Filmat: Mill-bidu kienu skedati żewġ dibattiti biss – Muscat

Il-Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat qal li l-midja diġà rrappurtat li kien se jkun hemm biss żewġ dibattiti li fihom il-pubbliku kien se jkun qed jara lil Muscat jiddibatti kontra l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia fuq it-televiżjoni.

Waqt attività politika fiż-Żurrieq, Muscat qal li wieħed diġà sar filwaqt li l-ieħor se jkun qed isir il-ġimgħa d-dieħla. Muscat qal li ma kienx hemm dibattitu skedat għal-lejla u qal li aktarx Delia qam fuq in-naħa l-ħażina tas-sodda.

Abbuż tas-sustanzi

Il-Mexxej Laburista qal li mas-60 adoloxxent kellhom jingħataw trattament għall-abbuż tas-sustanzi fl-2018.

Muscat indirizza t-tema tal-infrastruttura soċjali u tkellem dwar il-proġett Tal-Ibwar f’Ta’ Kandja. Illum sar it-tberik ta’ ġebla kommemorattiva mill-Arċisqof Charles Scicluna. Muscat spjega li s-soċjetà hi magħmula minn tipi differenti ta’ infrastruttura – wieħed minnhom hija d-dimensjoni soċjali.

Jalla ż-żgħażagħ imġarrbin joħorġu minn hawn kburin – l-Arċisqof

Muscat qal li sal-ġurnata tal-lum ma kienx hemm faċilità apposta li tkun tista’ tassisti liż-żgħażagħ jirkupraw mill-abbuż tas-sustanzi minkejja appelli kontinwi mill-ġudikatura biex dan il-bżonn jiġi indirizzat.

Muscat qal lill-partitarji li sal-lum dawn iż-żgħażagħ qed jispiċċaw fl-isptar Monte Karmeli jew f’ċentru ta’ riabilitazzjoni mal-adulti jew fil-ħabs.

Muscat fakkar li diġà sar investiment ta’ madwar €3 miljun fil-proġett li qed isir mal-Caritas Malta. Il-Gvern se jkun qed jinvesti madwar €750,000 fis-sena biex imexxi ċ-ċentru.
Muscat qal li b’mod simili, dawk li ġarrbu ġrieħi li bidlulhom ħajjithom se jiġu trasferiti lejn faċilità li se tkun qed tgħinhom jerġgħu jintegraw fis-soċjetà wara li dan il-proġett tħabbar il-ġimgħa l-oħra.

Il-Professjoni medika u l-ħidma soċjali

Muscat tenna li Malta xorta għandha bżonn aktar infermiera kif ukoll spiżjara. Qal li hemm bżonn madwar 400 infermier. Appella liż-żgħażagħ biex jidħlu fil-professjonijiet mediċi. Tkellem dwar l-eroj li forsi ma tantx jidhru bħal ma huma l-ħaddiema soċjali, il-psikologi, il-psikoterapisti, u l-youth workers.