“Ħsibt li miraklu biss jista’ jsalvaha lil marti” – L-armel ta’ Miriam Pace

Read in English.

Carmel Pace, ir-raġel ta’ Miriam Pace, il-mara li tilfet ħajjitha meta darha ġġarrfet wara li kien għaddej xogħol ta’ kostruzzjoni ħdejha, xehed dalgħodu fil-Qorti, fejn stqarr li hu u martu, flimkien ma’ ġirien oħra, kienu wrew it-tħassib tagħhom fuq il-proġett ta’ kostruzzjoni li kien għaddej ħdejhom.

Il-ġimgħa li għaddiet bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni tal-evidenza fil-konfront ta’ erba’ persuni b’rabta mat-traġedja li ġrat fi Triq Joseph Abela Scolaro fil-Ħamrun f’Marzu li għadda.

Xi spikka fil-Qorti?

  • Illum xehdu Carmel Pace, l-armel ta’ Miriam Pace, u l-ġirien John Sammut, Rosette Zerafa u Carmelo Pace
  • Fi Frar kien hemm l-ewwel inċident fis-sit tal-kostruzzjoni
  • Il-ġirien iltaqgħu mal-kuntrattur u l-perit li assigurawhom li qed jimxu mal-liġi
  • Il-ġirien kienu mbeżżgħin “imma Miriam Pace kienet imwerwra”
  • Carmel Pace kellem lil martu ftit minuti qabel iġġarraf il-bini
  • Il-familja Pace u ġirien oħra qabbdu perit biex jagħmlilhom rapport fuq il-propjetà tagħhom
  • It-theżżiż mix-xogħol tal-kostruzzjoni kien jinħass qisu terremot
  • Jgħid li d-dar il-ġdida li tawhom tinħass li mhix darhom u tilfu kull tama fil-futur
  • Ġara tgħid li ma tistax tmur lura d-dar u torqod bil-mistrieħ meta mit-twieqi tagħha tista’ tara d-dar imġarrfa tal-familja Pace
  • Bint il-vittma għadha mhix lesta biex tixhed

Xi ntqal fil-Qorti minuta b’minuta

10:44 Is-seduta li jmiss se tkun fit-2 ta' Lulju.
Sephora Francalanza
10:42 Ix-xhieda tas-Sur Carmelo Pace tintemm hawn.
Sephora Francalanza
10:41 Ix-xhud jgħid li ħadd ma kkuntattjah qabel ġara l-inċident, u sal-lum, għadu ma ħax il-flus tal-assigurazzjoni.
Sephora Francalanza
10:39 Pace jgħid li ma ntebaħx li d-dar li ġġarrfet kienet dik ta' fuq il-garaxx tiegħu. Tilef il-karozzi kollha li kienu ġewwa, sitta b'kollox, li ħamsa minnhom kienu tiegħu.
Sephora Francalanza
10:37 Carmelo Pace huwa sid il-garaxx taħt il-propjetà tal-familja Pace.
Sephora Francalanza
10:35 Imiss li jixhed is-Sur Carmelo Pace (mhux l-armel Carmel Pace li diġà xehed).
Sephora Francalanza
10:35 Ix-xhieda ta' Rosette Zerafa tintemm hawn.
Sephora Francalanza
10:34 L-Avukat Montalto jistaqsi lis-Sa Zerafa tikkjarifika min qalilhom li l-użu ta' trencher jiswa l-flus, u li ż-żewġ piedi u nofs distanza m'hemmx bżonn jiġu infurzati.

Hija twieġeb li kienu l-perit u l-kuntrattur tal-proġett li qalu dan.
Sephora Francalanza
10:32 Imiss il-kontro-eżami tal-Avukat Roberto Montalto.
Sephora Francalanza
10:30 Il-Maġistrat Joe Mifsud jitlob lix-xhud tidentifika lill-Perit Roderick Camilleri, preżenti fl-awla.
Sephora Francalanza
10:29 Is-Sa Zerafa tgħid li ma tistax tmur lura d-dar u torqod bil-mistrieħ meta mit-twieqi tagħha tista' tara d-dar imġarrfa tal-familja Pace.
Sephora Francalanza
10:27 Rosette Zerafa tgħid li ngħataw propjetà fejn jgħixu, u wara ftit ġranet, qalulhom li jistgħu jmorru d-dar biex jieħdu xi affarijiet. Issemmi kif kellha attakk tal-ansjetà, imma rnexxielha tidħol mal-perit tagħha.
Sephora Francalanza
10:23 Il-Maġistrat jistaqsi lix-xhud tindika għal liema ritratt qiegħda tirreferi.
Sephora Francalanza
10:22 Wara li ġara l-inċident u bdew jinġabru n-nies fil-madwar, semgħet lil xi ħadd jgħid li se jċaqalqu l-makkinarju.

In-nies bdew jgħidu li aħjar jieħdu ritratti tax-xena.
Sephora Francalanza
10:21 Tirrakkonta kif ma setgħetx tiċċaqlaq, imma ħasset xi ħaġa tgħidilha biex toħroġ għax kienet fil-periklu.

Meta ħarġet minn darha kulma rat kienet foga bajda, u ma setgħetx tieħu nifs sew. Tgħid li ppruvat iċċempel lil Miriam fuq il-mowbajl imma ma bdietx taqbadha.
Sephora Francalanza
10:20 Dakinhar tat-traġedja, fit-2 ta' Marzu, Zerafa waslet id-dar mix-xogħol għall-ħabta tas-1.30pm.

Bdiet iċċempel lil bintha li kienet qed tistudja barra minn Malta, u waqt it-telefonata, qalet lil bintha tieqaf titkellem għax semgħet ħoss kbir imma ma kinitx taf x'qed jiġri.
Sephora Francalanza
10:12 Rosette Zerafa tgħid li l-kuntratturi u l-perit qalulha li ma kienx hemm bżonn isegwu d-distanza ta' żewġ piedi u nofs huma u jibnu.
Sephora Francalanza
10:07 Ix-xhud tagħti d-dettalji ta' inċident partikolari li ġara meta kien għaddej ix-xogħol ta' kostruzzjoni, madwar 15-il jum qabel id-dar iġġarrfet.

Hija wkoll qabbdet perit biex jiċċekkja d-dar tagħha.
Sephora Francalanza
10:05 Għalkemm il-familja tax-xhud kienu jħossu l-bini jivvibra, hija tgħid li għall-familja Pace s-sitwazzjoni kienet ferm agħar.
Sephora Francalanza
10:03 Tkompli tgħid li meta bdew jiskavaw ħdejn il-ħajt li jmiss mal-propjetà tagħhom, ma setgħux jissapportu l-mod kif beda jivvibra l-bini.

"Jien kont imbeżżgħa imma Miriam kienet imwerwra," tgħid Rosette Zerafa.
Sephora Francalanza
10:01 Tgħid li hi wkoll kienet wissiet lill-kuntratturi biex joqogħdu attenti.
Sephora Francalanza
10:00 Rosette Zerafa toqgħod fit-triq wara dik tal-propjetà tal-familja Pace. Toqgħod ġo maisonette fl-ewwel sular, bħall-familja Pace.
Sephora Francalanza
09:58 Fuq Facebook, is-Sa Zerafa kienet kitbet li meta hi u Miriam esprimew l-inkwiet u l-biża’ tagħhom dwar il-kostruzzjoni, il-ħaddiema qalulhom li huma ma jaħdmux bħal ħaddieħor. Qalet li qalulhom li mhux se jiġrilhom bħalma ġralu ħaddieħor, iżda “fil-fatt hekk ġara”.
Sephora Francalanza
09:57 Titla' tixhed is-Sa Rosette Zerafa.
Sephora Francalanza
09:55 Ix-xhieda tas-Sur Sammut tintemm hawn.
Sephora Francalanza
09:52 Jispjega li x-xogħlijiet li kienu għaddejjin kienu qishom theżżiża ta' xi terremot wara oħra.
Sephora Francalanza
09:51 Il-ġar tal-familja Pace semma kif kien wissa lill-perit u lill-kuntrattur biex ma jagħmlulhomx ħsara kif ġara fil-każ tal-bini li ġġarraf f'Tal-Pietà. Huma assigurawh li mhumiex bħall-kuntratturi ta' dak il-proġett.
Sephora Francalanza
09:49 Huwa jgħid li jħossu fortunat li għadu ħaj, peress li fil-ħin li ġġarraf il-bini, kien rieqed f'daru.

Jirrakkonta kif ħareġ jiġri mis-sodda għax it-theżżiż kien qisu ta' terremot.

Il-ġirien bdew iwissuh joħroġ mid-dar minħabba li l-bini kien qed jiġġarraf.
Sephora Francalanza
09:47 Sammut jgħid li għex il-Ħamrun għal madwar 30 sena, u issa joqgħod San Ġwann.
Sephora Francalanza
09:47 Issa jitla' jixhed John Sammut.
Sephora Francalanza
09:46 Ix-xhieda tas-Sur Carmel Pace tintemm hawn.

Bintu Ivana għadha mhijiex lesta biex tixhed, u allura se tixhed darb'oħra.
Sephora Francalanza
09:44 Iżid jgħid li martu kienet tilfet kull tama li jirnexxilhom ibigħu d-dar.
Sephora Francalanza
09:41 L-armel jgħid li rnexxielhom jiksbu ftit affarijiet biss mid-dar. Il-ġojjellerija u l-bqija tal-affarijiet tagħhom baqgħu ma nstabux.
Sephora Francalanza
09:39 "Meta rajt kif kienet dari, għidt bejni u bejn ruħi li miraklu biss jista' jsalvaha lil marti," jgħid Pace.

Żied jgħid li għalkemm issa qegħdin joqogħdu f'dar komda, iħossu li mhijiex darhom. Iħossu li tilfu kull tama u pjanijiet għall-futur.
Sephora Francalanza
09:37 Wara ftit, membri tal-familja bdew jaslu fuq il-post.
Sephora Francalanza
09:36 Emozzjonat, Carmel Pace jirrakkonta kif talab lill-maniġer biex jitlaq, u mar jiġri d-dar peress li beda jħoss li martu ġralha xi ħaġa.
Sephora Francalanza
09:35 Carmel Pace jgħid li kien iċempel lil martu ta' kuljum fis-2pm.

Dakinhar tat-traġedja ċemplilha fis-2.10pm. Ħames minuti wara t-telefonata, kollega tiegħu qallu li ġġarrfet dar fil-Ħamrun.

Ċemplilha fuq il-mowbajl u fuq it-telefown tad-dar, imma ma bdietx taqbdu.
Sephora Francalanza
09:33 Miriam Pace kien qed ikollha ħafna ansjetà minħabba dan il-proġett, qal l-armel tagħha.
Sephora Francalanza
09:30 Fit-18 ta' Frar, meta rritorna d-dar mix-xogħol, Pace ntebaħ li kien hemm ħafna materjal tal-kostruzzjoni quddiem daru. Dan kien għall-ħabta tat-3pm.
Sephora Francalanza
09:27 Is-Sur Pace jgħid li meta bdew ix-xogħlijiet tal-kostruzzjoni, speċjalment meta bdew iwaqqgħu ħajt li jmiss mal-propjetà tiegħu, huwa qabbad perit biex jipprepara rapport fuq l-istat tal-propjetà tiegħu.
Sephora Francalanza
09:25 Kemm Carmel Pace, kif ukoll martu Miriam kienu preżenti waqt din il-laqgħa mal-ġirien.
Sephora Francalanza
09:24 Iltaqgħu mal-perit u mal-kuntrattur ġimgħa wara l-inċident, fl-24 ta' Frar, 2020. Carmel Pace jispjega li l-kuntrattur u l-perit assigurawhom li ħadu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa, u qegħdin jimxu mal-liġi.
Sephora Francalanza
09:23 Wara l-inċident ta' Frar, is-Sur Pace u martu, flimkien mal-bqija tal-ġirien, riedu jiltaqgħu mal-kuntrattur u mal-perit tal-proġett.
Sephora Francalanza
09:20 Fi Frar tal-2020 kien hemm l-ewwel inċident fis-sit tal-kostruzzjoni.
Sephora Francalanza
09:20 Kompla jispjega li meta beda l-iżvilupp ħdejn darhom, hu u martu kellhom ħafna aktar ħeġġa biex ibigħu d-dar u jsibu post aktar għall-kwiet.
Sephora Francalanza
09:19 Pace jwieġeb li huma riedu jitilqu mid-dar biex isibu propjetà iżgħar, u biex jixtru dar qrib dik ta' binthom.
Sephora Francalanza
09:18 L-Avukat Joe Giglio, li qed jidher parte civile, jistaqsi lis-Sur Pace jekk huwa oġġezzjonax għall-iżvilupp li kien għaddej ħdejn daru.
Sephora Francalanza
09:15 Jispjega li hu u Miriam iżżewġu f'April tal-1988 u kellhom żewġt itfal. Bħala familja dejjem għexu fil-binja li ġġarrfet f'Marzu li għadda fil-Ħamrun.
Sephora Francalanza
09:13 Huwa jintalab jitkellem dwar ħajtu.
Sephora Francalanza
09:11 Is-Sur Pace bħalissa qed joqgħod Ħaż-Żebbuġ.
Sephora Francalanza
09:11 Carmel Pace jintalab jitla' jixhed.
Sephora Francalanza
09:10 Il-kumpilazzjoni se tibda dalwaqt f'awla 22. Jippresiedi l-Maġistrat Joe Mifsud.
Sephora Francalanza
09:02 L-għodwa t-tajba.

Nilqgħukom għal dan il-blogg live mill-Qorti, fejn minn hawn u ftit ieħor, huwa mistenni jixhed Carmel Pace, l-armel ta' Miriam Pace.
Sephora Francalanza

Il-Maġistrat Joe Mifsud qed jippresiedi l-każ, li fih qed jitressqu l-qorti l-perit tal-proġett ta’ 36 sena residenti r-Rabat, is-Site Technical Officer (perit) ta’ 72 sena residenti l-Gżira, il-kuntrattur ta’ 37 sena residenti Ħaż-Żebbuġ u ħaddiem ta’ 42 sena residenti l-Imqabba.

Huma mixlija li bi traskuraġni kkaġunaw il-qtil ta’ Miriam Pace u li kkaġunaw ħsara fuq proprjetà privata fost akkużi oħra. Ix-xahar li għadda huma nħelsu mill-arrest.

Il-Prosekuzzjoni hi magħmula mill-Ispetturi Robert Vella u Matthew Galea. L-Avukati Arthur Azzopardi u Alfred Abela qed jidhru għall-periti, filwaqt li l-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri qed jidhru għall-bennej. L-Avukati Michael Sciriha, Roberto Montalto, Lucio Sciriha u Franco Galea qed jidhru għall-kuntrattur.

Il-familja Pace hija rappreżentata fil-qorti mill-Avukati Joe Giglio u David Bonello. L-Avukat Stefano Filletti qed jirrappreżenta lill-ġirien.