Filmat: 400 blokka tal-Gvern se jitnaddfilhom il-komun

Il-Ministru għall-Akkommodazzjoni Soċjali Roderick Galdes u s-Segretarju Parlamentari għall-Komunitajiet Alex Muscat ħabbru li mal-400 blokka tal-Gvern se jintlaħqu minn inizjattiva ta’ tindif u sterilizzar tal-komun.

Il-konferenza tal-aħbarijiet saret quddiem wieħed mill-akbar housing estates tal-Gvern fil-Mosta. Galdes spjega li f’dawn il-housing estates hemm gruppi ta’ persuni li jgħixu flimkien u b’hekk hemm bżonn li jsir xogħol ta’ ndafa. Dan se jkun qed isir b’kollaborazzjoni ma’ kumpanija ta’ tindif lokali li qed tagħti kontribut lis-soċjetà billi tipprovdi s-servizz tagħha mingħajr interessi. Il-Ministru Galdes qal li din il-kumpanija qed tirċievi l-għajnuna tal-Gvern minħabba COVID-19.

Il-Ministru Galdes qal li l-Gvern se jkun għaddej b’ħidma fuq madwar 400 blokka tal-Gvern fix-xahar.

Min-naħa tiegħu, Alex Muscat qal li s-saħħa tal-komunitajiet hija prijorità. FIl-Mosta qal li hemm mat-30 blokka ta’ appartamenti u ħafna minn dawn ir-residenti huma maturi fl-età u b’hekk skont l-ordnijiet tas-Superintendent għas-Saħħa Pubblika dawn jitqiesu vulnerabbli.

Muscat qal li mhux biss qed isir tindif estensiv, iżda wkoll qed isir sterilizzar tal-komun. Liema xogħol beda propju minn dalgħodu. Qal li permezz tal-IIP ġew imħallsa l-prodotti kollha li se jintużaw biex jiġu sterilizzati l-blokok. Qal li l-flus li ddaħlu mill-passaporti qed jintużaw sabiex jipproteġu liċ-ċittadini Maltin.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Ozo Group, il-kumpanija li qed toffri dan is-servizz, qal li l-kumpanija ħasset il-ħtieġa li tagħti xi ħaġa lura lis-soċjetà. Qal li se jkun hemm mal-100 persuna li se jkunu qed jagħmlu dan ix-xogħol.

Mistoqsi minn Newsbook.com.mt kemm il-familja kienet se tintlaħaq minn din l-iskema ġdida mħabbra mill-Gvern, il-Ministru Galdes qal li m’għandux in-numru eżatt. Madanakollu spjega li l-400 blokka tal-Gvern għandhom fi ħdanhom mal-5,600 appartament. Qal li kull blokka għandha madwar 16-il appartament fiha. Qal li jekk wieħed jieħu medja ta’ tlieta jew erba’ persuni li jgħixu f’kull appartament mela dan ifisser li għandek bejn 35 u 50 persuna f’kull blokka. Sostna li l-għajnuna li qed tingħata hija waħda sostanzjali. Aktar tard, fi stqarrija, il-Ministeru qal li se jkunu qed jintlaħqu mal-2,800 familja.

Mistoqsi mill-ġurnalisti kemm se jiġi jiswa dan il-programm, Galdes qal li l-ispiża hija biss dik tal-prodotti, hekk kif is-servizz se jkun qed jingħata b’xejn mill-Ozo Group bħala ringrazzjament lill-Gvern tal-għajnuna li qed jagħtiha f’dan il-perjodu.