Read in English.
20:25 Corinne Vella, oħt Daphne, b’messaġġ quddiem il-Qorti
20:24 Joħorġu mill-awla l-avukati difensuri, il-familja tal-ġurnalista assassinata


20:21 Yorgen ħiereġ mill-Qorti, għall-ħabs
20:20 Il-Maġistrat Demicoli toħroġ mill-awla. L-avukati difensuri bilwieqfa maġenbu.
20:19 Mill-borża tal-evidenza: erba’ credit cards, żewġ Visas tal-BOV, American Express u Master Card.
20:19 Yorgen jidher nervuż, jilgħab b’idejh. Dr Caruana Curran mar ikellmu waqt li kienu qed jinqraw id-dettalji minn fuq il-passaport.
20:18 L-Ispettur Kurt Zahra jippreżenta l-passaport ta’ Fenech.
20:18 Il-Qorti tordna l-iffriżar tal-assi li jinkludu flejjes u propjetà mobbli jew immobbli, minbarra it-€13,000 obbligatorja skont il-liġi. L-avukati difensuri jgħidu li għandhom jiġu indikati liema assi, minħabba li hemm assi li ilhom fil-familja kollha. Ir-rappreżentant tal-Avukat Ġenerali qal li għadu mhux magħruf x’assi hemm u li hu prematur li jispeċifika.
20:16 Ma ssirx talba għall-ħelsien mill-arrest
20:15 L-avukat difensur Gianluca Caruana Curran jistaqsi lill-Ispettur: Int għamilt l-investigazzjoni kollha, ikkonfigura xi mkien Keith Schembri? Il-klijent tagħna tak informazzjoni dwar Keith Schembri? Il-Qorti ordnat lill-Ispettur biex ma jweġibx għall-mistoqsijiet. Żiedet tgħid li l-arrest tiegħu kien ġustifikat.
20:13 L-Ispettur Keith Arnaud jgħid li Fenech ġie arrestat fl-20 ta’ Novembru fis-5.40am. Stqarr li l-Pulizija kienet qed tissorvelja l-jott tiegħu u twaqqfet fi triqitha ‘l barra mill-Marina ta’ Portomaso. Spjega li Fenech ingħata police bail ħafna drabi minħabba l-kumplessità tal-investigazzjoni.
20:11 Fenech, ta’ 38 sena u li joqgħod Portomaso, iwieġeb mhux ħati. Poġġa bilqiegħda u rabat idejh.
20:10 X’inhuma l-akkużi?
Li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofsinhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data:
- ippromwova, ikkostitwixxa, organizza jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jitwettqu reati kriminali
- ipparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, meta kien jaf bl-għan jew l-attività b’mod ġenerali tal-għaqda stabbilita
- Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar. Ikkaġunawlha l-mewt.
- Assoċċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni f’Malta jew barra, bil-għan li jagħmel delitt f’Malta li għalih hemm piena ta’ priġunerija
- Irrenda ruħu kompliċi ma’ terzi li b’sustanza splussiva, għamlu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Caruana Galizia jew li setgħet tqiegħed fil-periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.
20:09 L-Ispettur Keith Arnaud f’isem il-Prosekuzzjoni jaqra l-akkużi.
20:08 Dr Caruana Curran ma jikkontestax il-validità tal-arrest, iżda jgħid li d-difiża għandha xi mistoqsijiet għall-Ispetturi.
20:06 Tidħol il-Maġistrat Audrey Demicoli. Tgħid li l-Qorti qed tilqa’ t-talba għall-ftuħ b’urġenza. Staqsiet jekk l-arrest hux qed jiġi kkontestat.
20:05 Dr Caruana Curran jaqra l-akkużi u jurihom lil Fenech.
20:00 Yorgen Fenech jidħol fl-awla u jpoġġi bilqiegħda fuq in-naħa tal-lemin. L-avukat difensur jgħidlu biex jersaq fin-nofs, bejn iż-żewġ avukati difensuri. Fenech jiċċassa lejn l-art.
19:59 Jidħlu l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, Nadia Attard u Philip Galea Farrugia, kif ukoll l-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra minn naħa tal-Prosekuzzjoni.
19:58 Jasal il-Qorti Yorgen Fenech
19:53 Mill-awla tinstema’ l-mużika mit-toroq tal-Belt.
19:51 Jasal l-avukat difensur Gianluca Caruana Curran. Aktar tard tingħaqad miegħu Dr Marion Camilleri
19:49 Ulied u r-raġel tal-ġurnalista assassinata Andrew, Paul, Matthew u Peter jidħlu fl-awla
19:42 Ġurnalisti lokali u internazzjonali jidħlu fis-sala. Jidħol ukoll l-avukat għal parte civile Jason Azzopardi. Aktar tard ingħaqdet miegħu Dr Therese Comodini Cachia u Dr Eve Borg Costanzi.
19:34 Il-ġurnalisti jistennew barra Awla 9 u fuq in-naħa ta’ wara tal-Qorti.

19:31 Tasal il-familja tal-ġurnalista assassinata Daphne Caruana Galizia: ġenituri, aħwa u neputijiet.
In-negozjant Yorgen Fenech tressaq il-Qorti fit-8 tal-lejla.
Fenech ġie arrestat mill-Pulizija fl-20 ta’ Novembru li għadda, meta allegatament kien qed jipprova jaħrab bil-jott tiegħu. Minn dakinhar ingħata l-police bail erba’ darbiet. L-arrest tiegħu kien fost l-oħrajn b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dalgħodu Yorgen Fenech reġa’ ttieħed fil-kustodja tal-Pulizija.
Fenech, li huwa sid il-kumpanija f’Dubaj 17 Black għamel tliet talbiet għall-maħfra presidenzjali, u li jitressaq il-Qorti llejla jista’ jindika li t-tielet talba mal-President ġiet irrifjutata.
Filmati u ritratti: Miguela Xuereb, Monique Agius, Tirrapporta mill-Qorti: Monique Agius