Filmat: Benefiċċju sa 80% tal-kirja lis-self-employed

Read in English.

Is-self-employed se jkunu fost dawk eliġibbli għall-benefiċċji l-ġodda relatati mal-akkomodazzjoni soċjali, ħabbar il-Ministru Roderick Galdes dalgħodu.

F’konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali qal li dawk affettwati mill-Covid-19 jistgħu jaċċessaw benefiċċju tal-kera li jkopri sa 80% tal-prezz tal-kirja. Qal li dawk eliġibbli huma:

  • persuni li ġew sospiżi mix-xogħol b’mod temporanju u għalhekk qegħdin fuq unpaid leave
  • persuni self-employed li waqqfilhom jew naqsilhom drastikament id-dħul
  • Individwi li qed jesperjenzaw vjolenza domestika

Huwa stqarr li rreveda l-benefiċċji tal-kirjiet tal-housing privat fid-dawl tal-pandemija tal-coronavirus li mhux biss ikkawżat emerġenza tas-saħħa pubblika imma ħalliet l-effetti tagħha fuq l-ekonomija.

Il-Ministru Galdes, li kien akkumpanjat mill-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Housing Leonid McKay, tkellem dwar l-inizjattivi li l-Gvern qed jieħu fis-settur tal-housing fid-dawl tar-realtajiet ġodda fejn hawn persuni li qed jitkeċċew minn xogħolhom.

Il-pandemija globali ħalliet l-impatt tagħha wkoll fuq il-housing. Ċertu pajjiżi ħabbru ffriżar tal-kiri u twaqqif ta’ terminazzjoni ta’ kirjiet li jipprojbixxu żieda fil-prezzijiet tal-kera u jwaqqfu lil sidien il-kera milli jkeċċu lir-residenti waqt il-kriżi tal-COVID-19.

“Aħna ppreparajna ruħna sa mill-ewwel każi li ġew irrappurtati f’Malta,” qal il-Ministru Galdes. Hu qal li l-gvern ipprepara għall-eventwalità li wħud ma jkunux jistgħu jħallsu l-kera. Qal li l-benefiċċju tal-kera tal-housing privat ġiet reveduta sabiex din tirrifletti r-realtà l-ġdida. Qal li madwar 20% tal-familji Maltin jgħixu fi propjetajiet mikrijin. Galdes spjega li mis-sena li għaddiet, kien ġie introdott benefiċċju ġdid ibbażat fuq means testing.

Wara li għamel reviżjoni tal-benefiċċji tal-housing, il-Gvern għamel rendikont tar-realtajiet ġodda bħal individwi li tilfu x-xogħol tagħhom fiż-żmien tal-pandemija, is-self employed li spiċċaw ma jistgħux jaħdmu u dawk li qed spiċċaw jgħixu f’sitwazzjonijiet abbużivi.

Galdes irrimarka li f’każi ta’ vjolenza domestika l-istat qed jgħin lill-vittmi biex jitilqu minn darhom billi jagħti benefiċċji sostanzjali, inkluż depożiti fuq ħlasijiet.

L-Awtorità tal-Housing qed tħallas madwar 80% tal-kera, qal Galdes. Il-Ministru nnota li s-sidien tal-kera qed jikkunsidraw iċ-ċirkustanzi preżenti li jinsab fihom il-pajjiż baxxew minn jheddhom il-prezzijiet tal-kera. Hu qal li dawn qed jgħinu ħafna sabiex itaffu l-piż fuq bosta persuni affettwati b’mod negattiv.

S’issa, skont Galdes, ġew proċessati mat-30 applikazzjoni. Hu kien qed iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-midja. Qal li fost dawk li applikaw hemm individwi li huma self-employed u li ma kinux se jibbenefikaw taħt l-iskema preċedenti. L-Awtorità tal-Housing rċeviet ukoll applikazzjonijiet minn individwi li tilfu x-xogħol tagħhom, kif ukoll oħrajn li kienu qed jagħmlu użu mill-iskema għall-ewwel darba.

Il-miżura soċjali se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-pandemija tgħaddi.

Min-naħa tiegħu, McKay iddeskriva l-mekkaniżmu bħala “direct injection” fis-suq tal-kera billi jgħin lil min jikri b’mod dirett u lil sid il-kera b’mod indirett. Spjega li dan fid-dawl li l-post fejn toqgħod persuna huwa l-ewwel mod kif wieħed jiġġieled il-coronavirus. Insista li bħala awtorità ma setgħux jibqgħu passivi. Hu semma s-sospensjoni tal-miżati fuq reġistrazzjonijiet li jsiru tard u t-tneħħija tal-bżonn li jsiru kuntratti ġodda jekk il-prezz tal-kera jonqos minħabba l-pandemija. Qalet li dawk kollha li xtraw darhom mingħand l-Awtorità tal-Housing u kienu għadhom qed iħallsuha, ingħataw perjodu ta’ moratorju minħabba s-sitwazzjoni preżenti.

Il-Ministru rringrazzja wkoll lil numru ta’ stakeholders fis-settur inkluż il-YMCA, l-aditus Foundation, Moviment Graffitti u l-Assoċjazzjoni għall-Iżviluppaturi Maltin.