Egrant propjetà tal-PL – Dalli lil Ferris

Read in English.

  • Egrant propjetà tal-PL – Ferris jgħid li Dalli qallu hekk
  • “Id-dokument li bagħat Kessler tal-OLAF qatt ma wasal għand Ferris; weħel xahrejn għand l-AĠ”
  • “L-ewwel xokk għalija li fl-FIAU kien hemm password wieħed għas-sistemi kollha” – Ferris
  • “Peter Paul Zammit spiċċa fl-inkwiet għax ma aġixxiex fuq il-każ ta’ John Dalli” – Ferris
  • “Alfred Zammit tal-FIAU ma ridnix nersaq l-uffiċċju għax kienet għaddejja laqgħa sensittiva” – Ferris
  • Jonathan Ferris isemmi kif darba ċemplitlu Daphne
  • Ferris jgħid li qalulu li tawh struzzjonijiet li ma jirrappurtawx lill-Pulizija dwar it-tanker tal-LNG
  • Ferris intalab imur quddiem il-Maġistrat Bugeja, isib lil Ian Abdilla, iqabbel id-dokument u jsib “ammont ta’ diskrepanzi”
  • Ferris jgħid li darba Dalli rrefera għal Caruana Galizia bħala “cyber terrorist”

L-eks Spettur tal-Pulizija u investigator tal-FIAU Jonathan Ferris qed jixhed illum waranofsinhar f’seduta oħra tal-inkjesta pubblika fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta li għaddiet, xehdu l-eks Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar u l-eks Chairman tal-MFSA Joe Bannister.

15:59 Grazzi talli segwejtu dan il-live blog. L-inkjesta pubblika mistennija tkompli nhar it-Tnejn li ġej fis-2.30pm.
Nicole Borg
15:58 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia staqsa dwar ir-rapport ta' konformità tal-Bank Pilatus u jekk dan qattx spiċċa f'idejn il-Pulizija.

Ferris spjega li jekk wieħed jinstab li kiser liġijiet permezz tar-rapport ta' konformità jista jeħel multi filwaqt li tinfetaħ investigazzjoni. Qal li minkejja dan ir-rapport ma baqax validu wara li l-bank ingħata clean bill of health.
Nicole Borg
15:55 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia staqsa jekk waqt iż-żmien tiegħu bħala spettur tal-Pulizija u investigatur għall-FIAU, Ferris kienx ġieh xi suspett li ħajjet Caruana Galizia setgħet tkun f'periklu.

Ferris qal li Caruana Galizia kellha għandha aktar informazzjoni mill-FIAU. Qal li s-CID kellha fi ħdanha aktar informazzjoni mill-Economic Crimes Unit.

"Parti minn dan il-blogg għandha tiġi inkluża fir-rapport," kien kliem li Ruth Gauci mill-FIAU qalet lil Ferris u lil uffiċjali oħra. "Dik kienet is-saħħa li kellha Daphne," qal Ferris.
Nicole Borg
15:53 Dr Borg Cardona staqsa jekk Dalli kienx qatt kellem lil Ferris dwar il-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.

Ferris qal li darba Dalli rrefera għal Carana Galizia bħala "cyber terrorist".
Nicole Borg
15:52 Ferris spjega kif qabel l-impjieg tiegħu ġie terminat, kellu diversi investigazzjonijiet, inkluż waħda dwar Satabank.
Nicole Borg
15:49 Ferris spjega li hu dieħel fl-awla dakinhar, sab lil Ian Abdilla quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

Abdilla kien talbu jikkonferma dak li hemm fid-dokument. Hu kien qal quddiem il-Qorti li ma kienx jafdahom u li kien ikkumpara l-kopja tiegħu ma' dik tal-Maġistrat Bugeja. Hu sab li kien hemm ammont ta' diskrepanzi.

Ferris imbagħad kien iltaqa' ma' Abdilla f'restorant fejn kellhom argument u qallu li hu ma kienx għadu qed jafdahom.
Nicole Borg
15:40 "Waqt avveniment tal-familja, ridt immur l-uffiċċju," qal Ferris. Hu beda jħares lejn il-kameras tas-sigurtà mill-mowbajl tiegħu. Qal li ra lis-Supretendent Ian Abdilla dieħel fl-uffiċċju ta' Zammit. "Jien ma kontx hemm imma rajt id-dokument dwar Mizzi," qal Ferris.

L-għada hu ntalab imur il-Qorti u biex miegħu jieħu l-aħħar erba' faċċati tar-rapport. Hu twaqqaf minn uffiċjal ieħor li qallu biex ma jiħux id-dokument sħiħ miegħu.

Ferris qal li jiftakar li hu dar fuq dan l-uffiċjal u staqsieh: "Idjota bħalek kif jaf dan?"
Nicole Borg
15:38 Ferris ġie mistoqsi dwar is-Supretendent Ian Abdlla li kien imexxi l-Economic Crimes Unit u li kien jikkomunika mal-FIAU.

Ferris qal li hu beda jissuspetta li kien hemm xi ħadd li daħal fl-uffiċċju tiegħu. L-uffiċċju li kellu hu fl-FIAU ma kellux kameras tas-sigurtà. "Żviluppajt paranoja," qal Ferris lill-Bord. Dan wara li l-Ministru Edward Scicluna qal li r-rapporti kienu nkitbu b'tali mod biex jinħarġu fil-pubbliku.
Nicole Borg
15:30 Ferris qal li banek f'Dubaj, fil-Bahamas, f'Miami u l-Panama rriffjutaw li jiftħu kont tal-bank lil Mizzi. Ferris qal li l-analista sab li l-banek ġew offruti €4,000 biex jiftħu kont għal Mizzi f'dawn il-ġurisdizzjonijiet.

L-analista kien sab ukol li l-attentati biex jiftaħ kont tal-bank baqgħu għaddejjin sakemm ħarġu l-iskandli tal-Panama Papers.
Nicole Borg
15:27 "Hearnville, Tillgate, Rotura kienu ssemmew fir-rapport," qal Ferris. "Egrant ma kinitx issemmiet."

"Willerby, Torbridge, Karl Cini, Brian Tonna, Mossack Fonesca," qal Ferris.

"Punt li kien issemma mill-analista kien it-trasferiment ta' ċenteżmu minn karta tal-kreditu," qal Ferris.

"Dan ġeneralment isir biex wieħed jivverifika karta tal-kreditu," qal Ferris.
Nicole Borg
15:24 "Id-dokument kien dwar Konrad Mizzi, imma Karl Cini kien issemma wkoll," qal Ferris.

"Brian Tonna ssemma wkoll għax kien qed jipprova jwaqqaf strutturi simili," ftakar Ferris.

"Is-suġġett ta' €5,000 fix-xahar kienet ħarġet hawn. Id-dar ta' Mizzi fir-Renju Unit issemmiet ukoll. L-appartament tiegħu f'Tas-Sliema u l-ipoteka tiegħu ssemmew. Dan hekk kif dawn qatt ma setgħu jitpoġġew fi trust għax ma kinux imħallsa," spjega Ferris.

"Kien hemm referenza għall-Montenegro," spjega Ferris.
Nicole Borg
15:19 Ferris qal li l-kopja tiegħu tar-rapport kienet fil-kexxun tal-iskrivanija tiegħu fl-uffiċċju. L-eks investigatur tal-FIAU qal li hu rċieva telefonata tgħidlu jaqra artiklu li deher fuq The Malta Independent dwar it-tanker tal-LNG.

Ferris qal li kien ċempel lil Kenneth Farrugia xi 13-il darba dwarha. Qal li huma kienu ftehmu li jekk kien hemm xi ħruġ ta' informazzjoni kienu jirrappurtaw lill-Pulizija. Iżda meta tkellem ma' Farrugia, dan qallu li issa kellu struzzjonijiet differenti. Ferris qal lill-bord li hu ma kienx jaf min ta dawn l-istruzzjonijiet lil Farrugia.
Nicole Borg
15:17 Ferris ftakar li staqsa jekk it-tkeċċija tiegħu kellhiex x'taqsam mal-ħriġ ta' informazzjoni. L-FIAU kienet qaltlu li le. "Għadni għaddej nipprova nsib ir-raġuni għat-tkeċċija," qal Ferris b'referenza għall-proċediment quddiem it-tribunal tal-impjiegi.

L-eks investigatur tal-FIAU qal li kienu qed jaħdmu fuq l-istrutturi finanzjarji ta' Konrad Mizzi. Ir-rapport 168/2016 kien ġie ppreparat minn analist u kien twil iktar minn 130 paġna. Ferris ftakar li l-ġurnata qabel il-laqgħa li fiha kellu jiġi diskuss ir-rapport dwar Mizzi, Kenneth Farrugia, Alfred Zammit u Ruth Gauci qalu li huma ma kinux qrawh.
Nicole Borg
15:12 Aktar tard matul il-ġurnata Ferris qal li rċieva telefonata waqt li kien qiegħed quddiesa. Qal li ċemplitlu Daphne Caruana Galizia u qaltli "Hi jiena Daphne". Hu spjega li telaq mill-quddiesa immedjatament biex iċemplilha lura. Qal li l-ewwel telefonata damet 45 minuta fejn kellhom argument sħiħ dwar Maria Efimova. Ferris ftakar li kellu telefonata ma' Caruana Galizia li ċemplitlu tiskuża ruħha wara l-ewwel telefonata.

"Irrid nagħmilha ċara li Daphne qatt ma staqsietni għal informazzjoni. Konna nużaw il-blogg tagħha bħala open source," ftakar Ferris.

Ferris qal lill-Bord li hu ma ngħatax raġuni għaliex ix-xogħol tiegħu ġie terminat. Fl-aħħar ġranet tiegħu fl-FIAU, kienu qed jaħdmu fuq l-istrutturi finanzjarji ta' Konrad Mizzi.
Nicole Borg
15:11 "Irrid nagħmilha ċara, li jiena qatt ma ltqajt ma' Daphne Caruana Galizia," qal Ferris. Kompla jispjega li fid-29 ta' April tal-2017 Alfred Zammit bagħtlu messaġġ fuq WhatsApp jistaqsih jekk kienx se jkun fl-uffiċċju.

Hu ftakar fid-diskursata li kellu ma' Zammit fejn Zammit kien insista li Ferris ma jmurx l-uffiċċju minħabba laqgħa sensittiva li kien se jkun hemm fl-FIAU u li għaliha Ferris ma setax ikun preżenti. "Jien ma mortx l-uffiċċju," qal Ferris.
Nicole Borg
15:07 "Fid-dawl tar-rapport dwar tranżazzjonijiet suspettużi li kienu deħlin, ma stajnhiex naħdmu b'mod effettiv u kellna nuqqas ta' staff," qal Ferris. Hu spjega li ntalab joħloq struttura sabiex il-unit tiegħu tkun tista' taħdem b'mod aktar effettiv.

"Aħna rridu nkunu nafu jekk il-bord tal-FIAU staqsietx b'mod dirett dwar investigazzjonijiet kurrenti," qalet Dr Comodini Cachia. "F'April tal-2017, il-bord għamlet mistoqsijiet dwar il-Bank Pilatus?"

Għall-ewwel mistoqsija, Ferris qal li investigazzjonijiet li jkunu għaddejjin jiġu diskussi minn kumitat u d-deċiżjonijiet isiru mill-istess kumitat. Dwar il-Bank Pilatus, Ferris qal li ma jiftakarx.
Nicole Borg
15:06 Mistoqsi minn Dr Comodini Cachia dwar ir-rapport li għael proof-reading tiegħu Ferris. Dan hekk kif Ferris qal li r-rapport kien intbagħat lill-Pulizija minħabba suspetti raġjonevoli.

Qal li f'Diċembru rriżenjaw żewġ analisti.
Nicole Borg
15:02 Fit-tieni jum tiegħu fuq xogħlu, Ferris ingħata rapport fuq Keith Schembri u Adrian Hillman. Hu ntalab jiffirmah. Ferris kien qal li l-ewwel ried jaqra r-rapport sabiex jassigura li ma hemmx żbalji mbagħad jiffirmah.

"Kont għedt li ħa niċċekkja l-Ingliż, imma ma nistax ngħid li fl-ewwel jum tiegħi, stajt naqbel mal-kontenut," qal Ferris.

Ferris qal li f'Marzu tal-2017, ir-rapport ta' Konrad Mizzi kien tlesta minn analisti tal-FIAU.
Nicole Borg
15:01 Xi xhur qabel, rapport ta' konformità li jiddokumenta ksur ta' regoli mill-Bank Pilatus ffirmat minn Manfred Galdes, Alfred Zammit u uffiċjal ieħor tal-FIAU. Rapporti bħal dawn ma jintbagħtux lill-Pulizija.

Ferris qal li kien staqsa kif jista' jkun ma ndunawx kif kienu qed jirrendu fix-xejn investigazzjoni li saret qabel. Ferris imbagħad qal li ddeċieda li jħalli lill-analisti jagħmlu xogħolhom.
Nicole Borg
14:58 Ferris qal li qabel ma ra r-rapport ta' konformità, kien diġà jaf dwar il-ksur tal-liġi ta' Ali Sadr inniffsu. Hu mbagħad sar jaf li l-Bank kien ingħata "clean bill of health" mid-Deputat Direttur Alfred Zammit li kien qed imexxi l-FIAU wara li rreżenja Galdes.

Ferris qal li Zammit iffirma l-clean bill of health għall-Bank Pilatus wara l-audit tal-KPMG.
Nicole Borg
14:53 Ferris qal li hu kien sar jaf bil-Bank Pilatus meta kien għadu jaħdem bħala Spettur tal-Pulizija. Dan meta kien ġie sottomess rapport tal-Pulizija mill-bank fil-konfront ta' Maria Efimova. Il-każ kontra Efimova kien dwar miżapproprijazzjoni ta' xi ftit eluf ta' Ewro, spjega Ferris.

Hu rċieva r-rapport dwar il-Bank Pilatus fil-21 ta' April tal-2017 meta kien diġà mexa għall-FIAU. Hu rċieva dan ir-rapport wara blog post li tkellmet dwar trasferiment ta' €1 miljun. "Konna jiena, Ruth Gauci u Kenneth Farrugia," qal Ferris.
Nicole Borg
14:51 Dr Azzopardi rrefera għal rapport dwar il-Bank Pilatus li kien datat għal żmien qabel ma Ferris ingħaqad mal-FIAU. Dr Therese Comodini Cachia qalet lil Ferris li la l-Bord u lanqas dawk preżenti ma setgħu jifhmu dwar xiex qed jitkellem. Talbitu sabiex jitkellem aktar bil-mod biex jispjega eżatt x'ġara. Dr Comodini Cachia qalet li r-rapport juri li kien hemm nuqqasijiet min-naħa tal-Bank Pilatus, imma minkejja dan ingħata "a clean bill of health".
Nicole Borg
14:50 Ferris qal lil-Bord ta' Inkjesta li t-talba biex jiġi sekondat ġiet irrifjutata. Hu ssieħeb mal-FIAU fl-1 ta' Novembru tal-2016.

"L-ewwel xokk għalija kien li kien hemm biss password wieħed għas-sistemi kollha," qal Ferris.
Nicole Borg
14:48 Ferris qal li Peter Paul Zammit spiċċa fl-inkwiet għax ma kienx aġixxa fuq il-każ ta' John Dalli.

Dr Azzopardi qal li mart Zammit hija kuġina ta' John Dalli.
Nicole Borg
14:46 Ferris irrefera għal dokument bl-isem Red 126. Hemmhekk kellu akkużi fil-konfront ta' Corbyn Klein, Elizabeth Jackson, Charles Jackson, u Claire Gauci Borda, li hija bint John Dalli. L-akkużi jinkludu frodi, iffalsifikar ta' dokumenti u ħasil tal-flus. Hu qal li dan id-dokument Red 126 ġie mgħoddi lis-Supretendent Ian Abdilla.
Nicole Borg
14:40 Ferris spjega li meta kien Ruma, hu ltaqa' mad-Direttur Ġenerali tal-OLAF, Giovanni Kessler, li kien staqsieh jekk kienx irċieva dokument li kien bagħtlu Kessler xi xahrejn qabel. Ferris qallu li hu qatt ma kien rċieva dokumenti mingħand Kessler. Kessler infurmah li d-dokument kien bagħtu fl-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

Spjega li meta rritorna Malta, mar direttament għand l-Avukat Ġenerali u staqsieh jekk kienx irċieva dan id-dokument. Id-dokument kien dwar John Dalli. Dr Peter Grech għall-ewwel qallu li ma kien irċieva l-ebda dokument. Iżda wara tfittxija qasira, instab envelopp magħluq fl-uffiċċju tiegħu. Ferris kien issuġġerixxa li l-Avukat Ġenerali jibgħat dan id-dokument magħluq lill-Pulizija. Grech segwa dawn l-istruzzjonijiet.
Nicole Borg
14:39 L-eks Spettur tal-Pulizija ftakar li kien iltaqa' ma' Manfred Galdes li kien ilu jafu minn meta kienu għadhom tfal. Ftakar li kien qal lil Galdes li ma kienx kuntent fil-Korp tal-Pulizija. Galdes kien qallu li kien qed ifittex investigatur bħalu u talbu jibgħatlu s-CV.
Nicole Borg
14:38 Ferris ħareġ kopja tat-tweġiba li kien ta lil Abdilla. Hu qal li l-att tal-protezzjoni tal-informazzjoni "tapplika għal kulħadd, inkluż għall-Ministri". Hu żied jgħid li informazzjoni dwar investigazzjonijiet kurrenti m'għandhomx lok għal skrutinju pubbliku.

Ferris ikkwota artiklu mill-Att tal-Pulizija li tah id-dritt biex ma jobdix ordnijiet illeġittimi.
Nicole Borg
14:37 Ferris iddeskriva l-Korp tal-Pulizija fi stat xejn tajjeb u li aktar kemm jgħaddi ż-żmien aktar kien sejjer lura. Spjega li kien hemm żmien fejn saħansitra lanqas kien hemm Assistent Kummissarju.
Nicole Borg
14:36 Ferris spjega li kellu wisq xogħol x'jagħmel u kellu miegħu żewġ surġenti u kuntistabbli. Wieħed minnhom lanqas ma kellu liċenzja tal-karozza. "Biex toħroġ, kien ikollok bżonn tmur tittallab ma' dipartiment ieħor.
Nicole Borg
14:36 Ferris ftakar li kien irċieva email mis-Segretarju tal-Ministru għall-Affarijiet Barranin taż-żmien, Carmelo Abela, li talbu informazzjoni dwar l-investigazzjoni. Ferris qal li jiftakar li wieġbu jgħid li hu ma kien se jgħaddi l-ebda informazzjoni dwar l-investigazzjoni. Wara hu kien irċieva email fejn il-Ministru Abela nniffsu nżamm f'kopja u bis-segretarju jgħid li kien il-Ministru nniffsu li qed jitlob l-informazzjoni.

Ferris qal li hu mbagħad irċieva email mingħand l-Assistent Kummissarju jinsisti miegħu biex ma "joħloqx inċidenti diplomatiċi."
Nicole Borg
14:28 "Kont bilqiegħda b'idejja marbuta. Dalli talabni nkellmu fil-ġenb u qalli 'jekk trid tagħmel ftit storbju, Egrant hija propjetà tal-Partit Laburista'," qal Ferris. Hu kompla billi spjega li din tfisser "election grant". L-eks investigatur tal-FIAU qal li hu ma kienx ta ħafna piż lil dak li qallu Dalli dak iż-żmien.

Mistoqsi jekk u kienx għadda din l-informazzjoni waqt l-inkjesta Egrant, Ferris wieġeb li kien għamel dan. Hu spjega li xi ħadd kien għadda informazzjoni lil MaltaToday għax xi informazzjoni ġiet ippubblikata fil-gazzetta.
Nicole Borg
14:26 Dr Azzopardi staqsa dwar l-investigazzjoni ta' Dalli. Ferris qal li hu kien bagħat għall-eks Kummissarju Ewropew John Dalli numru ta' drabi.

Hu ftakar li kien bagħat għal Dalli qabel mal-impjieg tiegħu kien ġie terminat.
Nicole Borg
14:16 L-avukat Jason Azzopardi beda l-eżami tax-xhud b'mod kronoloġiku.

Jonathan Ferris laħaq spettur tal-pulizija fl-2011. Meta hu applika kien gradwa b'baċellerat. Hu spjega li għamel il-masters u d-diploma fil-Pulizija wara li beda jaħdem mal-Korp tal-Pulizija.

Meta tmexxa għall-Economic Crimes Unit, il-Kummissarju tal-Pulizija kien John Rizzo.

Ferris spjega li fit-13 ta' April tal-2013, Rizzo ma kienx għadu kummissarju tal-Pulizija u minfloku kien hemm Peter Paul Zammit. Michael Cassar ġie trasferit lejn is-Servizzi tas-Sigurtà (MSS).

"Dak iż-żmien kont qed ninvestiga l-kuntrabandu tal-fjuwil," qal Ferris. "Kont imbeżża' li ngħatajt dokument ieħor."

Ferris ftakar li Peter Paul Zammit kien talbu jiltaqa' miegħu sabiex ikellmu. Qal li hu jiftakar li kien ra email mingħand Angelo Gafà fuq il-mowbajl ta' Zammit.

"Kulħadd kien jaf li l-uffiċċju ta' Gafa kellu l-ikbar investigazzjonijiet fosthom ta' kuntrabandu tal-fjuwil u l-każ ta' John Dalli," ftakar Ferris. Hu qal li spettur tal-pulizija qatt ma tħalla jżomm irwol fl-istess waqt li ngħata ieħor.
Nicole Borg
14:13 Hu qal li kien dak iż-żmien li kellmuh il-Pulizija.

Mistoqsi dwar il-laqgħa, Ferris spjega li hu ntalab imur fl-uffiċċju tad-Direttur għal sessjoni ta' brainstorming dwar il-Bank Pilatus. Ferris kien intalab sabiex joħroġ b'numru ta' domandi minħabba l-esperjenza tiegħu.

"Il-blogg ta' Caruana Galizia użajtu bħala open source," Ferris qal lill-Bord. Hu qal li kien jirċievi struzzjonijiet frekwenti sabiex jaqra bloggs differenti li jistgħu jiġu inklużi fir-rapporti.
Nicole Borg
14:09 Il-Bord niżżel l-evidenza li ppreżenta Ferris fl-inkjesta maġisterjali fit-tielet kumpanija fil-Panama, Egrant. Ferris ingħata ftit ħin sabiex iħares lejn id-dokumenti. Hu kkonferma li din kienet kopja tal-evidenza li kien għadda lill-Maġistrat Aaron Bugeja. L-Imħallef Emeritu Michael Mallia rrefera għall-konklużjoni li ntlaħqet minn Bugeja fejn kien ordna li ssir investigazzjoni. Ferris qal li hu ġie ordnat jispjega dak li sab u li għamel dan fit-8 ta' Awwissu tal-2018.
Nicole Borg
14:07 Ferris kien l-ewwel persuna li ntalbet tieħu l-pedana tax-xhieda.
Nicole Borg
14:06 Il-Bord ta' Inkjesta tidħol fl-awla.
Nicole Borg
14:00 Wara nofsinhar it-tajjeb, Newsbook.com.mt jinsab live minn awla 20. L-eks Spettur tal-Pulizija u Investigatur tal-FIAU Jonathan Ferris deher barra.
Nicole Borg