Irvelli f’Ħal Far: 16 jammettu; 65 jgħidu li innoċenti

Segwi x'ġara fil-Qorti

Miguela Xuereb

Read in English.

17:13 Is-seduti jintemmu għal-lum

17:10 Il-Qorti tordna biex l-akkużati jibqgħu arrestati.

17:09 Id-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest. Il-prosekuzzjoni toġġezzjona.

17:08 It-tmienja jwieġbu li mhumiex ħatja.

16:51 Tidħol il-Maġistrat Clarke. L-avukat Michael Micallef Stafrace se jkun l-avukat tal-għajnuna legali.

16:50 Il-pulizija jikkonfiskaw il-mobiles tal-akkużati. Din id-darba, l-akkużati mhumiex immanettjati.

16:42 Jidħol l-aħħar grupp għal-lum. B’kollox hemm tmien immigranti.

16:23 Il-ġurnalisti u l-pulizija jimxu għall-awla 10.

16:12 Il-proċeduri se jkomplu fl-awla numru 10. Fadal madwar disa’ akkużati.

16:12 Il-Qorti terġa’ tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

16:11 L-imputati jwieġbu kollha li mhumiex ħatja. Id-difiża tilob għall-ħelsien mill-arrest u l-prosekuzzjoni terġa’ toġġezzjona.

16:06 L-akkużati mhux qed jikkontestaw il-validità tal-arrest.

16:04 Xi immigranti jistaqsu mistoqsijiet lill-avukati tal-għajnuna legali.

16:01 Terġa’ tidħol il-Maġistrat Clarke.

15:56 Il-pulizija jerġgħu jagħmlu rassenja ta’ min hu preżenti.

15:52 Jidħol it-tielet grupp. B’kollox hemm 29.

15:48 Il-proċeduri għat-tielet grupp għadhom ma bdewx. Jidher li hemm nuqqas ta’ pulizija għall-iskorti.

Irvell Ħal Far: Il-Gvern se jħallas għall-karozzi li nħarqu

15:29 L-immigranti jinħarġu mill-awla. Jifdal żewġ gruppi oħra.

15:25 Żewġ akkużati jgħidu li jridu jammettu l-akkużi miġjuba kontrihom. Il-Maġistrat tgħid li jistgħu jwieġbu ħatja quddiem il-Maġistrat li se jkun qed jisma’ l-kawża tagħhom. Spjegat li dawn se jkunu taħt arrest preventiv u li s-sentenza tagħhom tonqos skont b’kemm ikunu qattgħu żmien il-ħabs diġà.

15:22 Wieħed mill-imputati jgħid li jixtieq jispjega lill-Qorti ċ-ċirkostanzi tal-każ. Il-Maġistrat tgħidlu jgħid dan lill-Maġistrat li se jkun qed jisma’ l-kawża.

15:20 Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ dawk l-imputati li wieġbu mhux ħatja. Dan għaliex m’għandhomx indirizz fiss.

15:19 L-avukat difensur jitlob lill-Qorti biex jekk il-minorenni akkużati jibqgħu taħt arrest, dawn ikunu miżmuma fil-faċilitajiet addattati għalihom.

15:18 Il-Qorti tikkundanna lit-tnejn li wieġbu ħatja sitt ġimgħat ħabs.

15:17 Żewġ akkużati jwieġbu ħatja. L-oħrajn, 22, wieġbu mhux ħatja.

15:11 Id-difiża mhux qed tikkontesta l-arrest.

15:08 L-akkużati tat-tieni grupp kollha ġejjin mis-Sudan.

15:06 Il-Maġistrat Doreen Clarke terġa’ tidħol fl-awla. It-tieni grupp ukoll qed jaffaċċja żewġ akkużi – li ma obdewx l-ordnijiet u li kissru l-paċi pubblika.

15:00 Żewġ avukati jispjegaw lill-grupp ta’ akkużati preżenti x’se jkun qed jiġri.

14:50 Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt jidher li b’kollox se jitresqu 119-il persuna b’rabta mal-irvell.

14:37 Il-proċeduri għat-tieni grupp għadhom ma bdewx.

14:23 Jidħlu madwar 10 oħra.

14:18 Jidħol grupp ieħor ta’ immigranti mmanettjati tnejn tnejn. B’kollox hemm 14.

Filmat: “Il-protesta f’Ħal Far setgħet tiġi evitata” – Integra

14:07 L-ewwel grupp joħroġ mill-awla. Jifdal żewġ immigranti fl-awla però isimhom s’issa ma jidhirx fuq il-listi tal-pulizija.

14:05 Dawk li wieġbu li huma ħatja jiġu kkundannati sitt ġimgħat ħabs.

14:01 Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest tal-akkużti peress li m’għandhomx indirizz fiss u li m’għandhomx rabta ma’ Malta.

13:59 Il-Pulizija toġġezzjona għall-ħelsien mill-arrest. Tgħid li m’għandhomx indirizz fiss u li tinkwieta li jsiru reati oħra. Id-difiża tgħid li jgħixu fl-open centre.

13:58 14-il akkużat iwieġbu ħatja. Sitta jgħidu li m’humiex ħatja.

13:45 L-imputati mhux qed jikkontestaw il-validità tal-arrest.

13:43 Il-Qorti tinnomina interpreti għal Malti-Arbi, Malti-Franċiż, Malti-Ingliż, Ingliż-Somalu, Ingliż-Eritrean.

13:34 Il-proċeduri jerġgħu jkomplu. Dan l-ewwel grupp ta’ akkużati qed jaffaċċjaw żewġ akkużi – li ma obdewx l-ordinijiet li ngħataw u li kissru l-paċi pubblika.

13:05 Uffiċjali tal-Qorti jieħdu rassenja ta’ miin fost l-akkużati jinsab fl-awla u b’liema lingwa jitkellmu.

12:32 Uħud minnhom jiġu mmanettjati tlieta tlieta.

12:28 L-avukati għadhom qed ipoġġu lill-akkużati bilqiegħda fi gruppi skont il-lingwi li jitkellmu.

12:17 Il-proċeduri għadhom ma komplewx. Bħalissa hemm xi avukati jaraw b’liema lingwi jitkellmu l-akkużati. Jidher li fosthom hemm tlieta jifhmu bil-Franċiż u tlieta bl-Ingliż.

12:03 Il-proċeduri mistennija jkomplu f’awla oħra akbar. B’kollox jidhru madwar 20 immigranti. Hemm madwar 11-il uffiċjal tal-pulizija preżenti fl-awla. Hemm aktar fuq barra.

12:02 Minn informazzjoni li kiseb Newsbook.com.mt dawn l-ewwel tliet persuni aggredew xi ħaddiema li jaħdmu fiċ-ċentru ta’ Ħal Far. Jidher li meta marru jarrestawhom il-Pulizija bdew l-irvelli.

It-tliet żgħażagħ għandhom 20, 17, u 17-il sena. Dawn huma miċ-Chad, mis-Sudan, u min-Niġerja rispettivament. B’kollox qed jaffaċċjaw 8 akkużi:

  1. Li weġġgħu żewġ uffiċjali tal-pulizija u support worker
  2. LI attakkaw persuna inkarigata li twettaq is-servizz tagħha skont il-liġi
  3. Li weġġgħu b’mod ħafif lis-support worker
  4. Li kisru l-mistrieħ tan-nies bil-lejl
  5. Li waqt li kienu xurbana qalu kliem oxxen u indiċenti fil-pubbliku
  6. Li kisru l-kwiet tal-pubbliku
  7. Li nstabu fis-sakra f’post miftuħ għall-pubbliku u li ma setgħux jieħdu ħsieb tagħhom infushom
  8. Li ma obdewx ordnijiet

Filmat u ritratti: X’qed jiġri f’Ħal Far?

11:53 Il-Qorti tiċħad it-talba għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet akkużati.

11:51 Il-Pulizija tgħid li l-akkużati waslu ftit ġimgħat ilu u m’għandhomx indirizz fiss. Għalhekk qed jopponu t-talba tad-difiża għall-ħelsien mill-arrest.

11:50 Jitressqu l-ewwel tliet imputati li jgħidu li mhumiex ħatja.

L-immigranti li kienu involuti fl-irvell li kien hemm f’Ħal Far qed jitressqu l-Qorti llum.

Il-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali qal li mal-ġurnata kien hemm 60 persuna arrestati mit-300 immigrant li ħadu sehem fl-irvell li seħħ fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Fl-irvell weġġa’ Pulizija u l-immigranti taw in-nar lil tliet karozzi.

Irvell Ħal Far: 60 arrestati minn 300 li ħadu sehem