewropew huwa redikolu u talab għal lingwaġġ adekwat fil-Parlament. Min-naħa tiegħu, Juncker ħalef li ma jerġax jattendi għal seduta ta' dan it-tip. Stqarr li l-Prim Ministru Malti rnexxielu jagħmel xogħol eċċellenti, flimkien mal-Ministri tiegħu u l-Maltin kollha li ħadmu minn wara l-kwinti. 
09:18 Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qal li huwa redikolu ħafna, kif fil-Parlament hemm biss 30 deputat. Irrimarka li kieku kienu qed jindirizzaw il-plenarja mexxejja ta' pajjiżi bħal Franza u l-Ġermanja, l-attendenza tal-MEPs kienet tkun ikbar. 
09:16 Stqarr li l-Gvern Malti hu kburi li matul dawn is-sitt xhur, il-Presidenza Maltija rnexxielha tagħlaq ħafna dossiers li jolqtu liċ-ċittadin fil-laħam il-ħaj.
09:15 Joseph Muscat semma l-Libja u qal li l-Ewropa għandha bżonn li tara kif tgħaqqad id-dinja, biex tibni l-pontijiet u mhux ittella' l-ħitan. 
09:13  Il-Prim Ministru qal li l-Presidenza Maltija kellha taffaċċja l-Brexit, li ddeskriviha bħala “kreatura ta’ diżastru”. Jistaqsi x’qed tagħmel l-Ewropa biex din is-sitwazzjoni ma terġax issir. Insista li hemm bżonn li ċ-ċittadini jingħataw widen. 
09:12 “Solidarjetà effettiva nistgħu naslu għaliha flimkien biex nikkombattu dan il-fenomenu” – Joseph Muscat
09:11 Il-Prim Ministru qal li Malta qed tagħti l-100% biex tikkopera mal-awtoritajiet biex jiġu salvati ħajjiet minn fuq il-baħar.
09:10 Joseph Muscat semma kif ħafna pajjiżi Ewropej jilqgħu eluf ta’ immigranti, fosthom l-Italja. Staqsa x’qed tagħmel l-Ewropa dwar dan u jekk iċ-ċittadini għandhomx tort li jipprotestaw u jduru lejn partiti estremisti.  Saħaq li l-Ewropa qed tfalli.
09:09 Sostna li fl-aħħar sitt xhur, il-Presidenza Maltija fakkret li l-Ewropa fadlilha fejn taqdef, fost l-oħrajn fl-immigrazzjoni.
09:08 Joseph Muscat stqarr li llum qed jagħlaq kapitlu żgħir fl-istorja, imma żied jgħid li għal Malta din kienet esperjenza.
09:06 Stqarr li l-Ewropa għadha lura biex in-nies iħossuhom aħjar, kif jistħoqqilhom.  Żied Jgħid li s-solidarjetà vera mhix il-flus, imma l-umanità.
09:05 Il-Prim Ministru jibda d-diskors tal-ftuħ tiegħu, l-ewwel parti bil-Malti.