Filmat: Daqshekk vjaġġar bejn Malta u Għawdex jekk mhux għall-bżonn

Read in English.

Il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri ħabbar li bħala parti mill-iscreening għall-coronavirus, se jibda jsir screening għar-raġuni għaliex persuna se tkun qed taqsam bejn iż-żewġ gżejjer.

F’indirizz permezz ta’ Facebook, Camilleri sostna li hemm uħud li sfortunatament qed jiqbgħu joħorġu u jiltaqgħu fi gruppi. Dan wassal biex il-Gvern Malti joħroġ multa għal kull persuna li tinqabad tiltaqa’ fi grupp ta’ aktae minn tliet persuni.

Camilleri sostna dan iż-żmien mhux żmien li wieħed imur btala f’Għawdex. Intant spjega li qabel persuna titla’ abbord kien qed isir screening għas-sintomi tal-coronavirus. Qal issa se jiżdied pass ieħor, hekk kif kull persuna li se tkun qed tipprova tivjaġġa bejn Malta u Għawdex, u viċi versa, se tintalab tagħti raġuni għaliex se tagħmel dan. Qal li r-raġunijiet permissibbli huma dawk b’rabta ma’ xogħol, raġunijiet mediċi, jekk wieħed irid iżur xi persuni li jinsabu rikoverati fl-Isptar Mater Dei, ġarr ta’ merkanzija jew ritorn fid-dar ta’ individwu. Traġitti għal vaganzi mhux se jkunu permessi.

Aktar kmieni, l-Eks Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li bħalissa huwa nuqqas ta’ responsabbiltà jekk ikun hawn min jiddeċiedi li jmur jgħaddi ġurnata Għawdex.

Intant, fl-aħħar jiem, il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Chris Said qal li wasal il-mument li l-awtoritajiet tas-saħħa u l-Ministeru għal Għawdex jikkunsidraw restrizzjonijiet fuq min jista’ jaqsam minn Malta għal Għawdex u viċi-versa.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn