FILMAT: “Spiċċajt vittma ta’ kampanja kontra l-NGOs” – Libertà proviżorja għall-kaptan

Reuters

Read in English.

Il-kaptan tal-bastiment Lifeline ingħata l-libertà proviżorja wara li llum tressaq quddiem il-Qorti, akkużat li injora struzzjonijiet mill-awtoritajiet Taljani biex imur lura l-Libja, li saq bastiment mhux reġistrat u li daħal bla permess fl-ibħra territorjali Maltin.

Min-naħa tiegħu, il-Kaptan, Claus-Peter Reisch, Ġermaniż ta’ 57 sena, insista li ma jħoss l-ebda ħtija li salva ħajjet 234 persuna.

Aktar tard f’konferenza tal-aħbarijiet qal li qed iħossu vittma ta’ kampanja kontra l-NGOs li jaħdmu sabiex isalvaw lill-immigranti li jinqabdu f’ħalq il-mewt.

Fl-awla mimlija b’midja lokali u barranija, kien hemm preżenti wkoll l-Avukat Sqalli Corrado Giuliano, li qal li hu l-avukat tal-NGO, u talab li l-każ jinstema’ bl-Ingliż sabiex ikun jista’ jsegwi. Madankollu, il-Maġistrat insista li l-każ jinstema’ bil-Malti ladarba l-Qorti hi Maltija.

Nhar l-Erbgħa li għadda, Reisch daħħal fil-port Malti il-bastiment MV Lifeline li fuqu kien hemm propju 234 immigrant. Dan il-każ wassal għal diskussjonijiet serji f’Summit Ewropew, li wassal għal ftehim dwar x’passi għandhom jittieħdu biex tibda tissolva l-problema tal-immigrazzjoni illegali.

Il-Maġistrat Joe Mifsud stqarr li għandu simpatija lejn każijiet dwar refuġjati.

Xehed l-Ispettur Mario Haber mis-sezzjoni tal-immigranti. Huwa ppreżenta ritratti tal-bastiment meħuda mill-Pulizija. Qal li hu u l-Ispettur Darren Borg interrogaw lill-Kaptan l-għada filgħodu. Spjega li l-Kaptan ma naqasx milli jagħti d-dettalji u jiffirma l-istqarrija. Huwa spjega li kien talab lill-awtoritajiet fejn jista’ jidħol għaliex hu ma kellu l-ebda preferenza.

L-għada tal-interrogazzjoni, il-Kaptan ippreżenta lill-Ispetturi b’ittra mingħand il-Ministru għall-Ekonomija Olandiż li tindika li l-bastiment kien reġistrat bħala jott li jista’ jagħmel ħidmiet ta’ salvataġġ. Madankollu, l-awtoritajiet Olandiżi qalu li din l-ittra xorta ma kinitx tiggarantixxi lill-Kaptan li jwettaq operazzjoni bħal din, u minn hawn bdew l-akkużi, spjega l-Ispettur Haber.

Id-difiża argumentat li kien fi dmir il-Kaptan li jieħu ħsieb il-vapur u l-immigranti. Aġġornat lill-Qorti dwar il-każ u insistiet li Malta kienet ilha taf bil-każ tal-Lifeline mil-21 ta’ Ġunju. Madanakollu, kien biss fis-27 ta’ Ġunju, propju 6 ijiem wara, li ngħata l-permess isalpa Malta u daħal l-Isla fis-7pm.

Id-difiża insistiet ukoll li l-prosekuzzjoni ma tkellmitx mal-awtoritajiet Olandiżi direttament imma permezz ta’ Transport Malta. L-Avukat Difensur implika wkoll li l-awtoritajiet Maltin qegħdin jieħdu passi kontra l-Kaptan minħabba pressjoni barranija, partikolarment tal-Ministru Matteo Salvini.

Għaldaqstant, il-Prosekuzzjoni għandha ttella’ xhud minn Transport Malta.

Intant il-Qorti tat permess lill-Kaptan biex jibqa’ joqgħod fuq il-bastiment flimkien ma’ skeleton crew, jiġifieri l-inġinier u l-kok, iżda jidher illi l-Kaptan qiegħed joqgħod f’lukanda.

Inħatar is-surveyor Pierre Zammit Endrich biex jinvestiga l-bastiment, flimkien ma’ Martin Bajada mis-sezzjoni tal-IT.

Il-Kaptan ingħata l-libertà proviżorja fuq garanzija personali ta’ €10,000 u li jiffirma kuljum fl-għassa ta’ Bormla. Il-Qorti talbet lill-Kaptan jagħtiha l-passaport u l-karta tal-identità tiegħu.

Il-każ se jkompli jinstema’ fil-5 ta’ Lulju fil-11:30am.

 

Il-Kaptan bħala l-vittma ta’ kampanja kontra l-NGOs

F’konferenza tal-aħbarijiet barra l-Qorti, id-Difiża insistiet li l-Kaptan safa’ vittma ta’ kampanja kontra l-NGOs u l-immigranti.

Il-Kaptan Reisch kien issapportjat minn numru ta’ membri tal-NGOs lebsin flokkijiet bil-kliem ‘Save Lives.’