Il-Pulizija ma investigatx il-Panama Papers – Abdilla

Aġġornat 02:56 PM
REUTERS/Yara Nardi

Read in English.

L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla illum xehed fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-inkjesta qed tara jekk kienx hemm nuqqas min-naħa tal-istat u l-istituzzjonijiet tiegħu illi kieku ma sarx, il-qtil tal-ġurnalista seta’ jkun evitat.

Abdilla kien imexxi s-sezzjoni tal-kriminalità ekonomika. Fost il-punti ewlenin li ħarġu mis-smigħ tal-lum kien hemm li:

  • L-Assistent Kummissarju Ian Abdilla qal li l-Pulizija għamlet waħda mill-aħjar investigazzjonijiet b’rabta mal-bank Pilatus.
  • Ian Abdilla insista li t-Taqsima tar-Reati Ekonomiċi ma tistax tagħlaq il-banek kull darba li tirċievi rapporti suspettużi.
  • It-Taqsima tar-Reati Kriminali ma investigatx dak li ħareġ fil-Panama Papers. Il-Bord ta’ Inkjesta jgħid: “Kif inhu possibbli? Dan mhux aċċettabbli”.
  • Ian Abdilla jgħid li l-blogg tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kien użat bħala sors mill-Pulizija għal ċerti investigazzjonijiet.
  • Ian Abdilla qal li l-investigazzjonijiet dwar allegat ksur ta’ ġurament minn Karl Cini tan-Nexia BT dalwaqt jaslu fi tmiemhom. Hemm ċans li m’hemm l-ebda każ ta’ ksur.
  • Joħroġ li l-ECU kienet intalbet mill-Avukat Ġenerali sabiex tieħu l-investigazzjonijiet madwar il-Panama Papers bil-kalma għax setgħu jikkawżaw problemi kbar lill-pajjiż.

Fi tweet wara s-smigħ fil-Qorti, l-Avukat Jason Azzopardi, li huwa wkoll Membru Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista, qal permezz ta’ Tweet li l-inkjesta pubblika tal-lum żvelat kif l-Avukat Ġenerali wissa lill-Pulizija biex ma tinvestigax lil Joseph Muscat, Konrad Mizzi u Keith Schembri wara l-Panama Papers biex ikun evitat fjask nazzjonali.

Intant fi stqarrija maħruġa waranofsinhar, L-Avukat Ġenerali kategorikament ċaħad bħala gidba sfaċċata u kalunja l-allegazzjoni magħmula fuq ta’ Jason Azzopardi u attribwita lill-Bord tal-Inkjesta Pubblika li l-Avukat Ġenerali ta’ parir bil-miktub sabiex iwissi lill-Pulizija biex jimxu bil-mod f’investigazzjoni peress illi din kienet se tikkaġuna nkwiet fil-pajjiż.

12:07 Is-smigħ fil-Qorti tal-lum jintemm hawn. Grazzi talli segwejtuna.
Nicole Borg
11:23 ix-xhieda ta' Abdilla tinstema' wara bibien magħluqa.
Nicole Borg
11:21 Azzopardi mill-ġdid qed jistaqsi lix-xhud dwar l-informazzjoni ppubblikata mill-ġurnalista assassinata dwar il-kuntrabandu tas-sigaretti u għaliex il-pulizija ma investigatx dan meta Daphne ppubblikat l-ismijiet u anke ritratti dwar il-każ.
Nicole Borg
11:20 Hu kkonferma mill-ġdid li l-blogg ta' Daphne ntuża bħala sors tal-ECU.
Nicole Borg
11:20 Abdilla beda jdur mal-lewża hu u jwieġeb il-mistoqsija.

Hawn ħareġ li Dr Peter Grech kien qal lill-pulizija tal-ECU biex jieħdu l-investigazzjonijiet bil-kalma għax setgħu jikkawżaw problemi lill-pajjiż.
Nicole Borg
11:19 Il-bord staqsa jekk l-ECU ddeċidietx li ma tinvestigax abbażi ta' dak li qal l-Avukat Ġenerali.
Nicole Borg
11:18 Il-bord ra li Abdilla beda jipprova jiġġustifika għaliex l-ECU ma investigatx il-Panama Papers.
Nicole Borg
11:16 Qabel ma l-media ntalbet toħroġ mill-awla, Abdilla qal li l-pulizija kienet qed tinvestiga każi kbar ħafna oħrajn u mhux biss il-Panama Papers.

Il-bord qal li dan ma jiġġustifikax għaliex il-Pulizija ma kinitx investigat għaliex persuni politiċi esposti mill-Panama Papers ma kinux issemmew.
Nicole Borg
11:14 Ix-xhieda ta' Abdilla tkompli wara bibien magħluqa.
Nicole Borg
11:13 L-Awditur Ġenerali, Charles Deguara, kien esprima d-dubji serji fuq l-irregolaritajiet tat-tender li kien ħareġ Projects Malta biex tkun trasferita l-binja tal-Istitut tal-Istudji tat-Turiżmu lill-Grupp db. It-tender kien ħareġ ħames snin ilu.

Ir-rapport mill-NAO, li qal li l-Projects Malta falliet milli tikseb l-awtorizzazzjoni mid-dipartiment tal-kuntratti qabel ma l-offerta ħarġet f'Novembru tal-2015, biex il-proġett jinbena, jkun iddisinnjat u jopera fis-sit li qabel kien jintuża mill-ITS.

L-Awditur Ġenerali qal ukoll li s-sens ta' urġenza li mexxiet il-Gvern biex jiddisponi mis-sit tal-ITS iqajjem tħassib dan hekk kif dak iż-żmien kienet għadha ma nstabet l-ebda binja sigura għall-ITS. L-NAO qal ukoll li l-gvern falla milli jiżviluppa masterplan għaż-żona li kienet ukoll ta' tħassib kbir.

Ir-rapport qal li "l-ebda informazzjoni li tissapportja din id-deċiżjoni jew min kien involut fiha ma ġiet ipprovduta. L-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru għat-Turiżmu kienu ppuntaw is-swaba lejn xulxin."
Nicole Borg
11:12 Dwar jekk l-ECU kienx investiga r-rapport li l-Uffiċċju tal-NAO għamel dwar it-trasferiment tal-art tal-ITS lill-Grupp db, Abdilla qal li l-Uffiċċju tal-NAO ma kienx irrefera dan ir-rapport lil-ECU biex tinvestiga.
Nicole Borg
11:09 L-avukat Azzopardi staqsa dwar informazzjoni żvelata minn Daphne Caruana Galizia fuq is-sid tal-Grupp db u l-allegazzjonijiet tal-kuntrabandu tas-sigaretti. Abdilla wieġeb jgħid li hu ma kienx konxju ta' dan.
Nicole Borg
11:07 Dwar x'iħoss ladarba sar jaf li Silvio Valletta kien jaf ċertu affarijiet dwar Fenech li ma kienx jaf Abdilla, Abdilla qal li hu xtaq jispjega dan wara bibien magħluqa.

"Kont maħruq," qal Abdilla.
Nicole Borg
11:05 Ħareġ li l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien ċempel lil Abdilla biex jgħidlu biex ma jmurx l-uffiċċju ta' Fenech għax ma kienx hemm għax kien ma jiflaħx.
Nicole Borg
11:05 Hu qal li qatt ma kkomunika ma' Yorgen Fenech.
Nicole Borg
11:01 L-avukat Comodini Cachia qed tistaqsi dwar id-deċiżjoni li ttieħdet mill-pulizija biex iżżur lil Fenech fl-uffiċju tiegħu f'Portomaso.
Nicole Borg
11:00 Abdilla kkonferma li l-ECU saret attivament aktar involuta fl-investigazzjoni dwar l-assassinju f'Awwissu tal-2019 mta bdiet tinvestiga lil Melvin Theuma.
Nicole Borg
10:59 Abdilla qal li hu mhux involut fl-investigazzjoni fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia imma kkonferma li attenda għal laqgħat dwar l-aġġornamenti fuq l-investigazzjonijiet.
Nicole Borg
10:57 L-avukat Therese Comodini Cachia staqsiet meta kienet l-ewwel darba li sar jaf li kien hemm konnessjoni bejn Yorgen Fenech u 17 Black.

Abdilla wieġeb jgħid li dan seħħ lura f'Marzu tal-2018.
Nicole Borg
10:57 Abdilla jitlob biex iwieġeb ċertu mistoqsijiet wara bibien magħluqa.
Nicole Borg
10:53 Il-bord ta' inkjesta rrefera għall-ktieb "Secrecy World – Inside the Panama Papers". Abdilla qal li hu qatt ma sema' b'dan il-ktieb s'issa.
Nicole Borg
10:52 il-bord ta' inkjesta għal darboħra staqsa lil Abdilla dwar il-Panama Papers.
Nicole Borg
10:48 L-inkjesta Egrant kienet investigat ukoll kull forma ta' tranżazzjonijiet, iżda f'dak iż-żmien, l-Ażerbajġan kellha FIAU li ma kienx jivvunzjona sew u allura ma kienx hemm kooperazzjoni pproduta mill-Ażeri.

L-avukat Azzopardi kien qed jistaqsi dwar il-konnessjonijiet bejn Michelle Muscat u Leyla Aliyeva.
Nicole Borg
10:46 "Wieħed mid-diretturi huwa wkoll managing partner ta' istituzzjoni finanzjarja. Dan kif inhu possibbli?" staqsa l-avukat Azzopardi.

Il-bord struzzjona lil Azzopardi biex jagħmel din il-mistoqsija lir-rappreżentanti tal-MFSA.
Nicole Borg
10:45 Abdilla kkonferma li wħud mid-diretturi tal-bank Pilatus jinsabu f'Malta.
Nicole Borg
10:41 L-avukat Azzopardi staqsa lil Abdilla jekk il-Pulizija kinitx se tistaqsi għall-estradizzjoni tas-sid tal-Bank Pilatus Ali Sadr.

Abdilla qal li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin u li mhux qed jeskludu li jsir dan.
Nicole Borg
10:38 Dwar għaliex dwar l-iskandlu tal-Montenegro Abdilla ordna lil pulizija ta' taħtu biex iwarrbu l-investigazzjonijiet, Abdilla deher konfuż u qal li hu ma jiftakarx li qal dan.
Nicole Borg
10:35 "Konna qed nużaw il-Panama Papers bħala mezz kif ninvestigaw każi oħrajn," qal Abdilla.

"Jiġifieri inti qed tgħid li dak li kien żvelat dwar il-ħasil tal-flus fil-Panama Papers ma kienx investigat, ġie injorat u minflok il-Pulizija investigat affarijiet oħrajn abbażi ta' dan l-iskandlu internazzjonali," qalet l-Imħallef Lofaro.
Nicole Borg
10:34 Abdilla qal li dwar il-Panama Papers, l-ECU ma investigatx. Il-bord ta' inkjesta qal "kif inhu possibbli? dan mhux aċċettabbli."
Nicole Borg
10:33 "Din tweġġana," qal Abdilla. Sostna li huma ma jistgħux jaqbdu u jmorru Dubaj għax hemm proċeduri legali li jridu jimxu magħhom.
Nicole Borg
10:31 L-avukat Azzopardi qed jistaqsi kif inhu possibbli li l-pulizija għadha ma marritx Dubaj biex tinvestiga lil Yorgen Fenech u 17 Black.
Nicole Borg
10:29 Abdilla qal li l-istituzzjonijiet f'Dubaj mhux qed jikkooperaw fl-investigazzjonijiet.
Nicole Borg
10:24 Abdilla qal li l-ewwel darba li sema' b'Cifidex kien mir-rapport tal-FIAU dwar 17 Black. Dan kien lura f'Marzu tal-2018. Cifidex hija kumpanija msemmija fl-iskandlu tal-Montenegro.

L-investigazzjonijiet dwar Cifidex bdew jintensifikaw meta Yorgen Fenech kien arrestat is-sena l-oħra, f'Novembru tal-2019.
Nicole Borg
10:24 Il-bord ta' inkjesta dehret ixxukkjata bit-tweġiba.
Nicole Borg
10:23 Azzopardi qed jistaqsi għaliex il-pulizija, wara sentejn, għadha qed tinvestiga l-isperġur (ksur ta' ġurament) ta' Karl Ċini. Abdilla qal li l-investigazzjonijiet dalwaqt waslu fi tmiemhom u hemm ċans li m'hemm l-ebda każ ta' sperġur.
Nicole Borg
10:22 L-avukat Jason Azzopardi jagħmel il-mistoqsijiet tiegħu.
Nicole Borg
10:21 "Kif tista' ma tinvestigax persuni esposti politikament dwar allegazzjonijiet żvelati fuq livell internazzjonali? Ma għandek l-ebda tweġiba," qalet Lofaro.
Nicole Borg
10:20 Abdilla qal li hu ma ħassx li kellu jistaqsi lil Keith Schembri dwar dak li ħareġ fil-Panama Papers.
Nicole Borg
10:19 L-Imħallef Abigail Lofaro wissiet lil Abdilla repetutament biex iwieġeb il-mistoqsijiet. Lofaro qalet ukoll li l-pulizija ma tixtax ma tinvestigax sakemm tinħareġ inkjesta.
Nicole Borg
10:15 L-eks kap tal-ECU qal li l-ewwel darba li sema isem Michelle Muscat kien meta Ali Sadr telaq minn Malta.
Nicole Borg
10:13 Il-bord semmiet kif illum il-ġurnata il-banek iżommu l-informazzjoni kollha maħżuna fuq kompjuters. Abdilla qal li l-ebda informazzjoni ma tneħħiet mill-bank.
Nicole Borg
10:11 Abdilla semma lil Maria Efimova u kif l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet tagħha saru mill-għassa tal-Pulizija ta' Tas-Sliema.
Nicole Borg
10:09 Abdilla qal li l-blogg tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia kienet użat bħala sors mill-pulizija għal ċerti investigazzjonijiet.
Nicole Borg
10:08 Abdilla qed ikompli jispjega x'ġara wara li Ali Sadr telaq minn Malta u l-investigazzjoni dwar Egrant. Il-bord iżda trid li Abdilla jwieġeb il-mistoqsijiet dwar għaliex il-pulizija ma intervjenewx biex iwaqqfu lis-sid tal-bank Pilatus mili jitlaq minn Malta.
Nicole Borg
10:07 Il-bord qal li billi wieħed isemmi dawn l-affarijiet mhu se jikseb xejn, għax minkejja li kienet "waħda mill-aħjar investigazzjonijiet" ġurnalist spiċċat assassinata.
Nicole Borg
10:06 Abdilla qal li l-pulizija għamlet waħda mill-aħjar investigazzjonijiet b'rabta mal-bank Pilatus.
Nicole Borg
10:05 Abdilla kien ippressat biex iwieġeb mistoqsijiet b'rabta mar-rapporti fejn issemma l-isem ta' mart l-eks Prim Ministru, Michelle Muscat. Hu qal li ma ġiex ippreparat biex iwieġeb mistoqsijiet relatati.
Nicole Borg
10:03 Abdilla insista fuq il-punt li l-ECU ma tistax tagħlaq il-banek kull darba li tirċievi rapporti suspettużi.
Nicole Borg
10:00 Abdilla qal li meta l-ismijiet ta' Keith Schembri u Brian Tonna ssemmew b'rabta mal-Bank Pilatus, il-Pulizija ma ratx li kien hemm xi konnessjoni ma' attività kriminali.
Nicole Borg
09:57 Ian Abdilla qed jgħid li hu ma kienx daħal f'ċertu dettalji tar-rapport dwar il-Bank Pilatus.
Nicole Borg
09:56 Il-bord semmiet kif l-isem ta' Keith Schembri kien issemma wkoll f'rapport tal-FIAU, fost ismijiet ta' persuni pubbliċi oħrajn.
Nicole Borg
09:52 Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq il-Bank Pilatus u kemm il-darba ssemma l-bank fir-rapport, Abdilla qal li l-bank kien issemma ħafna drabi.

Abdilla qal li l-ewwel rapport li rċeviet l-FIAU dwar il-Bank Pilatus kien f'Lulju tal-2016 u mbagħad f'Novembru tal-2016.

L-assistent kummissarju tal-pulizija wieġeb li huma ma ħadux azzjoni għax ma jistgħux jieħdu azzjoni kull darba li l-FIAU tagħmel rapport dwar prattiċi illegali.
Nicole Borg
09:51 L-avukat Therese Comodini Cachia qed tistaqsi lil Abdilla x'kienet id-data eżatta meta l-Pulizija ordnat li jingħalaq il-Bank Pilatus.

Abdilla qal li d-data kienet l-20 ta' April tal-2017.
Nicole Borg
09:50 Abdilla qed jgħid li l-filmat imxandar minn Net News ma kienx live.
Nicole Borg
09:49 Abdilla qed jgħid li Ali Sadr huwa s-sid liċenzjat tal-bank u allura ma kellux jiġi trattat bħal qisu qed jisraq xi ħaġa. Dan ladarba hu sid il-bank.
Nicole Borg
09:48 Il-bord ta' inkjesta qed tkompli tinsisti li Abdilla jgħid għaliex ma aġixxiex immedjatament u ħalla lil sid il-bank jitlaq waqt li possibilment kien qed iġorr dokumenti dwar il-kumpanija sigriet fil-Panama, Egrant.
Nicole Borg
09:47 Il-bord staqsiet għaliex il-pulizija ma aġixxietx b'mod immedjat biex twaqqaf lil Ali Sadr milli jġorr il-bagalja.
Nicole Borg
09:45 Dwar il-każ tal-Bank Pilatus u meta s-sid tiegħu Ali Sadr kien inqabad fuq filmat ħiereġ mill-bank tard filgħaxija, Abdilla qal li hu kien irċieva telefonata dwar dan mill-Kummissarju tal-Pulizija għall-ħabta tad-9am.
Nicole Borg
09:43 Abdilla qal li hu kien investiga u għadu qed jinvestiga mijiet ta' każi.

Il-bord qalet lil Abdilla li qed tistaqsi b'rabta ma' investigazzjonijiet li għandhom x'jaqsmu mal-bank Pilatus, l-iskandlu tal-Montenegro, il-Panama Papers eċċ.
Nicole Borg
09:42 Il-bord qed tistaqsi lil Abdilla dwar x'każi kien qed jinvestiga b'rabta mal-ħasil tal-flus.
Nicole Borg
09:41 Il-bord ta' inkjesta daħal fl-awla u bdiet ix-xhieda ta' Abdilla.
Nicole Borg
09:39 Il-Kummissarju tal-Pulizija l-ġdid, Angelo Gafà kien ħabbar li Abdilla mhux se jibqa' jmexxi s-sezzjoni tal-kriminalità ekonomika. Minfloku se tibda tmexxi Alexandra Mamo.
Nicole Borg
09:33 L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jassistu lill-familja Caruana Galizia.
Nicole Borg
09:32 Il-Bord ta' Inkjesta huma mmexxi mill-Imħallef Emeritu Michael Mallia u magħmulha mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro.
Nicole Borg
09:29 Preżenti f'awla 20 hawn l-Assistent Kummissarju Ian Abdilla.
Nicole Borg
09:28 Is-smigħ fil-Qorti tal-lum mistenni jibda fid-9.30am.
Nicole Borg
09:26 Il-ġurnata t-tajba. Nilqgħukom għal dan il-blogg LIVE ta' Newsbook.com.mt.
Nicole Borg

L-aħħar smigħ sar fis-26 ta’ Ġunju u dan kien sar fil-magħluq.