“Tal-Bidnija orrajt?”

Read in English.

Illum qed jixhdu aktar persuni fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-Eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo u l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati xhedu llum.

  • “Kont nara lil Keith Schembri fir-raba sular tal-kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.” – Anġlu Farrugia
  • Farrugia spjega li kien jara lil Sandro Chetchuti b’mod regolari fil-kwartieri tal-Partit Laburista qabel l-elezzjoni tal-2013.
  • “Qatt ma appoġġjajt lil Muscat” – Anġlu Farrugia
  • “Muscat ma kellux xi grazzja kbira miegħi” – Anġlu Farrugia
  • L-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo jgħid li malli ħa l-kariga baqa’ jipprovdi protezzjoni lill-ġurnalista assassinate Daphne Caruana Galizia skont il-bżonn taż-żmien.
  • Rizzo jgħid li meta kien Kummissarju hu kien jitħalla jagħmel xogħolu mingħajr indħil.
  • “Kelli biżżejjed evidenza biex inressaq lil John Dalli l-Qorti imma ma kienx Malta minħabba raġunijiet mediċi. Lili neħħewni mill-kariga l-Ġimgħa u hu wasal Malta s-Sibt.” – Rizzo
  • “Kienu offrewli €10,000 żieda wara li neħħewni minn Kummissarju, imma irrifjutajthom. Qatt ma kont bniedem li nagħmel għall-flus.” – Rizzo
  • “Kont ninvestiga kull l-iċken allegazzjoni, ġejja minn fejn ġejja, inkluż dak li kienet tikteb Daphne Caruana Galizia fil-blogg tagħha.” – Rizzo
16:07 Tintemm ix-xhieda ta' RIzzo. Is-seduta ġiet aġġornata għall-Ħamis 9 ta' Jannar fis-2.20pm.
Nicole Borg
16:06 Rizzo qal li t-telefonata ta' Joseph Muscat jekk hu ħax ħsieb is-sigurtà tal-Bidnija ġiet qabel ma Muscat ħa l-ġurament bħala Prim Ministru.
Nicole Borg
16:03 Rizzo qal li wara t-tmiem tal-elezzjoni, fil-kamra tal-għadd tal-voti, Muscat kien ħadlu b'idejh u qallu li jrid ikellmu. Rizzo kien imbagħad ikkuntattja liċ-Chief of Staff biex issir xi laqgħa.

Rizzo qal li ġie kkuntattjat minn Muscat wara r-rebħa biex jara jekk id-dar ta' Daphne Caruana Galizia fil-Bidnija kinitx qed tiġi protetta, Rizzo kien ikkonfermalu li kien hemm il-Pulizija.

"Tal-Bidnija orrajt?" qal Rizzo li staqsieh Muscat.
Nicole Borg
16:00 Dr Comodini Cachia staqsiet jekk Rizzo kienx informa lill-Ministru għall-Intern taż-żmien li kien hemm biżżejjed evidenza biex John Dalli jitressaq il-Qorti. Rizzo qal li kien tkellem mal-Ministru taż-żmien. Qal li dak iż-żmien kien ħareġ artiklu mill-MaltaToday li kien qal li Rizzo ta' xi struzzjonijiet biex tinbidel l-informazzjoni li ħarġet mill-investigazzjoni ta' Dalli biex ma jitressaqx il-Qorti. Rizzo qal li hu kien ċaħad dan katigorament.
Nicole Borg
15:59 Wara l-elezzjoni Rizzo qal li kien hemm it-taqlib u li ħassu hu stess. Qal li la nbidlet l-amministrazzjoni se jkun hemm tibdil.
Nicole Borg
15:56 Dr Comodini Cachia talbet lil RIzzo jiċċara jekk kienx ta ordni biex tieqaf il-protezzjoni fuq Caruana Galizia. Rizzo qal ma jiftakarx jekk fix-xahar ta' wara l-elezzjoni kienx ordna li titneħħa l-protezzjoni.

Rizzo qal li pprova jiftakar imma ma rnexxilux.

Ġie mistoqsi jekk jistax ikun hemm rekord bħal dan u RIzzo qal li iva.
Nicole Borg
15:52 L-avukat Therese Comodini Cachia, irreferiet għal x'ġara fit-tibdil fil-kariga.

Rizzo qal li l-Prim Ministru kien offrielu diversi postijiet u karigi. Rizzo kien qallu li ried jibqa' Pulizija. Qal li dehrlu li l-aktar xogħol viċin tiegħu bħala Pulizija kien li jmur mas-Security Services. Qal li meta ltaqa' ma' Schembri, qallu li l-PM iridu jmur jaħdem mal-Protezzjoni Ċivili. Qal li kien offrielu wkoll konsulenza miegħu, b'€10,000 żieda. Rizzo qal li kien lest li jagħti konsultazzjoni b'xejn u ma riedx jaċċetta l-flus.
Nicole Borg
15:49 Rizzo qal li kien jibda jinvestiga anke fi stadju ta' allegazzjoni. Qal li kollox jibda minn allegazzjonijiet. Spjega li jekk hu ma kienx ikun involut personali, kien ikollu briefing dwar il-każijiet ta' kuljum.
Nicole Borg
15:46 Hu ġie mistoqsi dwar il-blogg ta' Caruana Galizia u jekk kienx jinvestiga dwar dawk li kienet tikteb hi,

Rizzo semma l-każ ta' Jeffrey Puliccino Orlando. Qal li hu kien jagħti każ dak li kienet tirrapporta Caruana Galizia u kienet issir evalwazzjoni ta' kollox. Qal li minbarra ta' Puliccino Orlando, jaf kienx hemm oħrajn.

Hu ġie mistoqsi x'kien jagħmel f'każ li sema xi ħaġa dwar il-Panama Papers.

Rizzo qal li l-Pulizija għandha l-obbligu li tinvestiga kull tip ta' rapport li jsirilha, dan jinkludi informazzjoni li toħroġ ġurnalista jew anke telefonata anonima.
Nicole Borg
15:44 Hu ġie mistoqsi x'kien jagħmel f'każijiet meta jqum tħassib f'xi ministru jew Prim Ministru jew xi ħadd importanti.

Rizzo qal li jiftakar fl-iskandlu taż-żejt u li kien beda investigazzjoni immedjata. Qal li jiftakar li Lawrence Gonzi kien Prim Ministru u ċempel jistaqsih jekk kienx beda jinvestigaha u qallu li iva.
Nicole Borg
15:41 Rizzo qal li ħadd qatt ma tah spjegazzjoni dwar għaliex tneħħa mill-irwol tiegħu fis-servizzi sigrieti.

Il-bord tal-inkjesta staqsa x'hemm bżonn jiġi rranġat fir-relazzjonijiet bejn il-Korp tal-Pulizija u l-eżekuttiv.

Rizzo qal li l-Korp tal-Pulizija nbidel ħafna minn meta telaq hu. Qal li qed jgħid dan minn kull aspett. Qal li l-akkademja kontinwa tal-Pulizija li kien beda hu kienet twaqqfet.

Rizzo qal li l-Korp tal-PUlizija għandu jkollu l-awtonomija tiegħu.
Nicole Borg
15:38 RIzzo qal li d-deċiżjoni li jitneħħa mill-kariga u jintbagħat mal-Protezzjoni Ċivili kienet waħda xokkanti għalih. Qal li jumejn qabel ma ġie trasferit kien bagħat għalih Joseph Muscat. Qal li kienu qablu biss fuq ftehim li jilħaq jgħid lill-familja. Qal li meta mar għal laqgħa ma sabx lil Muscat iżda sab lil Keith Schembri u qal li kien se jiġi trasferit għall-Protezzjoni Ċivili.

Qal li huma kienu tawh €10,000 żieda fuq il-paga li kellu bħala Kummissarju biex imur għal dan l-irwol. Hu ma aċċettax iż-żieda għax qal li l-flus ma jagħmlux bih. Qal li mbagħad hu għamel erba' snin f'din il-kariga u rreżenja għax kien kontra qalbu.
Nicole Borg
15:35 Rizzo qal li qabel ma spiċċa kellu numru ta' investigazzjonijiet importanti, fosthom waħda dwar Imħallef.

Qal li kien jinvolvi ruħu personalment f'investigazzjonijiet kbar u importanti.

Hu ġiex mistoqsi jekk kienx hemm aktar investigazzjonijiet kbar daqs dawk ta' Dall pendenti. Rizzo qal li kien involut fl-investigazzjoni tal-iskandlu taż-żejt.

Il-bord jikkjarifika l-mistoqsija: "KIen hemm investigazzjonijiet ta' din il-portata li kont għadek ma ressaqtx persuni l-Qorti meta tneħħejt mill-kariga?" Rizzo wieġeb jgħid li sa fejn jiftakar hu le.
Nicole Borg
15:30 RIzzo qal li kellu l-libertà assoluta li jagħmel dak kollu li kien hemm bżonn jagħmel.

Il-bord tal-inkjesta ssemmi l-każ ta' John Dalli, li fiż-żmien Rizzo dan ma kienx ġie akkużat minkejja li kien hemm biżżejjed evidenza sabiex jiġi organizzat. Rizzo qal li l-Pulizija kienet għamlet investigazzjoni sħiħa wara li l-OLAF temmet tagħha. Qal li jemmen li l-informazzjoni li kisbu qal li jemmen li Dalli kellu jitressaq il-Qorti. Qal li bosta involuti kienu tal-istess fehma. Qal li mbagħad hu kien tneħħa mill-irwol tiegħu u l-Kummissarju ta' warajh qal li ma kienx hemm biżżejjed provi biex jitressaq.

Qal li hu ma kienx ressaq lil Dalli qabel il-Qorti għax dan kien jinstab Brussell u kien hemm ċertifikati mediċi. Qal li l-ġimgħa li Dalli kellu jirritorna, hu kien laħaq spiċċa mill-kariga tiegħu. Qal li hu tneħħa minn Kummissarju l-Ġimgħa, u Dalli niżel lura Malta s-Sibt.
Nicole Borg
15:28 Ġie mistoqsi jekk kienx hemm skambju ta' informazzjoni bejn il-Pulizija u s-Servizzi Sigrieti. RIzzo qal li ġieli kien jitlob lill-Kummissarju biex isir interception ta' ċerti telefonati. Kienu jsiru diskussjonijiet mal-Ministru u mbagħad toħroġ warrant. Qal li l-informazzjoni li tidħol mill-interceptions tas-secutiry services kien jaqsamha biss mat-tim investigattiv.
Nicole Borg
15:24 Il-bord staqsa jekk kienx hemm raġuni għaliex Rizzo kien ġie trasferit. Rizzo qal li Muscat ħass li kien ilu wisq iservi bħala Kummissarju.

Hu ġie mistoqsi kif kien jiddeċiedi li jagħti protezzjoni lil Caruana Galizia. Qal li ħafna drabi hu kien jiddeċiedi waħdu abbażi ta' affarijiet li jkunu qed jiġru.

Rizzo ġie mistoqsi jekk kienx jikkonsulta mal-Ministru tal-Intern. Rizzo qal li din hija xi ħaġa normali. Mistoqsi jekk qatt kellux xi ndħil f'xogħlu, Rizzo qal li le. Qal li kien jitħalla jagħmel xogħlu mingħajr indħil.
Nicole Borg
15:22 Rizzo qal li kien hemm ċirkostanzi li kien iħoss li huwa obbligu tiegħu li joffri l-protezzjoni. Semma l-inċident fejn inħaraq il-bieb tal-familja Caruana Galizia.

Hu qal li baqa' Kummissarju sat-13 ta' April tal-2013, madwar xahar u nofs wara l-elezzjoni ġenerali.

Qal li fi żmien l-elezzjoni, kien hemm protezzjoni, ma jiftakarx jekk din waqfitx qabel ma telaq hu minn Kummissarju jew wara li telaq hu.
Nicole Borg
15:20 Rizzo qal li sa fejn jiftakar hu qatt ma staqsiet għall-protezzjoni u qal li ġieli anke kienet iddejjaqha din il-protezzjoni. Qal li ma jiftakarx iż-żmien eżatti meta offra din il-protezzjoni.

Rizzo qal li kien hemm numru ta' persuni li kienu jagħtuhom protezzjoni. Qal li jiftakar li l-protezzjoni ċert li ngħatatilha fi żmien l-elezzjoni tal-2013.
Nicole Borg
15:17 Jidħol fl-awla l-eks Kummissarji John Rizzo sabiex jagħti x-xhieda tiegħu.

Rizzo qal li hu serva bħala Kummissarju bejn Novembru tal-2001 u April tal-2013.

Hu ntalab jitkellem dwar il-protezzjoni li kien joffri lil Caruana Galizia. Rizzo qal li l-protezzjoni ma kienx bdiha. Qal li kienet tingħatalha protezzjoni minn qabel ma beda hu u ħass il-bżonn li din titkompla. Qal li kien hemm żminijiet fejn kien jagħmel fixed point, ġieli kien jagħmel patrols u ġieli kien iħalli pulizija għassa faċċata tad-dar.
Nicole Borg
15:08 Preżenti fl-awla hawn diversi membri tal-familji tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia.
Nicole Borg
15:07 Ittemm ix-xhieda ta' Anġlu Farrugia. Il-bord tal-inkjesta joħroġ mill-awla.
Nicole Borg
15:01 Min-naħa tagħha, l-avukat Therese Commodini Cachia staqsiet jekk jistax jgħid l-ismijiet kollha ta' dawk kollha li qal li kien xettiku dwarhom. Hu ġie infurmat li jista' jagħmel dan b'mod kunfidenzjali. Iżda qal li ma kienx se jsemmi ismijiet.
Nicole Borg
14:56 Azzopardi staqsa jekk Franco Debono kienx intbagħat mill-PL sabiex jiddibatti minflok Farrugia.

Farrugia kkonferma li Franco Debono kien mar minfloku taħt ordni ta' Joseph Muscat. Qal li d-dibattitu mbagħad ma kienx sar.
Nicole Borg
14:55 Farrugia qal li minn aspett personali hu qatt ma nefaq flus f'kampanji elettorali. Qal li l-kampanja tal-2013 tal-PL kienet qawwija meta kkumparata mal-għajja li kien jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista.
Nicole Borg
14:52 Azzopardi staqsih jekk lil Neville Gafa u lil Konrad Mizzi kienx jarahom fir-raba' sular. Farrugia qal li hu kien jarahom fil-partit, imma l-ħin tiegħu kien iqattgħu fit-tielet sular.

Azzopardi talab lil Farrugia jistaqsi jekk Schembri kellux kariga dak iż-żmien. Staqsa kif Schembri kellu aċċess għar-raba' sular u Farrugia le.

Farrugia qal li hu kien Deputy leader, qal li Schembri ma kellux kariga.
Nicole Borg
14:48 L-avukat Jason Azzopardi li qed jirrapreżenta lill-familja Caruana Galizia għadda numru ta' mistoqsijiet biex jiġu indirizzati lil Farrugia.

Azzopardi qal li jiftakar li Farrugia fl-1996 kien ikkandida ruħu fil-Gvern Laburista, li l-Gvern jagħmel liġi fejn Maġistrat inkwerenti jkollu poter jinvestiga każi ta' korruzzjoni bil-poter tiegħu stess.

Farrugia spjega li Alfred Sant kien favur ħafna li jkun hemm SuperMaġistrat. Qal li din ma mxietx għax minn informazzjoni li għandu kien hemm nuqqas ta' qbil man-naħa l-oħra tal-Kamra.
Nicole Borg
14:45 Hu ġie mitlub għall-hard facts u ismijiet għal darboħra. Qal li hu semma r-raba' sular u qal li ma kellux iktar xi jgħid.
Nicole Borg
14:44 Hu ġie mistoqsi jekk hu kienx jara lil Yorgen Fenech fil-kwartieri. Farrugia qal li qatt ma rah.
Nicole Borg
14:41 Farrugia qal li sal-2012, Konrad Mizzi ħareġ b'saħħtu ħafna wara r-riżenja ta' Joe Farrugia. Farrugia spjega li meta rreżenja hu wkoll, Mizzi beda jidher iktar kullimkien.
Nicole Borg
14:37 Qal li hu jiftakar li meta hu kkontesta għal mexxej, wara li telaq Alfred Sant, fl-eżekuttiv tal-partit kien qal li kull min kien involut f'xi tip ta' korruzzjoni minn żmien ir-Repubbliku sa dakinhar, ma jitħalliex ikollu pożizzjoni għolja fil-partit. Qal li jiftakar li kienet inħatret kummissjoni ta' tliet persuni. Spjega li meta kien Pulizija jiftakar li kien arresta Ministri u Membri Parlamentari min-naħa tal-PL.
Nicole Borg
14:31 Hu ġie mistoqsi jekk il-partit rahx jaqleb lejn business approach iktar milli mill-valuri xellugin tiegħu.

Farrugia qal li jiftakar li darba kien staqsa lil Mintoff u Mintoff kien għamilha ċara li "aħjar hekk u taf fejn int".
Nicole Borg
14:26 Il-bord ta' inkjesta qal lil Farrugia li meta qed jgħid li kienu jdejquh in-negozjanti hu qed jirreferi għal ċerti negozjanti. Intalab isemmi min huma.

Farrugia spjega li lil Micallef Leyson li kienet tikteb mal-Independent li ma kellux grazzja magħha.

Qal li l-PL hu jafu dejjem bin-nies jaħdmu b'mod volontarju, iħobbu lill-partit, jistaqsu mistoqsijiet bażiċi. Qal li hu ma kienx jitħalla jidħol f'diskussjonijiet dwar xi proġett.

Tkellem dwar il-kwistjoni tal-enerġija. Qali li mill-2008 sal-2012 kien Deputat Mexxej tal-Partit. Qal li hu qatt ma ġie infurmat bil-proġett tal-enerġija. Meta kien fuq Xarabank Cacopardo kien staqsieh jekk hux se jraħħsu l-ilma. Farrugia qal li kien qallu 'le' u kien wieġbu hekk għax ma kienx ġie mgħarraf bid-diskussjonijiet dwar il-proġett tar-roħs.
Nicole Borg
14:23 Farrugia spjega li kien jara lil Sandro Chetchuti b'mod regolari. Qal li Keith Schembri kien ikun fir-raba' sular tal-Kwartieri. Qal li fiż-żmien li meta hu kien deputat mexxej, Keith Schembri kien diġà qed jieħu sehem fil-Partit Laburista.
Nicole Borg
14:20 Farrugia qal li jiftakar li kien hemm min qed jgħid li hu qed jiltaqa' ma' Muscat wara li hu kien irreżenja. Qal li martu qaltlu li jekk dan mhux vera, kellu jgħid fil-pubbliku li Muscat kien qed jigdeb. Sostna li minn meta rriżenja sakemm bdew ħerġin dawn ix-xnigħat fil-midja, hu ma kienx iltaqa' ma' Muscat.
Nicole Borg
14:17 Il-Bord tal-inkjesta rrimarka li Farrugia kien ġie mkeċċi mill-Partit u staqsewh x'kienu l-valuri li kien iħoss li ma kinux qed jiġu indirizzati.

Farrugia qal li dak li qal qalu u Muscat qatt ma ġie jsaqsini 'x'inti tgħid?'

"Meta jiena wasalt għad-deċiżjoni li nirreżenja, għamilt dan b'ittra ċara u twila."
Nicole Borg
14:15 Qal li lil Joseph Muscat qallu li hemm bżonn li meta jkun fil-Gvern il-Partit Laburista jindirizza l-inġustizzji kollha. Qal li meta Muscat laħaq mexxej, Muscat lanqas ma kellu grazzja miegħu.

Farrugia qal li għamel ħafna xogħol biex in-nies ta' Mintoff jiġu lura fil-partit. Kien hemm 15,000 li ma kinux qed jivvutaw minħabba Mintoff.
Nicole Borg
14:11 Farrugia qal li hu daħal fil-Partit Laburista wara li spiċċa minn Pulizija. Qal li kemm dam Alfred Sant, dejjem kien hemm kontinwità għal dak li kien jemmen fih hu. Qal li lil Muscat ma appoġġjah qatt. Qal li l-unika darba li ltaqa' ma' Muscat kien fil-Parlament Ewropew. Qal li Muscat kien diġà qiegħed fil-Parlament Ewropew. Hu kien qed jitkellem dwar l-2004/5.
Nicole Borg
14:09 Farrugia spjega li hu trabba f'ambjent fejn il-flus mhumiex valur. Qal li missieru kien spiżjar li kien jagħmel mediċina għall-fqar.

Qal li bħal missieru kien hawn ħames persuni jagħmlu l-mediċini. Malta u Għawdex kienu jinqdew mingħandhom.
Nicole Borg
14:06 Irrakkonta kif hu kien iħobbu ħafna lill-partit. Qal li darba ħareġ mill-uffiċċju fil-11pm u ma setax jiftaħ il-bieb meta ġie biex jerġa' jidħol. Qal li ġie xi ħadd jiftaħ il-bieb u staqsieh x'kien qed jagħmel hemm.

Farrugia qal li meta kien fil-PL qatt ma kien jaċċetta donazzjonijiet min-negozjanti.
Nicole Borg
14:04 Hu ġie mistoqsi jispeċifika min huma dawn in-nies u semma lil Sandro Chetcuti.

Kompla jgħid li hu rreżenja fl-20 ta' Diċembru tal-2012. Qal li kien jara nies li mhux normali jarahom hekk. Spjega li hu kien jafhom kollha d-deputati. Qal li kellu jirreżenja minħabba passing remark li għadda fuq Maġistrat.
Nicole Borg
14:01 L-Ispeaker ġie mistoqsi sabiex jespandi fuq dikjarazzjoni li kien għamel fil-passat. Qal li hu kien qed jiġi intervistat minn Herman Grech tat-Times of Malta ftit wara li rrreżenja. Qal li saritlu domanda dwar il-valuri tal-Partit Laburista. Qal li kien ra ċertu moviment fil-partit li kien dejqu, qal li dan għaliex hu kien dejjem viċin tal-grassroots. Qal li meta kien jara ċertu nies deħlin fil-headquarters kien jistaqsi "dawn għaliex qiegħdin hawn?"
Nicole Borg
14:01 Jidħol fl-awla l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati Anġlu Farrugia hekk kif mistenni jkun l-ewwel xhud fil-kumpilazzjoni tax-xhieda tal-lum.
Nicole Borg

Il-punti prinċipali tal-aħħar seduta kienu:

  • Corinne Vella, oħt Daphne, tgħid li hemm xi ħadd lest li jixhed dwar il-Ministru Chris Cardona fil-burdell Acapulco
  • Corinne Vella tgħid li Daphne kienet tissuspetta li n-negozju proprju ta’ Keith Schembri kien il-ħasil tal-flus
  • Grazzi għal ommi għalaq Pilatus Bank; naħseb dalwaqt imiss l-istess għal oħrajn – Andrew Caruana Galizia
  • Roadblock tawwal il-ħajja ta’ ommi bi ftit jiem; aħseb u ara x’seta jagħmel livell minimu ta’ protezzjoni – Andrew Caruana Galizia
  • Tlabna informazzjoni bażika mill-Pulizija; qatt ma rrispondewna – Andrew Caruana Galizia
  • ‘Tagħmluli ħajti aktar faċli jekk taċċettaw lill-Imħallef Mizzi’ – il-Ministru Owen Bonnici lill-familja ta’ Daphne
  • ‘La għamlu kopja tal-mowbajl imkisser jistgħu jagħmlu kopja ta’ dak ta’ Schembri’ – Paul Caruana Galizia