Filmat: “Is-surplus ma jsibuhx għax qiegħed fil-kxaxen tal-familji Maltin” – Muscat

Il-mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat sostna li l-Partit Nazzjonalista ma jistax isib is-surplus tal-Gvern bir-raġun, għax il-Gvern assigura li dan is-surplus jitqassam fil-kxaxen tal-familji Maltin.

Dan qalu waqt li ndirizza attivita politika li saret fiż-Żejtun illum. Muscat enfasizza li l-ikbar preġju tal-Gvern huwa li jibqa’ man-nies u tan-nies. Sostna li fiż-żmien qabel ma tela’ Gvern Laburista, jekk wieħed kien jistaqsi lill-poplu Malti x’inhi l-prijorità tiegħu ma kienx jgħid il-bżonn ta’ aktar spazji miftuħa, imma li jinkwieta li se jitlef xogħolu u l-kontijiet tad-dawl.

Semma kif filwaqt li qabel Gvern Laburista, Malta kienet l-ewwel fil-klassifika tal-ogħla kontijiet tad-dawl u l-ilma, illum il-ġurnata, skont  stastistika ġdida maħruġa mill-Kummissjoni Ewropea, Malta għandha r-raba’ l-irħas kontijiet fl-Ewropa kollha. Sostna li kieku l-Gvern ħalla lilu nniffsu jiġi affettwat mill-attakki tal-oppożizzjoni, il-poplu Malti u Għawdxi kien qed ikun għadu jħallas kontijiet għoljin b’ċans kbir li jkomplu jogħlew mas-snin. Muscat tenna li l-inqas ħaġa li kien jistenna l-poplu mill-oppożizzjoni kien mhux li jappoġġja lill-Gvern imma li ma jippruvax ifixkel lill-familji.

“Il-PN moħħu f’kampanji kontra l-pajjiż”

Muscat kompla jgħid kif filwaqt li l-Partit Laburista ħejja kampanja bbażata fuq messaġġi ta’ pożittività, il-Partit Nazzjonalista kien moħħu biss biex “jirxoxta l-gideb u jagħmel kampanji kontra l-pajjiż.”

“Se nkomplu naħdmu fuq l-isport”

Fid-diskors tiegħu, Muscat għamel referenza għat-tnedija tal-Istrateġija Nazzjonali tal-Isport li saret illum fejn sostna li wasal iż-żmien li l-isport jingħata l-importanza neċessarja sabiex ikun hemm qasam ieħor fejn Malta wkoll tibda tiġi l-ewwel. Qal li din l-istrateġija se tara l-investiment fl-isport jitla’ għal €30 miljun.

“Il-Gvern tappan ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna” -PN

F’reazzjoni għad-diskors ta’ Muscat, il-Partit Nazzjonalista sosnta li jidher li Muscat għadu mhux qed jifhem li dawk li jtappnu r-reputazzjoni tal-pajjiż b’għemilhom huma dawk li qed jagħmlu l-ħsara lill-pajjiż. Qal li Malta dejjem kellha reputazzjoni tajba, sakemm il-Gvern tappnila r-reputazzjoni u ġab kritika ħarxa ta’ bosta istituzzjonijiet internazzjonali u Ewropej.

Filmat: PL