Filmat: Konrad Mizzi mkeċċi mill-Grupp Parlamentari Laburista

Aġġornat 07:14 AM

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li 71 persuna mit-73 eliġibbli biex jivvutaw ivvutaw li Konrad Mizzi ma jibqax jagħmel parti mill-Grupp Parlamentari Laburista. Il-vot kien wieħed anonimu.

Hu u jkellem lill-ġurnalisti wara l-laqgħa urġenti tal-Grupp Parlamentari fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, il-PM qal li persuna waħda astjeniet u persuna oħra vvutat kontra l-mozzjoni li ressaq hu.

Mizzi kien preżenti għal-laqgħa virtwalment peress li għadu kwarantina. L-eks Prim Ministru Joseph Muscat ma kienx preżenti għal-laqgħa, iżda Abela ma tax raġuni għal dan. Mistoqsi dwar il-qagħda ta’ Muscat fil-Grupp Parlamentari, Abela qal li s-sitwazzjoni tiegħu differenti minn ta’ Mizzi.

Il-Prim Ministru qal ukoll li mhuwiex se jsejjaħ elezzjoni bikrija.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li “l-Eżekuttiv Nazzjonali u l-Grupp Parlamentari qed jieħdu deċiżjonijiet f’waqthom sabiex ma tiġix imtappna l-ħidma tal-Partit Laburista fil-Gvern.”

Aktar kmieni

L-Eżekuttiv tal-Partit Laburista jiltaqa' dwar Konrad Mizzi

Posted by Newsbook.com.mt on Tuesday, June 23, 2020

Sorsi qrib il-Partit Laburista qalu lil Newsbook.com.mt li fil-laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista, hemm kunsens ġenerali fost il-membri, u anke fost il-Kumitat Eżekuttiv tal-Partit, li l-eks Ministru Konrad Mizzi għandu jitlaq.

L-istess sorsi qalu li Mizzi missu kien intelliġenti biżżejjed biex jitlaq minn jeddu qabel ma jkollu jgħaddi mill-umiljazzjoni li jitkeċċa.

Bħalissa qed jitlaqqa’ l-Grupp Parlamentari Laburista fil-Kwartieri Ġenerali tal-Partit Laburista fil-Ħamrun. Jidher li l-Grupp Parlamentari ltaqa’ biex jiddiskuti jekk l-MP Laburista Konrad Mizzi għandux jitkeċċa mill-Grupp Parlamentari Laburista jew le.

Is-sorsi żiedu jgħidu li ladarba l-Prim Ministru Robert Abela ħa pożizzjoni pubblika fuq il-kwistjoni, issa ma jistax jerġa’ lura minnha. Sostnew li Mizzi għandu jitlaq. L-istess sorsi ma eskludewx il-possibbiltà li Konrad Mizzi jitkeċċa mill-Partit. Huma stqarrew li l-problema l-kbira mhijiex Konrad Mizzi, imma x’se jiġri lill-eks Prim Ministru Joseph Muscat jekk Konrad Mizzi jkollu jħalli l-Parlament minħabba l-iskandlu ta’ Montenegro.

Huma u deħlin, il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari m’għaddewx kummenti lill-midja, meta mistoqsijin jekk Mizzi u Joseph Muscat għandhomx jitkeċċew. Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne qal li dak li għandu jgħid se jgħidu f’din il-laqgħa. Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli qalet li ftit sigħat jonqsu jistenna l-poplu Malti biex ikun jaf l-eżitu tal-laqgħa.

Mizzi jsostni li hu innoċenti

Illum waranofsinhar, l-eks Ministru Mizzi, li għadu Membru Parlamentari, kiteb fuq Facebook li l-Prim Ministru Robert Abela avviċinah biex jirriżenja, iżda huwa ma jaqbilx miegħu, u beħsiebu jżomm postu fil-Parlament. Huwa saħaq li hu innoċenti, u fakkar lis-segwaċi tiegħu dwar il-proġetti li ħadem fuqhom hu, u kif dawn kienu ta’ ġid għall-Maltin.

Newsbook.com.mt kien irrapporta li xi ġimgħat ilu, il-Prim Ministru bagħat messaġġi lil Mizzi jitolbu jirreżenja mill-Parlament. Mizzi baqa’ jżomm sod fid-deċiżjoni tiegħu, u rrifjuta li jagħmel dan.

Fl-2013, Mizzi kien wieħed mill-kandidati l-aktar prominenti fl-elezzjoni ġenerali li rat lill-Partit Laburista jitla’ fil-Gvern wara 25 sena fl-Oppożizzjoni. Madankollu, il-popolarità tiegħu malajr sfat mittiefsa meta ġie skopert li flimkien ma’ Keith Schembri, iċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat, Mizzi fetaħ kumpanija fil-Panama, ftit wara li kiseb il-poter ministerjali ta’ Ministru għall-Enerġija. Akkużi ta’ korruzzjoni b’rabta ma’ proġetti governattivi kbar bħall-Electrogas, il-każ tal-Vitals, tal-Imrieħel, u tal-proġett tal-Grupp db f’Pembroke, dejjem inkludew isem Mizzi.

F’Novembru li għadda, Newsbook.com.mt żvela li Yorgen Fenech, sid il-kumpanija 17 Black u negozjant potenti li huwa akkużat b’kompliċità fl-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, qal lill-Pulizija li kien lest jitkellem fuq diversi każijiet ta’ korruzzjoni, fosthom dwar l-iskandlu ta’ Montenegro li ġie żvelat mit-Times of Malta u Reuters nhar il-Ġimgħa li għadda. Il-Pulizija għaddiet dan it-tagħrif lill-Kabinett, u preżenti għal din il-laqgħa kien Robert Abela, dak iż-żmien konsulent legali ta’ Joseph Muscat, illum Prim Ministru.

Meta l-iskandlu ta’ Montenegro spiċċa fil-midja internazzjonali, Abela rreaġixxa malajr, b’mod partikolari minħabba r-rapport tal-Moneyval li se jsir dalwaqt.

Fl-2015, il-kumpanija ta’ Yorgen Fenech 17 Black għamlet profitt mhux dikjarat ta’ €4.6 miljun meta l-Enemalta xtrat wind farms f’Montenegro. Konrad Mizzi dak iż-żmien kien Ministru għall-Enerġija, u kien hu li mexxa dan il-ftehim.