Aġġornata: Filmat: “Il-PN ma ħariġx biżżejjed kandidati fix-Xagħra” – Muscat

Il-Prim Ministru b’diskors f’attivita politika fix-Xaghra Ghawdex

Il-Prim Ministru b’diskors f’attivita politika fix-Xaghra Ghawdex

Posted by Joseph Muscat on Saturday, May 4, 2019

Il-kap tal-Partit Laburista indirizza attività politika fix-Xagħra Għawdex aktar kmieni llum. Joseph Muscat waqt id-diskors tiegħu qal li qatt ma stenna li kien se jkollu jaffaċja fil-bidu tal-kampanja elettorali sitwazzjoni li sejħilha “farseska” hekk kif il-Partit Nazzjonalista ma ħariġx biżżejjed kandidati fuq ix-Xagħra. L-oppożizzjoni ma riditx li x-Xagħra toħroġ tivvota għall-elezzjoni ġenerali tal-Kunsilli Lokali. Muscat qal li din hija biss strateġija biex min is-soltu jivvota lill-kandidati Laburisti, jkun fiċ-ċert li se jitilgħu dawn il-kandidati u għalhekk umbad ma jmurx jivvota għall-kandidati laburisti li qed jikkontestaw fl-elezzjoni għall-Parlament Ewropa.

Muscat qal li għall-Partit Laburista Għawdex jiġi fuq quddiem nett ta’ dak kollu li jkunu qed jagħmlu għall-kuntrarju ta’ dak li kien jagħmel il-Partit Nazzjonalista meta kien fill-gvern. Muscat qal li l-persistenza wasslet biex Għawdex qaleb il-folja u issa qed itella’ tliet membri parlamentari.

Muscat qal li l-Partit Laburista għandu manifest speċifiku bi proposti ċari kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-kull lokalita. Huwa ħabbar li fix-Xagħra se jiftaħ ċentru ċiviku ġdid, għassa tal-Pulizija, il-berġa tal-qasam tas-saħħa, day centre għall-anzjani u l-għaqdiet u post fejn se jkun jista’ jopera l-Kunsill Lokali. Tul il-leġiżlazzjoni imbagħad, Muscat qal li l-Kunsill Lokali se jkun qed jgħin lill-Gvern biex jibda l-proġett fejn minflok il-miżbla tal-Qortin, jiġi żviluppat park għall-familja.

Muscat irrefera għad-dibattitu li kellu mal-Kap tal-Oppożizzjoni u qal li Delia għamel U-turn fuq il-mina bejn iż-żewġ gżejjer. Il-parlament qabel li dan il-proġett tal-mina għandu jsir, iżda Delia fid-dibattitu ta’ nhar il-Ħamis qal li għadu mhux ċerta ta’ xgħandu jsir meta fl-2013 u fl-2017 kienu diġà wegħdu li se jagħmlu l-istess proġett.

Waqt id-diskors tiegħu, Muscat qal li l-unika partit li jieħu l-Għawdex bis-serjeta hu l-Partit Laburista. Hu qal li kemm il-poplu Malti kif ukoll dak Għawdxi għandu jitgħallem li dak li jwiegħed il-Partit Nazzjonalista ma jwettquh qatt, bil-proġett tal-mina jkun l-aktar mod ċar ta’ dan.

Fi stqarrija maħruġa mill-Partit Laburista, il-Partit qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia, qed jibqa’ jibbaża l-politika tiegħu fuq l-esaġerazzjonijiet, il-biża’ u l-fatti żbaljati. Fl-istqarrija, il-Partit Laburista għamel referenza għad-diskors ta’ Delia meta kien qed jitkellem f’Tas-Sliema u qal li n-nies f’Tas-Sliema qed jagħmlu saħansitra t-tielet bieb minħabba r-rata ta’ serq f’Tas-Sliema.

Fl-istqarrija qalu li l-fatti juru li d-dikjarazzjoni ta’ Delia mhi xejn għajr minn sensiela oħra bbażati fuq il-biża’, imma fuq kollox kontra l-verita’ tal-fatti.

“M’għandekx dritt titkellem fuq il-kunsilli lokali” – PN

Fi stqarrija ffirmata minn Robert Cutajar, il-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar il-Kunsilli Lokali, il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat nesa jgħid li kien il-Gvern Soċjalista li sentejn ilu ħassar l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali f’nofs il-lokalitajiet f’Malta u Għawdex. Barra minn hekk, lanqas ma qal li kien il-Gvern Soċjalista li ħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi fosthom tlieta f’Għawdex, li huma Marsalforn, ix-Xlendi u Santa Lucija. Skont il-PN, naqas lill-kandidati Laburisti Għawdxin billi ma qalilhomx li l-Kunsilli Lokali mhumiex “super favoriti” għalih.

Il-PN temm jgħid li Muscat u l-Partit Soċjalista mhumiex kredibbli u m’għandhomx il-kredenzjali biex jitkellmu fuq il-Kunsilli Lokali għax qatt ma emmnu fil-kunsilli.