Filmat: “Il-ħajja mhix kwistjoni ta’ mandat” – l-Isqof Galea-Curmi

L-Isqof Joseph Galea-Curmi qal li l-ħajja tal-bniedem mhijiex kwistjoni ta’ mandat li jiddeċidih il-poplu. Waqt l-omelija tal-quddiesa f’Jum il-Ħajja, l-Isqof insista li m’għandu jkun hemm l-ebda tolleranza lejn kwalunkwe theddida għall-ħajja.

F’Jum il-Ħajja, saret quddiesa fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta mqaddsa mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi. Din il-quddiesa segwiet mixja li saret apposta għall-jum mill-Palazz tal-President sal-Konkatidral.

L-Isqof qal li bħalma huwa jkun kontra mandat tal-poplu biex jinħaqru l-annimali, l-istess huwa kontra mandat tal-poplu dwar jekk il-ħajja umana għandhiex tintemm meta tkun għadha fit-tnissil jew le. Din hija kwistjoni ta’ prinċipju sostna l-Isqof Galea-Curmi. Huwa appella lill-Maltin biex jieħdu impenn li l-protezzjoni tal-ħajja jqisuha prinċipju li jimxu miegħu, u qalilhom li għandhom iħossuhom kburin li huma daqshekk iżolati fid-dinja f’din il-konvinzjoni.

Il-protezzjoni tal-ħajja ma tikkonċernax biss lit-trabi, iżda l-ħajja tista’ tkun ta’ xi immigranti f’nofs ta’ baħar, ta’ nies li jgħixu fil-periklu minħabba l-kundizzjonijiet li jgħixu fihom, ta’ xi ħadd li jkollu t-tentazzjoni tad-droga, ta’ xi anzjani jew morda. L-Isqof Galea-Curmi qal li jkun xi jkun il-każ, il-bnedmin ta’ prinċipju m’għandhom ikollhom l-ebda tolleranza għal theddida għall-ħajja.

Huwa temm l-omelija tiegħu billi appella partikolarment lin-nies li għandhom influwenza fis-soċjetà sabiex jgħożżu l-ħajja umana u biex dan juruh f’kull diskussjoni li jipparteċipaw fiha.