Filmat: Jinżel f’Malta l-ewwel ajruplan tal-passiġġieri minn Ruma

Aġġornat 10:30 PM

F’dan il-mument wasal Malta l-ewwel ajruplan tal-passiġġieri li ġej minn Ruma. L-ajruplan kellu jasal Malta fil-11.25am iżda kien hemm ittardjar ta’ ftit minuti li wassal biex l-ajruplan jasal Malta f’12.10pm minflok.

It-titjira hija operata mil-linja tal-ajru Maltija Air Malta u dik Taljana l-Alitalia. Din kienet ġejja mill-ajruport ta’ Fuimicino.

Newsbook.com.mt jinsab preżenti fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta għal din il-wasla. Propju qabel, il-ġurnalisti ddawru mal-ajruport biex jaraw il-miżuri ta’ saħħa u sigurtà li qed jittieħdu fl-ajruport b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus.

Kienu ħafna dawk li esprimew it-tħassib tagħhom li l-ajruport m’għandux jinfetaħ għat-turiżmu. Iżda oħrajn insistew li l-ħajja ma tistax tibqa wieqfa sakemm jistab vaċċin għax dan jaf għandu xhur twal jekk mhux snin biex jinstab, ikun hemm produzzjoni tiegħu u jitqassam madwar id-dinja.

1,800 turist se jidħol Malta matul il-jum

Il-Ministru għat-Turiżmu Julia Farrugia Portelli sostniet l-għeluq tal-fruntieri kienet xena li ħadd ma ried li jara. Qalet iżda li grazzi għall-ħidma li saret, illum setgħu jerġgħu jinfetħu l-ajruporti. Hu spjegat li matul il-ġurnata tal-lum għandhom jidħlu 11-il titjira u 10 oħra għada. Intant, sat-tmiem ta’ din il-ġimgħa, se jkunu daħlu fil-pajjiż total ta’ 81 titjira.

Il-Ministru Farrugia Portelli qalet li 1,800 turist mistennija jidħlu Malta llum, 500 minnhom permezz tal-baħar u l-bqija permezz tal-ajru. Spjegat li din tinstema’ bħala figura modesta imma taħseb li hija l-bidu ta’ triq tajba.

Intant, il-Ministru għall-Ekonomija Silvio Schembri qal li meta wieħed jitkellem fuq ajruport, qed jitkellem fuq sistema ekonomika li tolqot eluf ta’ familji Maltin. Spjega li hu jgħix Ħal Luqa u dawn it-tliet xhur li għaddew kien kemmxejn differenti għax ma baqax jisma’ l-ħsejjes tal-ajruplani. Qal li mil-lum il-ħajja se tkompli timxi aktar sabiex tiġi lura għal dik normali.

Ritratti tal-ewwel jum tal-ftuħ tal-ajruport

Min-naħa tagħha, biex tiċċelebra l-ftuħ tal-ajruport, il-linja tal-ajru Ryanair qed toffri skont fuq it-titjiriet, bi prezzijiet li jibdew minn €19.99 għal vjaġġ wieħed, għal safriet f’Awwissu u Settembru. Din l-offerta se tibqa’ sejra sal-Ġimgħa, 3 ta’ Lulju.

L-ewwel vjaġġ tar-Ryanair kien minn Vjenna lejn Malta.

Filmati: Miguela Xuereb