Filmat: “M’għentx lil Yorgen jaħrab”

Read in English.

Xi spikka mix-xhieda ta’ Keith Schembri dalgħodu?

  • Jitlob maħfra lill-Qorti, wara li qaltlu li “ma tistax toqgħod tistenna lil Schembri jiftaħ il-bieb ħalli jingħata notifika”
  • Siefer madwar tliet darbiet ma’ Yorgen Fenech, u darba mar fuq il-jott tiegħu
  • Sar jaf mill-midja li Fenech ġie arrestat
  • Ma kienx jaf li Fenech ipprova jaħrab
  • Jikkonferma li hu u Yorgen kellhom telefonata twila u pprova jgħidlu biex ma jmurx Sqallija “għax mhux żmien tajjeb. Kont naf li kien suspettat fl-assassinju”.
  • Qatt ma żamm lil Fenech aġġornat bi żviluppi fl-investigazzjoni u li miegħu kien jiddiskuti dak li jkun ġie rrappurtat fil-midja.
  • Qara biss paġna waħda minn 4 tal-ittra li waslet f’idejn il-Kabinett
  • Jirreferi għal Chris Cardona bħala kollega
  • “Kastilja ma tinvestigax, aħna nassiguraw li r-riżorsi kollha jkunu disponibbli”
  • L-OPM ma kienx ikun involut fil-laqgħat li kienu jsiru barra Kastilja
  • “Arnaud kien jibgħatli messaġġi biex jorganizza l-briefings”
  • Saru tfittxijiet fid-dar tiegħu u anke fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja
  • Ma kienx involut fl-impjieg li ngħatat il-mara tal-Ispettur Arnaud

Aqra minuta b’minuta xi ntqal fil-Qorti

12:01 Grazzi talli segwejtuna. Inkomplu naġġornawkom dwar dan il-każ fl-14 ta' Jannar fid-9am.
Nicole Borg
11:59 Dr Camilleri se tkun qed tinforma lill-Qorti jekk hux se titlob għal aktar xhieda wara li tara l-filmat eżebit fil-Qorti.
Nicole Borg
11:58 Dr Camilleri talbet kopja tal-filmat bil-movimenti fl-inħawi tal-lock-up, li ġie eżebit fil-Qorti mill-ispettur tal-Pulizija. L-Imħallef irrimarka li kien filmat twil ħafna imma li setgħu jieħdu kopja tiegħu u jarawh.
Nicole Borg
11:52 Theuma tkellem dwar l-argument li kellu ma’ Fenech meta Vincent Muscat beda jitkellem mal-pulizija. Hu qal li kien irċieva telefonata mingħand Johann Cremona, li jaħdem ma’ Fenech. Hu spjega li Cremona u Kenneth tfaċċaw quddiem id-dar tas-sieħba tiegħu fiż-Żurrieq. Theuma spjega li hu kien qal lil Cremona li kien taħt pressjoni mill-aħwa Degiorgio dwar il-bail.

Hu spjega li ma kienx staqsa lil Cremona minn fejn kien ġab l-informazzjoni u għaliex kien hemm Kenneth preżenti. Theuma staqsa jekk kellux jinforma lil Mario Degiorgio, u hu immedjatament mar jinforma lill-aħwa dwar il-bail.

“Meta infurmajt lil Fenech dwar dan, hu ma beda jieħu l-ebda responsabbiltà u sostna li ma kienx hu li wiegħed dawn l-affarijiet,” qal Theuma.
Nicole Borg
11:48 Dr Camilleri staqsa jekk hu kienx talab għal xogħol meta Theuma beda jitkellem dwar il-konverżazzjoni li kellu ma Fenech qabel ċempillu Craus.

“Jien kelli xogħol tajjeb,” qal Theuma, “kont xufier tal-Hilton.”
Theuma qal li hu ma setax jiftakar jekk kienx qal lil Craus jew lil Muscat li hu diġà kellu xogħol u li ma kienx lest jitlaq. Hu qal li kellu interview qasir u li l-impjieg tiegħu beda. Qal iżda li qatt ma tfaċċa għax-xogħol.

“Qatt staqsejt għaliex ingħatajt dan ix-xogħol li la kellek bżonn u lanqas ridt?” staqsiet Dr Camilleri. “Jien kont għidt lil Yorgen imma hu qalli “mhux aħjar għalik? Paga oħra dieħla?” qal Theuma.
Nicole Borg
11:42 “Vincent Muscat beda jgħaddi l-informazzjoni lill-Pulizija, u semma lili. Jiena qatt ma kont tkellimt ma’ Muscat,” spjega Theuma.

Theuma ġie mistoqsi jekk l-informazzjoni kinitx ġiet ippubblikata fil-midja. Hu wieġeb “le”. Theuma rrefera għar-rekordings u qal li hemm biċċa tgħid: “Schembri jidħol fin-nar għalih. U għamel il-biċċa xogħol li għamel, ħabba fih.” L-Imħallef Mintoff talbu jikkjarifika min hu min.

Hu spjega li ltaqa’ ma’ Schembri darbtejn. L-ewwel darba fil-farmhouse fejn kienu ħadu b’idejn xulxin. Qal li dan kien ħafna qabel l-elezzjonijiet.
Nicole Borg
11:41 Dr Camilleri bdiet tistaqsi lil Theuma dwar ir-rekordings tiegħu. Theuma spjega li hu ma setax jiftakar in-numru eżatt ta’ rekordings, imma kien jirrekordja kull meta seta’.

Dr Camilleri staqsiet jekk l-Ispettur Arnaud qattx issemma f’dawn ir-rekordings. Hu qal li Arnaud qatt ma ssemma. Theuma rrepeta li Fenech kien jakkwista informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet imbagħad kien jgħaddiha lil terzi persuni.

“Konna ltqajna quddiem ix-showroom tat-Toyota. Fenech kien qalli li l-investigazzjonijiet kienu skoprew dwar il-messaġġ li wassal għall-isplużjoni tal-bomba,” qal Theuma. Qal li hu jiftakar biss il-parti “REL”. Qal li dan kien seħħ f’Novembru tal-2017 qabel l-arresti.
Nicole Borg
11:40 Issa jmiss lil Melvin Theuma.
Nicole Borg
11:39 Il-Kontri-Eżami intemm hawn. Tintemm ix-xhieda ta' Schembri.
Nicole Borg
11:38 “Kif taf lil Kenneth Camilleri?” staqsiet l-avukat. Dr Buttigieg intervjeniet billi semmiet l-iskop tal-każ. L-Imħallef Mintoff talab lil Dr Camilleri tkompli bil-mistoqsijiet tagħha.

Hi staqsiet jekk Schembri tkellimx ma’ Camilleri dwar Melvin Theuma. Hu qal li qatt ma għamel dan.
Nicole Borg
11:36 Schembri ġie mistoqsi dwar ir-rekordings ta’ Theuma u liema minnhom kien sema’ hu. Hu spjega li ma jiftakarx.

“F’liema kuntest issemmejt inti?” staqsiet Dr Camilleri.
Schembri qal li jiftakar lil Theuma jgħid li kien se jieħu lill-familja ta’ Degiorgio barra d-dar tiegħu għax għandu l-“poter”.
Nicole Borg
11:30 “Lil Yorgen Fenech qatt għedtlu li Arnaud kien qed iżommok aġġornat?” staqsiet Dr Camilleri. Hi mbagħad talbet lill-Qorti sabiex tordna lil Schembri biex iħares lejn il-Qorti u mhux lejn il-bank fejn kien hemm l-avukati tiegħu bilqiegħda.

“Konna niddiskutu l-każ b’rabta mar-rapporti fil-midja,” qal Schembri. Hu żied jgħid li kien ċert li qatt ma qal lil Fenech li Arnaud bgħattlu xi messaġġ.
Nicole Borg
11:29 Schembri qal li hu ma kienx iżomm lil Fenech aġġornat.

“Jien leaks fuq dan il-każ ma għamilt qatt,” qal Schembri. Dr Camilleri rrimarkat li dik ma kinitx il-mistoqsija li għamlitlu. Qalet li hi kienet staqsiet jekk hu kienx jaf bid-dikjarazzjoni ta’ Arnaud li kien hemm min kien qed jikxef informazzjoni sensittiva.

Schembri qal li hu kien ġie arrestat fil-5.30am. Qal li waqt l-interrogazzjoni, dak li kien qed jgħid lill-investigaturi kien qed jiġi rrappurtat mill-midja fl-istess waqt. Hu insista li kien jaf li kien hemm xi ħadd qed jikxef l-informazzjoni permezz tal-midja. Mistoqsi mill-ġdid jekk hu għaddiex informazzjoni sensittiva lil Fenech, Schembri wieġeb jgħid li hu diġà kien wieġeb id-domanda u li din kienet ir-raba' darba li staqsietu din il-mistoqsija.
Nicole Borg
11:23 Intqal li Schembri kellu telefonata ta’ madwar 24 minuta fejn Fenech allegatament staqsih jekk kienx hemm problema li hu joħroġ mill-pajjiż. Schembri qal fil-Qorti li kien wieġeb lil Fenech jgħidlu “kif taf int”. Hu qal li Fenech kien tkellem mal-avukati tiegħu qabel ma tkellem ma’ Schembri.

“Le, lil Arnaud ma għedtlux li konna ħbieb,” qal Schembri.

Schembri qal li ma kienx jaf li l-mowbajl ta’ Fenech kien tapped, qal iżda “li ma għandekx bżonn tkun astronawta biex tinduna”.
Nicole Borg
11:20 “Għalfejn ħassejt il-bżonn li kellek tgħidlu ‘le’ biex imur Sqallija?” staqsiet Dr Camilleri.

“Fil-pożizzjoni tiegħi ma stajtx intih aktar informazzjoni,” qal Schembri. Schembri beda jgħid “kif qegħdin l-affarijiet…” iżda intervjeniet Dr Camilleri u staqsietu x’kien jaf.

“Jien kont naf li ma kienx il-mument għalih li jitlaq mill-pajjiż,” qal Schembri.
Nicole Borg
11:18 “Qabel l-arrest ta’ Fenech, kellna telefonata twila, Hu kien qalli li kien se jieħu l-jott tiegħu Sqallija sabiex jissewwa. Jiena għidtlu li dan ma kienx iż-żmien opportun li fih jagħmel dan,” Schembri beda jgħid fil-Qorti. Dan wara li Dr Camilleri staqsiet x’kienet il-konverżazzjoni bejn Fenech u Schembri qabel l-arrest ta’ Fenech.

Schembri qal, “immaġina li kieku ma kienx Malta, kienu jweħħlu fina li ħarab.” Schembri qal li hu kien jaf li Fenech kien suspettat fl-assassinju ta’ Caruana Galizia imma ma setax jiftakar meta sar jaf dwar dan.
Nicole Borg
11:16 “Għaliex bgħatt kopja tal-maħfra presidenzjali ta’ Theuma?” insistiet Dr Camilleri. Schembri qal ‘le’, filwaqt li Dr Buttigieg intervjeniet u qalet li l-avukat kienet diġà staqsiet din il-mistoqsija.

Dr Camilleri kkjarifikat li minħabba li l-mobile ta’ Fenech jinsab ikkonfiskat ma tistax turih kopja fiżika tal-messaġġ.
Nicole Borg
11:13 “Jien ma kelli xejn x’naqsam max-xogħol li ngħata lil mart Arnaud,” qal Schembri. Dr Camilleri staqsiet jekk kienx hemm xi ħadd li għamel xi talba f’isimha, iżda hu insista li ħadd qatt ma għamel talba tat-tip miegħu.

Dr Camilleri rreferietu għal meta Fenech ipprova jaħrab permezz tal-jott. “Le ma kontx naf li Fenech ipprova jaħrab,” qal Schembri. Schembri qal li hu ma kienx mgħarraf li t-telefonati ta’ Fenech kienu qed jiġu segwiti mill-Pulizija u li ma kienx involut fil-briefings mas-Servizzi tas-Sigurtà.

Schembri qal li ma kellu l-ebda informazzjoni.
Nicole Borg
11:08 ‘Melvin Theuma ntbagħat mix-xhud [sic. Fenech] u qal li dan fi żmien il-kampanja elettorali. Stqarr li jkun hemm ħafna talbiet simili bħal dawn. Żied jgħid li meta jkun hemm dawn it-talbiet jgħaddihom lil customer care.

‘Melvin bagħatuli xi ħadd, ma niftakarx minn bagħtuli’, Schembri qal lill-Qorti.

Irreferietu għax-xhieda ta' Theuma, bi Schembri jgħid li hu ma kienx jaf li diġà għandu xogħol.

'Kien ikolli ħamsa jew sitta minn nies bħal Melvin Theuma. Jibagħtuhomli’, qal Schembri. Dr Camilleri poġġiet lil Schembri taħt pressjoni biex iwieġeb għall-mistoqsijiet, dwar kemm-il talba jara hu personalment. Fl-aħħar wieġeb, "10%". Tenna li ma jiftakarx min irrefera lil Theuma għalih.
Nicole Borg
11:05 “L-informazzjoni li kienet tingħata, kienet tingħata f’ħin meta kulħadd kien ikun preżenti,” Schembri qal. “X’kienet ir-raġuni għaliex inti kont qed tinforma lil Fenech?” staqsa Dr Camilleri. “Le, qatt ma infurmajtu. Qatt ma infurmajtu dwar il-maħfra presidenzjali,” qal Schembri.

Schembri qal li hu ma kienx preżenti għal-laqgħa dwar il-maħfra u ma kienx mgħarraf bid-draft li kellu jingħata Melvin Theuma għall-maħfra presidenzjali u lanqas ma kien irċevih.
Nicole Borg
11:02 “L-omiċidju mhux normali,” qal Schembri. “Il-Prim Ministru qal mill-bidu li kien se jagħmel kull ma jista’.”

Hu u jitkellem dwar l-FBI, hu qal li kien se jitkellem mal-Kummissarju tal-Pulizija u meta bdew l-investigazzjonijiet, kien jitkellem mal-Assistent Kummissarju Silvio Valletta. Schembri spjega li l-OPM ma kienx ikun involut fil-laqgħat li kienu jsiru barra Kastilja. L-eks Chief of Staff qal li hu kien beda jitkellem ma’ Arnaud wara li ‘telaq Valletta’. Hu spjega li Arnaud kien jibgħatlu l-messaġġi biex jorganizza l-briefings.
Nicole Borg
11:00 Schembri qal li hu kien preżenti għal numru ta’ briefings li saru f’Kastilja. Il-Prim Ministru kellu jkun preżenti għal dawn il-laqgħat, xi kultant kien ikun hemm ukoll l-Avukat Ġenerali u l-Ministru Owen Bonnici, qal Schembri.

“Kastilja ma tinvestigax,” qal Schembri. “Aħna nassiguraw li r-riżorsi kollha jkunu disponibbli. Jien kont tkellimt mal-Prim Ministru biex iġib esperti forensiċi,” qal Schembri b’referenza għall-FBI.
Nicole Borg
10:58 "Konxju li l-ħbieb tiegħek fil-Kabinett kienu qed jissemmew?" – staqsiet Dr Camilleri.

"Iva, il-Ministru Cardona", żied Schembri. Hu qal li qara biss paġna waħda minn erbgħa. Iddeskriva lil Cardona bħala 'kollega' u mhux ħabib.
Nicole Borg
10:55 Schembri qal li hu ma nterferiex fl-investigazzjoni. Spjega li waqt 50 siegħa ta' interrogazzjoni, tkellem dwar in-nota. "Jien ma ktibthiex, jien ma bgħatthiex. Ingħatajt tliet ittri – waħda li nkitbet minn Melvin Theuma, ittra ta' erba' paġni li kienet ittajpjata u kellha kitba bl-idejn, u ittra ta' paġna u nofs", żied jgħid. Stqarr li hu staqsa dwar in-noti miktuba bl-idejn u qalulu li nkitbu minn Fenech. Dr Camilleri tistaqsih jekk qarax l-ittri. Hu qal li qara l-ittra ta' Theuma mill-midja. Dr Camilleri enfasizzat li hi ma kinitx interessata dwar x'sar jaf mill-midja.
Nicole Borg
10:52 Schembri ġie mistoqsi dwar ir-relazzjoni ma’ Dr Adrian Vella, u qal li hu t-tabib tagħhom.

“Ġimgħa nħossha daqslikieku sena bħalissa,” Schembri qal fil-Qorti meta ma setax jiftakar x’ġara. Hu qal li sar jaf mill-midja li Fenech kien ġie arrestat.

‘Il-Pulizija ġabruni fil-5.30am ta’ filgħodu,’ Schembri qal fil-Qorti imma ma setax jiftakar id-data. Hu qal li nżamm arrestat total ta’ 50 siegħa. Qal li saru tfittxijiet fir-residenza tiegħu u anke fl-uffiċċju tiegħu f’Kastilja. Kien hemm preżenti Pulizija mit-Taqsima tar-Reati Kriminali waqt it-tfittxijiet f’Kastilja.
Nicole Borg
10:50 Schembri ġie mistoqsi dwar x’tip ta’ negozju kellu ma’ Yorgen Fenech, u jekk kienx hemm flus li għaddew minn kontijiet bankarji barranin. Hu spjega li ma kellu l-ebda relazzjoni ta’ negozju ma’ Fenech, iżda l-kumpaniji tagħhom iva. Qal fil-Qorti li ma kienx hemm flus li għaddew lilu minn kontijiet barranin.

Intqal li f’seba’ snin, huma siefru darbtejn flimkien. Schembri żied jgħid li Fenech kien ħabib tiegħu u li hu għandu ħafna ħbieb. Intqal li huma kienu jikkomunikaw permezz ta’ WhatsApp imma ma jiftakarx kemm frekwenti. Qal li darba kien mar fuq il-jott ta’ Fenech. Hu qal li ma jiftakarx li ltaqa’ ma’ Theuma fil-farmhouse ta’ Fenech. Lanqas jiftakar kemm-il darba mar fil-farmhouse ta’ Fenech.
Nicole Borg
10:48 “Jiena rajt biss biċċiet tar-rapport dwar Egrant,” qal Schembri. Hu kompla jgħid li mhux kapaċi jobgħod u ma jobgħod lil ħadd.
Nicole Borg
10:46 Kopja ta’ artiklu minn Daphne Caruana Galizia ntwera lil Schembri minn Dr Camilleri u staqsiet jekk dan l-artiklu jdejqux. Hi staqsiet ukoll jekk hu talabx lil Fenech jagħmel xi ħaġa għalih.

Schembri sostna li wara snin twal fil-politika rabba qoxra iebsa.

Dr Camilleri qed tistaqsi b'rabta max-xhieda li ta Schembri fir-rapport tal-inkjesta Egrant.
Nicole Borg
10:45 Keith Schembri jinsab fuq il-pedina tax-xhieda. Schembri talab maħfra fil-Qorti talli ma deherx ilbieraħ u żied jgħid li ħadd ma kien innotifikah f’daru. L-Imħallef Mintoff irreferih lid-dikjarazzjoni tal-Qorti llum li tgħid li ħadd ma kien se joqgħod jistennieh jiftaħ il-bieb.
Nicole Borg
10:42 Il-Qorti ddikjarat ukoll li Dr Buttigieg kienet innotifikat lill-Qorti li kellha pjanijiet li ma setgħux jinbidlu u għalhekk ix-xhieda ta’ Schembri ma setgħetx tinstema' lbieraħ.
Nicole Borg
10:41 Schembri jidħol fl-awla.
Nicole Borg
10:40 Dr Marion Camilleri qalet li l-ewwel xhud huwa Keith Schembri. Il-Qorti ddikjarat li minħabba li l-proċedimenti kostituzzjonali kienu urġenti, Shembri kellu jixhed ilbieraħ. Ilbieraħ ħareġ li meta l-marixxalli tal-Qorti marru sabiex jinnotifikaw lil Schembri, ħadd ma fetħilhom il-bieb. "Il-Qorti ma tistax toqgħod tistenna lil Schembri biex jiftaħ il-bieb ħalli jingħata n-notifika," qalet il-Qorti.
Nicole Borg
10:39 Jasal fl-awla l-Imħallef Lawrence Mintoff.
Nicole Borg
10:33 Kulħadd jirritorna lura fl-awla wara li din ġiet evakwata biex isir scanning mill-ġdid ta' kull persuna qabel jidħlu f'awla 19.
Nicole Borg
10:30 L-awla hija pjuttost mimlija. Fil-kuritur barra deher is-sensar tal-assassinju Melvin Theuma.
Nicole Borg
10:25 Newsbook.com.mt jinsab fl-Awla minn fejn se jkun qed jirrapporta dak li qed jingħad fil-Qorti minuta b'minuta. Fl-awla hemm l-avukati Dr Marion Camilleri u Dr Gianluca Caruana Curran li qed jirrappreżentaw lil Yorgen Fenech, kif ukoll l-Avukat tal-Istat Victoria Buttigieg u Dr Maurizio Cordina li qed jidhru għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.
Nicole Borg
10:15 "Ħa nkun tard u teħlu intom" – Keith Schembri lill-ġurnalisti hu u dieħel fil-bini tal-Qorti
Nicole Borg

Wara li lbieraħ falla milli jidher fil-Qorti għax sostna li ma ġiex notifikat li kellu jitla’ jixhed, l-eks Chief of Staff tal-Prim Ministru, Keith Schembri, se jkun qed jagħti x-xhieda tiegħu llum.

L-Imħallef Lawrence Mintoff ħareġ mandat ta’ arrest għal Schembri ladarba hu ma deherx u l-marixxalli tal-Qorti ma rnexxilhomx isibuh biex jagħtuh in-notifika. Lejn tmiem is-seduta, l-avukat ta’ Schembri tfaċċa fil-Qorti u qal li Schembri lest li jixhed fis-seduta li jmiss u li ma deherx fil-Qorti intortament.

Il-każ kostituzzjonali fetħu Yorgen Fenech, is-sid tal-kumpanija 17 Black f’Dubaj kontra l-Ispettur Keith Arnaud, l-investigatur ewlieni fil-każ tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Fis-seduta tal-bieraħ xehed l-Ispettur Arnaud inniffsu fejn fost l-affarijiet li qal semma li l-ewwel darba li ltaqa’ ma’ Keith Schembri għall-ewwel darba waqt briefing f’Kastilja dwar l-assassinju ta’ Daphne. Dan kien qabel l-arresti ta’ Diċembru 2017. Arnaud spjega li hu beda jitkellem direttament ma’ Keith Schembri meta l-Qorti ordnat it-tneħħija mill-każ tal-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta.