Filmat: Mal-1,000 lezzjoni dwar suġġetti varji aċċessibbli online

Minister for Education and Employment Owen Bonnici launches a new online resource site
DOI - Clodagh O'Neil
Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici iniedi sit ġdid ta' riżorsi edukattivi online #movingforward

Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici iniedi sit ġdid ta' riżorsi edukattivi online#movingforward

Posted by Edukazzjoni on Tuesday, April 28, 2020

Il-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici qed iniedi sit ta’ riżorsi Edukattivi online fejn wieħed jista’ jsib lezzjonijiet minn Kindergarten 1 sal-Form 5. Qal li s’issa hemm mal-1,000 lezzjoni aċċessibbli.

Is-Segretarju Permanenti Frank Fabri qal li l-website se jkollha l-isem ta’ Teleskola.mt.

Min-naħa tiegħu, id-Direttur Gaetano Buġeja, qal li l-website fiha ammont kbir ta’ riżorsi u lezzjonijiet li l-għalliema Maltin qed jaqsmu ma’ sħabhom l-għalliema, studenti u ġenituri. Qal li meta wieħed jaċċessa l-website, se jkun iggwidat biex jagħżel liema informazzjoni u noti qed ifittex permezz ta’ clicks li jiggwidawk għal-liema sena u suġġett.

Bugeja qal li l-lezzjonijiet kollha, irrelevanti ta’ liema suġġett, għandhom l-istess format. Qal li l-materjal kollu li jittella’ fuq il-website jiġi vvettjat imbagħad imtella’ fuq il-website. Qal ukoll li l-website se toffri diversi attivitajiet oħrajn bħal quizzes u logħob edukattiv ieħor.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru Bonnici qal li ħassew il-bżonn li tintuża t-tekonoloġija tal-lum biex kulħadd ikun jista’ jaċċessa d-dokumenti li jrid, meta jrid u kif irid. Qal li dan huwa xogħol “in house” tal-għalliema Maltin. Qal li s’issa hemm total ta’ 1,000 lezzjoni. Qal li dan is-sit huwa wkoll esperjenza sabiħa ta’ open source li jista’ jintuża b’xejn minn kulħadd u minn fejn irid.

Jistaqsu l-ġurnalisti…

Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk l-iskola sajf hux se tkun qed issir din is-sena, Bonnici qal li qed jilqgħu l-applikazzjonijiet għal skola sajf li mistennija tiftaħ fl-1 ta’ Lulju li ġej. Qal iżda li jekk ikun hemm xi kundizzjonijiet jew tittieħed deċiżjoni li ma tinfetaħx, il-Ministeru tal-Edukazzjoni se jkun qed iħabbar dan qrib id-data. Qal li s-saħħa tal-istudenti tiġi l-ewwel u qabel kollox.

Mistoqsi jekk dan is-sit hux se jkun aċċessibbli wara li jgħaddi l-perjodu tal-coronavirus, Bartolo qal li dan is-sit għandu jibqa’ jiġi aġġornat kontinwament anke wara li tgħaddi din l-isħaba. Qalet li meta bdiet id-diskussjoni tal-ħidma fuq dan is-sit, kien hemm taskforce li ħejja linjigwida għall-għalliema. Qal li t-taskforce qed taħdem biex taġġusta kemm jista’ jkun dan it-tagħlim online.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn