‘La għamlu kopja tal-mowbajl imkisser jistgħu jagħmlu kopja ta’ dak ta’ Schembri’ – iben Daphne

Miguela Xuereb

Read in English.

Dalgħodu iktar persuni xhedu fl-inkjesta pubblika dwar l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fl-aħħar seduta, xehdu qraba tal-ġurnalista assassinata, fosthom ommha u missierha, ħutha u neputijiet.

Il-punti prinċipali tal-lum:

  • Corinne Vella tgħid li hemm xi ħadd lest li jixhed dwar il-Ministru Chris Cardona fil-burdell Acapulco
  • Corinne Vella tgħid li Daphne kienet tissuspetta li n-negozju proprju ta’ Keith Schembri kien il-ħasil tal-flus
  • Grazzi għal ommi għalaq Pilatus Bank; naħseb dalwaqt imiss l-istess għal oħrajn – Andrew Caruana Galizia
  • Roadblock tawwal il-ħajja ta’ ommi bi ftit jiem; aħseb u ara x’seta jagħmel livell minimu ta’ protezzjoni – Andrew Caruana Galizia
  • Tlabna informazzjoni bażika mill-Pulizija; qatt ma rrispondewna – Andrew Caruana Galizia
  • ‘Tagħmluli ħajti aktar faċli jekk taċċettaw lill-Imħallef Mizzi’ – il-Ministru Owen Bonnici lill-familja ta’ Daphne
11:42 Tintemm is-seduta tal-lum. Mistennija tkompli fis-7 ta' Jannar fis-2pm. Grazzi talli segwejtuna.
Christoph Schwaiger
11:40 L-avukat Therese Comodini Cachia titlob lill-bord biex jara li jkun hemm traskrizzjoni tax-xhieda online fuq is-sit tal-ecourts minħabba n-numru ta’ mistoqsijiet li l-familja qed tirċievi mill-midja barranija.
Christoph Schwaiger
11:39 L-Imħallef Emeritu Michael Mallia jgħid li fis-seduta li jmiss tas-7 ta’ Jannar fis-2pm se jixhdu l-Ispeaker Anġlu Farrugia u l-eks Kummissarju tal-Pulizija John Rizzo. Għat-tieni seduta ta’ Jannar se jkunu qed jixhdu l-eks Kummissarju Peter Paul Zammit u Michael Cassar.
Christoph Schwaiger
11:37 L-avukat Therese Comodini Cachia tinforma lill-Qorti li ma kienx hemm aktar xhieda llum. Tispjega li l-avukati għandhom bżonn aktar żmien biex jippreparaw id-dossiers.
Christoph Schwaiger
11:31 Vella ssemmi kwistjonijiet oħra li għandhom jiġu analizzati – fosthom il-liġijiet ta’ malafama. Qalet li kien hemm proviżjonijiet partikolari li bħal qishom kienu immirati lejn Daphne.
Vella ssemmi l-użu personali tal-imejl ta’ Muscat.
“Għalfejn kellu juża imejls private biex jippjana ma’ korporazzjoni?” staqsiet Vella b’referenza għall-Henley & Partners.
Vella tkellmet dwar il-ħruq tad-dar u l-ivvelenar tal-klieb ta’ Caruana Galizia. Tgħid li ħadd qatt ma ffaċċja l-ġustizzja għal dawn ir-reati. Tgħid li dan kien sinjal għan-nies li Caruana Galizia kienet "fair target".
Christoph Schwaiger
11:29 Vella rreferiet għal artiklu minn Carauna Galizia (‘Trouble bews at Electrogas power station’) u spjegat li kien hemm attentat biex Caruana Galizia u l-istejjer tagħha jiġu iżolati.
Vella tinnota li l-Panama Papers ġew ippublikati f’April tal-2016, però Caruana Galizia kienet diġà qed tirrapporta dwar l-istrutturi offshore ta’ Mizzi u Schembri.
Tkellmet dwar il-blog ta’ Glenn Bedingfield u qalet li kienu jiġu ppubblikati ritratti ta’ fejn kienet qed tkun il-ġurnalista. Dan kien ifisser li kienet tkun vulnerabbli.
Vella ssemmi għadd ta’ kwistjonijiet li l-bord jaf ikun irid jindaga. Dawn jinkludu każijiet ta’ libell u l-iffriżar tal-kontijiet tagħha.
Vella tkellmet dwar l-allegat żjara li għamel il-Ministru Chris Cardona f’burdell fil-Ġermanja. Vella qalet li Cardona ħa ġurament falz meta xehed li ma kienx hemm.
“Naf li din l-istorja hija vera. Naf, għaliex ħabib tas-sors qalli li kien lest li jiffirma affidavit fuq il-kwistjoni.”
Christoph Schwaiger
11:23 “The Malta Independent u Lovin Malta rċevew l-ittra tagħhom fis-16 ta’ Ottubru 2017. Daphne Caruana Galizia qatt ma rċeviet l-ittra tagħha u qatt ma saret taf biha.”
Christoph Schwaiger
11:22 Vella fakkret kif Pilatus Bank beda jhedded kmamar tal-midja b’każi ta SLAPPs – l-istejjer ta’ Daphne tħallew waħedhom.
Christoph Schwaiger
11:21 Vella tgħid li investigazzjoni minn The Shift News uriet li gruppi ta’ Facebook kienu jintużaw biex jibdew kampanji kkordinati.
“Jekk ma kienetx taffettwa, għalfejn għandu jinħlew daqstant ħin u riżorsi biex tiġi kkritikata anke meta m’għadhiex hawn?”
Vella tgħid li statistiċi juru li meta wieħed jirrapporta dwar korruzzjoni f’pajjiżu, wieħed ikun f’riskju akbar milli kieku qed jirrapporta f’żona ta’ kunflitt.
Vella tgħid li spjegat li meta storja ta’ ġurnalist tinqabad minn midja oħra, dan iżid saff ieħor ta’ protezzjoni. Irreferiet għal meta Daphne Caruana Galizia kitbet dwar Pilatus Bank. L-istorja mbagħad telgħet fuq mezzi tax-xandir oħra u sar aktar diffiċli għal Pilatus Bank biex iwaqqaf lill-ġurnalisti milli jirrapportaw.
Christoph Schwaiger
11:21 Vella tgħid li l-assassinju jitkellem għalih innifsu u li Daphne ma tistax tibqa’ tagħmel xogħolha.
Tkellmet dwar falliment fl-istituzzjonijiet. Tgħid li ma tiftakarx li rat lill-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar fuq ix-xena tad-delitt. Vella kienet hemm għaxar minuti wara l-assassinju. Ma tiftkarx li ratu fil-jiem ta’ wara lanqas.
Vella tgħid li Cutajar għandu jittella’ jixhed. Telenka għadd ta’ mistoqsijiet li għandhom isirulu.
Tgħid li wara l-assassinju, l-qtil ta’ Daphne ġie ppreżentat bħala tebgħa f’sena ta’ success. Vella tgħid li din kienet it-tema rikorrenti fil-messaġġi tal-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca u li anke l-MEP Marlene Mizzi qalet kliem simili.
Christoph Schwaiger
11:17 Vella tgħid li l-Awtorità tax-Xandir kienet f’idejn min kien ikun fil-Gvern. Tispjega li l-pubbliku kien jirċievi l-aħbarijiet tiegħu mit-televiżjoni jew minn dak li jgħidu nies oħra, apparti minn dawk li jirċievu l-aħbarijiet minn sorsi oħra.
“Fl-2013, meta l-PL rebaħ l-elezzjoni, il-kampanja tal-PL kontra Daphne saret il-kampanja tal-Gvern. Persuni ewlenin fil-PL tpoġġew f’karigi tal-Gvern wara l-2013.
Tgħid li Joseph Muscat ma tax intervista sura mill-2017. Semmiet żewġ risposti li rċevew ġurnalisti barranin meta staqsew lill-OPM għal intervista ma’ Muscat.
Vella ssemmi għadd ta’ nies li għandhom jissejħu biex jixhdu fl-inkjesta inkluż Neville Gafa, Josef Caruana, u Kurt Farrugia.
Christoph Schwaiger
11:16 Vella xehdet dwar il-fastidju tal-ġurnalisti – bdiet issemmi bl-iskreditar tagħhom. Saħqet li dawn is-sinjali għandhom iwasslu għall-mekkaniżmi ta’ protezzjoni.
Spjegat kif oħtha kienet vilifikata u suġġett ta’ rapporti numerużi mill-midja tal-Partit Laburista. Kompliet tispjega kif il-blogg ta’ Bedingfield kien preżentat bħala qarrieqi. Fakkret li Bedingfield, li llum huwa MP, dakinhar kien impjegat fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Tat dettalji dwar kif ix-xogħol ta’ oħtha kien skreditat. “Kienet deskritta bħala fornitur tal-qlajjiet. Tant din il-kampanja kontriha nfirxet, li anke dawk li qatt ma qraw xejn tagħha, kienu ċċelebraw mewtha”.
Irreferiet għall-programm Tana fuq ONE, ippreżentat minn Glenn Bedingfield u Luke Dalli [iben tal-Eks Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli] li nkluda parti dwar “saħħara fil-Bidnija b’referenza ċara għal Daphne”. Vella spjegat li “s-saħħara” kienet ippreżentata bħala persuna bla isem u propagandista tal-Partit tal-Oppożizzjoni.
Vella semmiet kif l-eks Chief of Staff Keith Schembri bblokkja lil Daphne fuq il-mowbajl tiegħu. “Dan ma kienx sempliċiment individwu li bblokkja lil Daphne, imma dan kien l-Uffiċċju tal-Prim Ministru jibblokkja ġurnalista”.
Christoph Schwaiger
11:03 Corinne Vella tirreferi għall-intervisti li ta l-PM Joseph muscat wara l-assassinju. Tispjega li filwaqt li Msucat qal “no stone unturned” l-inkjesta pubblika ttardjat b’sentejn. Żiedet tgħid li tpoġġiet informazzjoni falza biex il-ġurnalisti jitfixklu.
Vella titkellem dwar it-traffikar tal-fuel. Vella tgħid li l-ġurnalista li investigat it-traffikar kienet Ann Marlowe u li għadha ħajja.

“Fl-assenza ta’ konsegwenzi għan-nies li ssemmew fir-rapporti tagħha, inkluż nies fl-eżekuttiv, dan kien ifisser impunità totali.”

“Kienet ġurnalista li kienet tikteb dwar il-politika u sabet il-korruzzjoni b’kumbinazzjoni. Ma tistgħux terġgħu ġġibuha lura imma tistgħu taraw li ħadd aktar ma’ jinqatel.”
Christoph Schwaiger
11:03 “Ħafna nies staqsewni ‘kif ma kinitx tibża’ tinvestiga l-kriminalità organizzata?’” qalet Corinne Vella. Hija qalet ukoll li oħtha kienet qed tikteb dwar il-politika f’Malta, u mbagħad kixfet korruzzjoni li wasslet għal kriminalità organizzata li kienet ta’ natura transnazzjonali.

Spjegat li oħtha kienet issegwi stejjer separatament u individwalment, però kienet qed tlaqqa’ l-istampa kollha.

‘Qed nibda nissuspetta li n-negozju proprju ta’ Keith Schembri’s kien fil-fatt il-ħasil tal-flus,’ Corinne Vella qalet hekk kif ftakret f’dak li qaltilha oħtha meta Caruana Galizia kienet bdiet tinvestiga lil Schembri.
Christoph Schwaiger
11:00 Telgħet tixhed oħt Daphne, Corinne Vella. Vella qalet lill-Qorti li issa qed joħroġ fid-deher li l-assassinju tagħha kien marbut ma’ xogħolha. Fakkret fid-diversi teoriji li bdew joħorġu ftit wara li nqatlet.

Spjegat li l-bord għandu jinvestiga l-elezzjoni bikrija, meta ntgħażlet id-data u r-raġunijiet għaliex saret fl-2017.
Vella qalet li minn dak li kien disponibbli pubblikament – il-kitba ta’ Daphne xekklet l-iskema ta’ korruzzjoni.

Dwar l-elezzjoni bikrija, Vella rreferiet għas-sinjali ċari li juru li l-elezzjoni ġenerali kienet wara l-bieb. Żiedet tgħid li d-domain ġie rreġistrat fil-bidu ta’ April, qabel ma’ Daphne ppubblikat l-istorja tagħha dwar Egrant. “Naf dan għax għandi messaġġ fuq il-mowbajl mingħandha”, żiedet tgħid Corinne.
Christoph Schwaiger
10:57 Fi tweġiba għall-mistoqsija tal-Imħallef Abigail Lofaro, Andrew spjega li ommu bdiet minn opinjonista għall-ġurnalista investigattiva.

“L-aħħar appoġġ istituzzjonali kien il-Partit Nazzjonalista”, stqarr Andrew. Madanakollu, żied jgħid, tilfett is-sapport tagħhom wara l-elezzjoni bikrija tal-2017 meta ngħatat it-tort għat-telfa, filwaqt li xogħolha kien mormi. Jiftakar jgħidilha li din kienet opportunità biex tagħmel dak li tħobb tagħmel f’ħajjitha. Andrew Caruana Galizia qal li hi investigat ukoll meta rċeviet informazzjoni dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni.

Andrew semma individwu li kien parti mill-armata li tagħmel sorveljanza meta ma jkunx xogħol, meta ma kienx hemm protezzjoni istituzzjonali għal ommu.
Christoph Schwaiger
10:57 “L-elezzjoni tal-2017 immarkat livell ġdid għall-isforzi tal-Gvern biex tissikket ommi. Ir-rebħa sussegwenti tal-PL ġiet deskritta bħala referendum fuq ommi u fuq ix-xogħol tagħha. Wara li ħarġu fatti reċenti, rapport tal-aħbarijiet deskrivieta bħala referendum fuq il-ħajja tagħha. Ħarġet rabta bejn ir-riżultat tal-elezzjoni u l-qtil ta’ ommi u f’ħabta u sabta twaqqfet id-diplomatic posting tiegħu f’New Delhi.”
Christoph Schwaiger
10:54 Andrew Caruana Galizia tkellem dwar il-libelli li fetħu kontra ommu u l-iffriżar tal-kontijiet tagħha mill-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
Christoph Schwaiger
10:53 Caruana Galizia jgħid li r-rappurtaġġ ta’ ommu għamel ħsara lill-Electrogas, l-iskema tal-passaporti, lill-Vitals Global Healthcare, l-Università Amerikana ta’ Malta (AUM), u Pilatus Bank. Jgħid li wieħed minnhom diġà kellu jgħalaq u t-tlieta l-oħra aktarx dalwaqt jgħamlu l-istess. Egrant, Hearnville, Tillgate, u 17 Black ukoll ingħalqu wara r-rappurtaġġ tagħha.
Christoph Schwaiger
10:51 “Dan it-theddid immarka l-istat ta’ eskalazzjoni fl-isforzi tal-gvern biex isikktu lil ommi wara r-rappurtaġġ tagħha tal-Panama Papers. Minn inkonvenjent kontinwu saret theddida għall-iskemi tal-korruzzjoni tal-Gvern.
Christoph Schwaiger
10:50 Andrew Caruana Galizia rrefera għax-xhieda ta’ Theuma. Jgħid li għad jasal iż-żmien li jinstemgħu r-recordings li għamel u li jinstemgħu l-interrogazzjonijiet ta’ Fenech. Iżid jgħid li l-involviment potenzjali tal-istat fl-assassinju inkluż attentati biex jiġu protetti s-suspettati milli jaffaċċjaw il-ġustijza qed jidher aktar ċar.
Christoph Schwaiger
10:47 “Dawn kienu saffi ta’ kriminalità mhux investigati li rewħu l-impunità li wasslet lin-nies b’raġuni għalfejn għandhom joqtlu lil ommi biex jaħsbu li setgħu jiżgiċċaw u jsibu n-nies li kienu lesti jgħamluh mal-ewwel darba li staqsewhom”
Christoph Schwaiger
10:43 Andrew Caruana Galizia: Minkejja s-saff kontra saff ta’ evidenza ta’ kriminalità mifruxa f’diversi livelli u dipartimenti tal-gvern u l-qasma bejn l-attività kriminali u l-kriminalità organizzata, ma nista’ naħseb fl-ebda pjan wieħed li hu wieħed ta’ kriminalità organizzata mill-aktar livell baxx ta’ kriminalità vjolenti sa kriminalità finanzjarja u korruzzjoni li ġiet investigata b’mod effettiv u li waslet għal konklużjoni sodisfaċenti, ħlief għal tliet każijiet ta’ korruzzjoni fil-ġudikatura xi sitt u għaxar snin ilu.
Christoph Schwaiger
10:40 Andrew Caruana Galizia jinnota li kieku ma kienx għall-qtil ta’ ommu ma kienx ikollu raġuni għalfejn jemmen li dawk l-individwi akkużati bil-qtil tagħha kienu qatt se jaffaċċjaw il-ġustizzja għar-reati li kienu wettqu qabel.
Christoph Schwaiger
10:37 Andrew Caruana Galizia: L-irwol tal-Gvern fl-assassinju jfisser li l-familja tiegħi u jien ta’ spiss niġu akkużati li qegħdin motivati b’sens ta’ tpattija kontra l-Partit Laburista minflok sens ta’ ġustizzja għal ommi. Dan huwa skorrett imma wieħed forsi jista’ jifhem din l-akkuża.

Dan wieħed jista’ jifhmu għax, kif nifhem li l-inkjesta wkoll se ssib, hemm similaritajiet bejn in-nies li għandhom rwol prinċipali fl-amministrazzjoni preżenti u bejn dawk li kellhom rwol fil-korruzzjoni li ommi kienet żvelat u fl-assassinju tagħha, kif ukoll rwoli f’attentati biex tiġi mxekkla l-investigazzjoni u biex jiġu imminati attentati biex tiġu stabbilita inkjesta pubblika dwar il-qtil, u biex jiġu attakkati attivisti li jfakkru l-memorja tagħha.
Christoph Schwaiger
10:31 Andrew Caruana Galizia jgħid li l-kundizzjonijiet li wasslu għall-qtil ma bdewx minn xi kriżi barra mill-kontroll tal-gvern bħal xi diżastru naturali jew kriżi ekonomika. Jgħid li l-Gvern irid jipprevjeni l-kriminalità u l-impunità. Jgħid li l-Gvern ippromwova l-kundizzjonijiet biex tkun possibli l-kriminalità finanzjarja u vjolenti u l-kundizzjonijiet biex ikun possibbli l-qtil ta’ ommu. Jgħid li skont xhieda fil-Qorti kien hemm mill-inqas uffiċjal wieħed tal-Gvern li pprova jfixkel li ssir il-ġustizzja sħiħa wara l-assassinju.
Christoph Schwaiger
10:27 Jgħid li huwa kruċjali li jiġu stabbiliti l-kundizzjonijiet li wasslu għall-qtil u biex wieħed jitgħallem minnhom. Jgħid li jaħseb li dawn il-kundizzjonijiet huma pjaċiri għall-ħbieb tal-ħbieb u l-korruzzjoni, rabta bejn il-gvern u l-kriminalità organizzata li twassal għal istituzzjonijiet ineffettivi u li tifjorixxi minn midja indipendenti dgħajfa u livell baxx ta’ attiviżmu miċ-ċittadini.
Christoph Schwaiger
10:24 Andrew Caruana Galizia jgħid li wieħed seta’ jbassar li kienet se tinqatel ommu u li allura l-qtil seta’ jiġi evitat.
Christoph Schwaiger
10:21 Andrew Caruana Galizia jgħid li jemmen li l-inkjesta għandha tinvestiga x’protocols għandha l-Pulizija biex din tanalizza r-riskji li jaffaċċjaw il-ġurnalisti u l-livell ta’ rispons li jkun hemm bżonn għal kull livell ta’ riskju.

Jgħid li jekk m’hemmx dawn il-protocols, l-inkjesta għandha tisma’ x-xhieda tal-Kummissarju tal-Pulizija ta’ bħalissa u ta’ ħamsa qablu biex jiġi determinat kif it-theddid li kienet qed tafaċċja Daphne Caruana Galizia kien jiġi analizzat u għalfejn il-livell ta’ protezzjoni waqa’ fl-2013 hekk kif ir-riskji żdiedu.
Christoph Schwaiger
10:18 Andrew Caruana Galizia: Ir-roadblock tawwal il-ħajja ta’ ommi bi ftit jiem. Immaġina x’seta’ jagħmel livell minimum ta’ protezzjoni mill-Pulizija, kif kien provdut qabel Marzu tal-2013 meta r-riskji kienu ferm aktar baxxi biex tiġi estiża l-ħajja ta’ ommi.
Christoph Schwaiger
10:16 Andrew Caruana Galizia jgħid lill-Qorti li mix-xhieda ta’ Theuma joħroġ li l-preżenza tal-Pulizija fil-viċinanza ta’ persuna f’risku kellha effett ta’ deterrent. Theuma kien qal li l-assassinju ġie pospost minħabba li t-tliet persuni akkużati li skattaw il-bomba kienu sabu roadblock tal-Pulizija qrib id-dar tal-ġurnalista u daru lura.
Christoph Schwaiger
10:12 Andrew Caruana Galizia: Nemmen li l-Pulizija ma setgħetx twieġeb l-ittra tagħna għax ma kelliex l-informazzjoni bażika li tlabna u li ma sarx process formali biex jiġu analizzati r-riskji li konna qed naffaċċjaw. Dan huwa veru b’rabta ma’ ommi u għadu veru għal ġurnalisti li jinsabu f’riskju. Nifhem li l-Pulizija m’għandhiex protocols biex janalizzaw ir-riskji li qed jaffaċċjaw il-ġurnalisti u l-miżuri li jridu jittieħdu biex jiġu evitati.
Christoph Schwaiger
10:10 Bl-għajnuna tal-esperti, il-familja bgħatet ittra lill-Kummissarju tal-Pulizija. Staqsew għal informazzjoni bażika tar-riskji li kienet qed taffaċċja l-familja u l-miżuri li kienu se jieħdu l-pulizija. Caruana Galizia jgħid li l-familja qatt ma rċeviet risposta. Però żied jgħid li rċevew telefonata mill-Kummissarju. “Taf li għandkhom fixed point, hux hekk?” staqsa l-Kummissarju. Dan offra laqgħa imma l-familja riedet risposta li qatt ma waslet.
Christoph Schwaiger
10:09 Andrew Caruana Galizia jispjega li wara l-assassinju l-familja talbet għall-pariri mingħand esperti tas-sigurtà li jipprovdu pariri għall-ġurnalisti li jinsabu f’riskju.
Christoph Schwaiger
10:05 Andrew Caruana Galizia: Il-protezzjoni mill-Pulizija hija essenzjali biex jiġu indirizzati riskji short-term li jaffaċċjaw il-ġurnalisti u tibgħat messaġġ b’saħħu lil dawk li qed jattakkaw lil dak il-ġurnalist li dan ikun qisu qed jattakkaw l-istat, bil-konsegwenzi kollha li dan iġib miegħu għall-ħatja.
Christoph Schwaiger
10:03 Andrew Caruana Galizia jispjega li l-protezzjoni mill-Pulizija għandha tkun miżura short-term. Jgħid li filwaqt tista’ tkun għodda b’saħħitha biex tiġi protetta l-ħajja, mhix soluzzjoni għat-tul.
Christoph Schwaiger
10:01 Jibda jixhed Andrew Caruana Galizia. Jgħid li dawk in-nies li ppjanaw li joqtlu lil ommu riedu jużawha bħala eżempju. Spjega li jittama li l-inkjesta tgħin lil Malta biex tgħaddi minn triq differenti.
Christoph Schwaiger
09:59 Il-laqgħa saret ġurnata wara t-tieni anniversarju mill-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia. Paul Caruana Galizia li jiftakar li Bonnici qal lill-familja li jekk jaċċettaw lill-Imħallef Antonio Mizzi jkunu qed jagħmlulu ħajtu aktar faċli. Dan il-kliem intqal quddiem l-avukata tal-familja Therese Comodini Cachia.
Christoph Schwaiger
09:56 Caruana Galizia jirreferi għal-laqgħa bejn il-familja u l-Gvern dwar it-twaqqif tal-inkjesta pubblika. Jiftakar li l-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici ssuġġerixxa mudell ta’ arbitraġġ. Paul Caruana Galizia xebbaħ dan ma xi ħaġa li kellha tkun il-Partit Laburista kontra l-Partit Nazzjonalista.
Christoph Schwaiger
09:54 Caruana Galizia jirreferi għall-korrispondenza bejn l-AĠ u l-familja. Jgħid li Grech kien patronizzanti. Xi drabi ssuġġerixxa li kienu qed jigdbu lill-avukati tagħhom.
Christoph Schwaiger
09:52 Tkellem dwar l-Avukat Ġenerali Peter Grech. “Grech jaf x’jgħidu r-rapporti tal-FIAU,” qal Caruana Galizia. Spjega li Grech huwa parti mill-bord tal-FIAU u allura jkun jaf id-dettalji tar-rapport imma li ma fetħax investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus.
Christoph Schwaiger
09:50 Caruana Galizia jgħid li l-Ministru għall-Intern Michael Farrugia kien qal li hemm biss persuna waħda li ggradwat fl-accounts fit-taqsima tar-Reati Ekonomiċi fil-Pulizija.
Christoph Schwaiger
09:47 Caruana Galizia jgħid li l-Pulizija naqset milli tinvestiga lill-aħwa Degiorgio qabel l-assassinju. Iddeskrivihom bħala ‘qattiela prolifiċi’. Irrefera għax-xhieda ta’ Theuma li qal li Fenech staqsieh jekk kienx jaf lil “George iċ-Ċiniż”.
Christoph Schwaiger
09:45 Caruana Galizia: L-eks Kummissarju Michael Cassar irrifjuta li jinvestiga r-rapporti tal-FIAU
Christoph Schwaiger
09:43 Paul Caruana Galizia jgħid li l-aħjar mod li bih tista’ tiġi protetta ġurnalista investigattiva huwa billi wieħed ikompli fuq ix-xogħol tagħha. Spjega li fil-fehma tiegħu l-Pulizija falliet għax ma fetħitx investigazzjoni fil-kumpaniji fil-Panama, Qal li dan kien sinjal lill-dawk li kienet qed tikteb dwarhom li hi setgħet tkun fil-mira tagħhom.
Christoph Schwaiger
09:40 Paul Caruana Galizia jitkellem dwar il-Korp tal-Pulizija. Jgħid li waħda mill-affarijiet li kienet qed tħasseb lill-bord kienet il-kwistjoni tal-protezzjoni mill-Pulizija. Irrefera għad-drabi meta kellhom għassa fissa (fixed point) u meta kien hemm attakk ta’ ħruq fuq id-dar tagħhom fost affarijiet oħra.
Christoph Schwaiger
09:37 Paul Caruana Galizia jirreferi għax-xhieda ta’ Theuma li xehed dwar il-wegħda li saret għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet persuni akkużati li skattaw il-bomba. It-“22” li ssemma’ kien jirreferi għat-22 ta’ Lulju 2019 meta kellha tinstema’ l-kawża dwar il-ħelsien mill-arrest quddiem l-Imħallef Giovanni Grixti. Is-smigħ qatt ma sar għax ħareġ l-att ta’ akkuża.
Christoph Schwaiger
09:35 Paul Caruana Galizia jgħid li hu u ħutu ġew akkużati li kienu qed jippruvaw ifixklu l-investigazzjoni fl-omiċidju. Tkellem dwar l-attentati li saru biex jeħel Matthew Caruana Galizia talli pparkja l-karozza fuq barra tad-drive-in biex ikun eħfef għall-qattiela.
Christoph Schwaiger
09:32 Paul Caruana Galizia jgħid li sar cover-up sottili. Jgħid li l-blog ta’ Glenn Beddingfield tneħħa imma li xorta kien għadu fuq l-internet. Kien hemm 597 blog posts li kellhom “Daphne” fit-titlu tagħhom filwaqt li 402 kellhom “Caruana Galizia” fit-titlu.
Christoph Schwaiger
09:30 Caruana Galizia mbagħad elenka l-ġrajjiet li ġraw wara li Theuma xehed dwar ix-xogħol fittizju tiegħu.
Christoph Schwaiger
09:29 Jgħid li x-xogħol fantażma li ngħata Melvin Theuma kien sinjal li se jkun protett mill-OPM.
Christoph Schwaiger
09:27 Paul Caruana Galizia spjega li meta l-mowbajl ta’ ommu nqered kompletament fil-karozza bomba, l-esperti forensiċi xorta setgħu jagħmlu kopja tal-mowbajl li kien jinkludi wkoll il-WhatsApp. Żied jgħid li allura għandhom ikunu jistgħu jagħmlu l-istess għal persuni li huwa suspettat lil qatel lil xi ħadd.
Christoph Schwaiger
09:25 Paul Caruana Galizia tkellem dwar it-traffikanti tal-fuel. Qal li ommu semmiethom biss fuq fuq. Qal li Schembri pprova jgħati x’jifhem li Daphne Caruana Galizia inqatlet minnhom meta kien jaf id-dettalji kollha tal-investigazzjoni. Paul Caruana Galizia jgħid li ma kienx biss Keith Schembri li għamel hekk imma anke l-eks Kap tal-Komunikazzjoni ta’ Joseph Muscat, Kurt Farrugia, fost oħrajn.
Christoph Schwaiger
09:23 Caruana Galizia jgħid li ma kienx biss Fenech li kien jaf bl-arrest imminenti tiegħu imma anke Ivan Camilleri, Frank Psaila, iz-ziju ta’ Fenech Ray Fenech, u Johann Cremona.
Christoph Schwaiger
09:21 Paul Caruana Galizia: Ma nafux jekk Schembri attendiex il-laqgħat mas-servizzi sigrieti bl-istess mod li għamel mal-Pulizija
Christoph Schwaiger
09:20 Paul Caruana Galizia jsemmi l-ħbiberija li kien hemm bejn Schembri u Fenech. Uża kliem Fenech li kienu ‘ħbieb minn meta kienu tfal’. Qal li l-PM għandu jispjega għalfejn ħass li kellu jieħu lil Schembri għal-laqgħat mal-Pulizija f’Kastilja meta kien jaf li t-tnejn kienu ħbieb ta’ xulxin.
Christoph Schwaiger
09:18 Paul Caruana Galizia jirreferi għax-xhieda ta’ Fenech fil-każ kostituzzjonali li fetaħ biex ineħħi lill-investigatur ewlieni Keith Arnaud, fejn qal lill-Qorti li Schembri beda jinformah ġimgħa wara l-assassinju.
Christoph Schwaiger
09:17 Irrefera għal telefonata li kienet tapped fejn Theuma tkellem dwar xi ‘tradiment’. Spjega li Fenech uża app encrypted u kien ta struzzjonijiet lil Theuma biex dan iċempillu minn linja normali. Jidher li dan it-tradiment kien qed jirreferi għal meta Theuma ma tħalliex iħaddem it-tieni taxi tiegħu minn ħdejn il-Hilton. Osserva li Fenech allura kellu għarfien dettaljat dwar l-investigazzjoni.
Christoph Schwaiger
09:10 Jirreferi għall-interrogazzjoni tas-suspettat Yorgen Fenech li semma' lil Keith Schembri kif ukoll noti li għaddihom it-tabib tagħhom Adrian Vella. Caruana Galizia tkellem dwar in-noti u qal li ma kenux biss dwar l-involviment ta’ Schembri fl-assassinju imma anke li qed jipprova jgħattih. Caruana Galizia jgħid li n-nota tiddeskrivi pjan dettaljat dwar kif tista’ tiġi skreditata x-xhieda tas-sensar Melvin Theuma.
Christoph Schwaiger
09:07 Paul Caruana Galizia jgħid lill-bord li llum se jkun qed jixhed dwar informazzjoni li ġiet żvelata reċentament. Jgħid li hemm evidenza li turi li l-Uffiċċju tal-PM qed jintuża biex jgħatti attività marbuta mal-assassinju ta’ ommu.
Christoph Schwaiger
09:02 Il-bord tal-inkjesta jidħol fl-awla. Jibda jixhed Paul Caruana Galizia.
Christoph Schwaiger

X’ħareġ l-aħħar mill-Qorti?

  • Rose Vella, omm Daphne, qalet li rat lil bintha għall-aħħar darba 40 siegħa qabel inqatlet brutalment.
  • Michael Vella, missier Daphne, jgħid li kieku l-awtoritajiet għamlu xogħolhom kieku Daphne għadha ħajja.
  • “Kienu jgħiduli biex inħaffer ħofra ħdejn il-qabar tagħha u mmut ħdejha” – Megan Mallia, waħda min-neputijiet ta’ Daphne.
  • Xehed ukoll persuna fil-midja. L-isem ma ġiex imxandar peress li x-xhieda nstemgħet fil-magħluq.

Daphne Caruana Galizia ġiet assassinata fis-16 ta’ Ottubru 2017, b’bomba fil-karozza li kienet qed issuq, ftit metri ‘l bogħod mid-dar fil-Bidnija.