Read in English.
Sandro Chetcuti, il-Kap tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi f’Malta, u l-eks Aġent Kummissarju tal-Pulizija Ray Zammit huma mistennija jixhdu waqt is-smigħ tal-lum tal-inkjesta pubblika fuq l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.
X’ħareġ mis-seduta tal-lum?
- Ray Zammit, Aġent Kummissarju bejn Lulju u Diċembru tal-2014 qal li ma kienx hemm talba mill-Pulizija tad-Distrett biex ikun hemm għassa fissa ma’ dar il-ġurnalista.
- “Għadni sal-lum ma nafx għaliex għamluni Aġent Kummissarju,” qal Ray Zammit.
- Sandro Chetcuti, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi qal li “Muscat, li kien Kap tal-Oppożizzjoni dak iż-żmien, bagħat għalija”. “Kont inkun fit-tielet sular.” Iddeskriva xogħlu bħala “faċilitatur” – kien ilaqqa’ lil Muscat man-negozjanti.
- Ċaħad li qal Anġlu Farrugia: “Qatt ma mort hemm, qatt ma kelli aċċess għar-raba’ sular”.
- Chetcuti qal li Yorgen Fenech u l-qraba tiegħu ma kinux preżenti f’dawn il-laqgħat.
- Ladarba laħaq President tal-MDA, ħa pass lura mill-“politika partiġġjana”.
- Chetcuti qal li fir-raba’ sular hemm boardroom u uffiċini li jservu ta’ uffiċċji.
- “Bħala negozjant fuq skala żgħira, dejjem tajt l-istess ammonti liż-żewġ partiti,” spjega Chetcuti hu u jiftaħ envelopp bl-irċevuti ta’ dawn id-donazzjonijiet.
- Qal li għandu relazzjoni ta’ xogħol tajba ma’ Konrad Mizzi u ddeskrivieh bħala ħabib.
- Qal li kien sorpriż li Anġlu Farrugia semma lilu biss.
Minuta b’minuta…
Is-sessjoni pubblika li jmiss se tkun it-Tnejn 20 ta' Jannar fis-2.30pm, u oħra l-Erbgħa 22 ta' Jannar fis-2pm.
Żied jgħid li partiti, każini, organizzazzjonijiet tal-karità, kontinwament jistaqsu għad-donazzjonijiet. Ħafna drabi nirrealizzaw li rridu nagħtu donazzjoni għax inkella l-affarijiet ma jimxux 'il quddiem, spjega Chetcuti. "Jimxi 'l quddiem" spjega Chetcuti hija referenza għall-ħidma ta' dik l-attività.
Sostna li dejjem ta l-istess ammonti ta' donazzjonijiet liż-żewġ partiti.
Hu u jitkellem fuq qabel l-2013, Chetcuti qal li kien imweġġa' mill-Partit Nazzjonalista fuq inċident personali. Madankollu, l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil kien ħadem biex jitranġaw l-affarijiet, "kważi għamel apoloġija pubblika," skont Chetcuti.
Semma wkoll kumment minn uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista li qallu biex "jiddiversifika n-negozju għax m'hemmx iżjed spazju għall-industrija tal-kostruzzjoni."
Fi tweġiba lill-Imħallef Abigail Lofaro, Chetcuti qal li qatt ma kellu diskussjoni fuq il-power station.
Semma li d-diskussjoni kienet l-iżjed fuq is-settur tal-lukandi. L-MDA kienet proponiet estensjoni fl-għoli tal-lukandi eżistenti, li mbagħad ġiet approvata.
Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino qal li l-policy donnha li kienet biex isiru laqgħat ma' ishma tas-suq differenti u li jaraw il-policies tagħhom… Chetcuti qal li ma kienx hemm impenn min-naħa ta' Muscat.
"Konna nkwetati meta l-ġid pubbliku ġie stmat inqas milli jixraqlu. Argumentajt ma' Muscat fuq hekk," qal Chetcuti.
Said Pullicino staqsa jekk kienx hemm sitwazzjoni ta' "naqdik jekk taqdini int."
Chetcuti qal li hu dejjem ikkundanna l-imġiba, mhux il-persuna. "Dan tgħallimtu San Alwiġi!"
Qal li għandu relazzjoni ta' xogħol tajba ma' Mizzi.
"Dak il-mod tiegħi kif nilqa' persuna meta naraha – fosi nesaġera, ngħannaqhom u nagħfashom miegħi," spjega. Iddeskriva lil Mizzi bħala "ħabib."
Chetcuti wieġeb li kien jaf b'dan.
"Bħala negozjant fuq skala żgħira, dejjem tajt l-istess ammonti liż-żewġ partiti," spjega Chetcuti hu u jiftaħ envelopp bl-irċevuti ta' dawn id-donazzjonijiet.
Azzopardi staqsieh kienx jaf b'donazzjoni ta' €1 miljun. Chetcuti wieġeb li ma kienx jaf.
Azzopardi staqsieh jafx li l-SMEs ingħataw kuntratt ta' €250,000 u ngħataw struzzjonijiet biex jagħtu 15% minnhom lill-Partit Laburista. Chetcuti wieġeb fin-negattiv.
"Xi kultant kien ikun hemm," qal Chetcuti. Żied jgħid li kien jintroduċi l-intrapriżi medji lill-Kap tal-Oppożizzjoni.
L-Avukat Jason Azzopardi fakkar lil Chetcuti li jekk irid, jista' jwieġeb fil-privat.
Chetcuti qal li jiftakar sitwazzjonijiet meta n-negozjanti kienu jingħataw appuntament ġdid biex imorru jkellmu lil James Piscopo. Żied li xi drabi kienu jieħdu xi noti f'dawn il-laqgħat, imma ma setax jgħid meta jispiċċaw dawn in-noti peress li hu kien jitlaq man-negozjanti.
Chetcuti qal li fir-raba' sular hemm boardroom u uffiċini li jservu ta' uffiċċji. Tenna li mar hemm biss wara l-elezzjoni.
"Kont qed nagħti l-kontribut tiegħi biex tikber l-ekonomija u biex l-ekonomija tal-kostruzzjoni tingħata l-attenzjoni li jistħoqqilha."
Ladarba laħaq President tal-MDA, ħa pass lura mill-"politika partiġġjana," spjega Chetcuti. Qal li kien jipprova jirranġa mal-Kap tal-Oppożizzjoni ta' dak iż-żmien, Simon Busuttil.
Stqarr li lil Muscat introduċieh man-negozjanti f'postijiet bħall-Girgenti wara li laħaq Prim Ministru.
Lill-Grupp db, lil Marco Gaffarena u lin-nies tal-Grupp Tumas jafhom, iżda ma kienx hu li introduċiehom lil Joseph Muscat, sostna Chetcuti.
Qal li sid il-Polidano Group organizza ikla d-dar tiegħu li hu kien mistieden għaliha, iżda din kienet inizjattiva ta' Polidano stess.
Chetcuti qal li Yorgen Fenech u l-qraba tiegħu ma kinux preżenti f'dawn il-laqgħat. Stqarr li sar jaf lil Keith Schembri meta laħaq Chief of Staff, u qabel ma kienx jafu.
"Iltqajt ma' Muscat u għidtlu fuq id-diffikultajiet li kienet qed taffaċċja l-komunità tan-negozju," qal Chetcuti lill-Bord. Qal li dawn kienu jitkellmu fuq il-policies ma' Joseph Muscat. Il-Bord ipprova jagħfsu biex jara jekk in-negozjanti kinux jiftħu qalbhom ma' Muscat. Chetcuti qal li hemm imnejn, imma kienu jitkellmu żgur fuq il-policies.
Irrakkonta li Muscat kien laqa' l-idea tal-iskema tal-first time buyers.
Sandro Chetcuti qal li mar fir-raba' sular f'jum l-elezzjoni u ma jiftakarx li mar hemm xi darb'oħra.
"Muscat, li kien Kap tal-Oppożizzjoni dak iż-żmien, bagħat għalija," spjega Chetcuti. "Kont inkun fit-tielet sular." Iddeskriva xogħlu bħala "faċilitatur."
Il-Kap Imħallef Emeritu Said Pullicino staqsieh direttament jekk kellux laqgħat fir-raba' sular qabel l-elezzjoni tal-2013.
"Qatt ma mort hemm, qatt ma kelli aċċess għar-raba' sular," insista Chetcuti.
Iċ-Chairman tal-Bord tal-Inkjesta rreferieh għat-testimonjanza li ta l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia.
Chetcuti qal li meta sema' xi ntqal il-qorti, mar għand in-nutar Sam Abela u għamel dikjarazzjoni ġuramentata li ma kellux uffiċċju fil-Kwartieri tal-Partit Laburista fir-raba' sular jew fl-ebda sular ieħor.
Qal ukoll li qatt ma rċieva informazzjoni dwar Caruana Galizia mis-Servizz tas-Sigurtà. Spjega li xi drabi kien jirċievi informazzjoni mis-Servizz tas-Sigurtà, imma saħaq li qatt ma kien jgħaddi din l-informazzjoni lill-OPM jew lil xi ħadd ieħor.
"Qatt ma rriżenjajt mill-Pulizija," qal Zammit. Spjega li mar lura għall-kariga preċedenti tiegħu sa Mejju tal-2015, imbagħad kompla jaħdem mas-CCF.
Temm is-servizz tiegħu fil-Korp.
Zammit qal li jiftakru jitkellem mal-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici meta sar jaf fuq il-possibbiltà li titwaqqaf LESA. Imbagħad kien reġa' kellmu u issa hu impjegat mal-LESA.
Azzopardi staqsa lil Zammit dwar l-inċident ta' sparatura li wassal għar-riżenja tiegħu.
Beda billi staqsieh min kien Ministru għall-Intern dak iż-żmien, u Zammit wieġbu li kien Manuel Mallia, li jiġi minnu min-naħa ta' missieru.
Zammit jiftakru jgħid lil Peter Paul Zammit li dan ma kienx l-aħjar żmien biex jirreżenja.
Fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru ġie offrut il-kariga, u kien qal lill-Prim Ministru Joseph Muscat li la kien ħalef li jaqdi dmiru, kien se jservi kif jixraq.
"Għadni sal-lum ma nafx għaliex għamluni Aġent Kummissarju," qal Zammit lill-Bord tal-Inkjesta.
Qal li qatt ma rċieva talba ta' din ix-xorta, la mingħand il-Pulizija tad-Distrett u lanqas mingħand il-qraba tal-vittma.
L-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu jekk l-għassa li kienet issir minn żmien għal żmien kinitx reġistrata. Zammit spjega li din l-informazzjoni tinstab fid-dettalji tal-għassa tad-distrett.
Qal li qabel ma ġie appuntat Aġent Kummissarju, il-ġurnalista Caruana Galizia kellha għassa fissa. Qal li jiftakar lill-eks Kummissarju John Rizzo jgħidlu li l-għassa fissa mhix se tibqa' ssir. Kien mar id-dar tagħha u qalilha wiċċ imb wiċċ b'dan. Zammit jgħid li dan kien xi 10 snin ilu.
Spjega li l-karti b'dawn id-dettalji jistgħu jinstabu fl-għassa tal-Mosta.
Qal lill-Bord tal-Inkjesta li kienu jagħmlu l-għassa ħdejn ir-residenza tal-ġurnalista ta' sikwit imma ma kienx hemm għassa fissa barra darha.
F’seduta minnhom, l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia qal li Chetcuti sikwit kien ikun fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun qabel l-elezzjoni ġenerali tal-2017. Chetcuti ċaħad dan.
X’ħareġ mill-aħħar seduta?
- L-eks Kummissarju Peter Paul Zammit qal li kien hemm għassa kontinwa għal xi ħamest ijiem tul l-elezzjoni tal-2017. Imbagħad kien hemm għassa frekwenti.
- Zammit jgħid li Franco Debono kellu għassa fissa mad-dar tul l-elezzjoni, iżda din “bdiet qabel l-2013 sew”, u għadha hemm sal-lum. Kien jitqies f’iżjed riskju mill-ġurnalista.
- “Ma tajtx ordni biex ineħħu l-għassa minn mad-dar ta’ Daphne” – l-eks Kummissarju Zammit.
- Zammit qal li ma sabx biżżejjed evidenza biex jieħu passi kontra John Dalli.
- Qal li l-investigazzjoni tal-OLAF fuq Dalli kellha nuqqasijiet anke fil-ġbir tal-evidenza.
- L-eks Kummissarju Michael Cassar spjega li għaddietlu minn moħħu biex ikun hemm għassa fissa mad-dar ta’ Caruana Galizia.
- Dwar ir-rapport tal-FIAU fuq Schembri u Tonna, qal li fetaħ każ jismu Operation Green, fit-8 t’April tal-2016.
- Cassar ta testimonjanza ta’ tliet kwarti mingħajr il-preżenza tal-midja u l-pubbliku.
Fl-aħħar seduta xehdu żewġ eks Kummissarji tal-Pulizija: Peter Paul Zammit, li serva bħala Kummissarju fil-perjodu bejn April tal-2013 u l-2014, u Michael Cassar, li għamel Kummissarju bejn l-2014 u l-2016.
Meta Cassar kien se jitkellem dwar ir-riżenja tiegħu, l-Imħallef Abigail Lofaro staqsietu huwiex iżjed komdu jitkellem mingħajr il-preżenza tal-pubbliku u l-midja. Huwa dam jixhed fil-privat għal madwar 45 minuta.
Dakinhar stess, iben il-ġurnalista Matthew Caruana Galizia, li kien preżenti għax-xhieda ta’ Cassar, kiteb fuq Facebook li fil-qorti saru jafu li meta ġew ippubblikati l-Panama Papers fl-2016, il-Kummissarju mar vaganza, ġie lura bi wġigħ f’sidru, irreżenja għax ma setax joqgħod taħt il-pressjoni u ffirma kuntratt ta’ konsulenza offrut lilu mill-Prim Ministru Joseph Muscat.
L-ewwel smigħ tal-inkjesta pubblika sar fis-6 ta’ Diċembru, meta l-armel tal-ġurnalista Peter Caruana Galizia u binha Matthew Caruana Galizia xehdu.
L-inkjesta pubblika bdiet ftit ġranet qabel id-data ta’ skadenza li ta l-Kunsill tal-Ewropa fir-rakkomandazzjonijiet tiegħu lil Malta.
L-avukati Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi qed jidhru għall-familja Caruana Galizia.
L-eks Imħallef Michael Mallia qed imexxi l-bord tal-inkjesta, filwaqt li l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro huma ż-żewġ membri l-oħra tal-bord. Huwa stipulat li l-inkjesta trid tintemm fi żmien disa’ xhur.