Filmat: Mhux se tinbena pompa tal-petrol fiż-Żejtun

Miguela Xuereb

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, September 13, 2018

Protesta kontra il-Planning Authority

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, September 13, 2018

Il-Bord tal-Awtorità tal-Ippjanar ma tax il-permess għall-bini ta’ pompa ta’ petrol fiż-Żejtun. Dan b’vot ta’ 10 favur u wieħed kontra għar-rakkomandazzjoni tad-Direttorat li m’għandhiex tinbena l-pompa tal-petrol ġdida f’Bulebel.

Waqt li kienet għaddejja s-sessjoni tal-Bord, attivisti tal-Moviment Graffitti u Kamp Emerġenza Ambjent ħarġu jipprotestaw u ddeskrivew il-pompa tal-petrol bħala “enormi”. Fi stqarrija spjegaw li din l-azzjoni qed tenfasizza kif disa’ xhur wara l-wegħda tal-awtoritajiet li se tiġi riveduta l-Fuel Service Station Policy, baqa’ ma sar l-ebda tibdil.

L-attivisti insistew li l-policy kurrenti tippermetti l-bini ta’ pompi tal-petrol kbar fuq art naturali u agrikola, minkejja li jkunu immarkati bħala żoni fejn m’għandux isir żvilupp, jiġifieri ODŻ. Irrimarkaw li l-ipproċessar tal-applikazzjonijiet pendenti kollha għandhom jieqfu sakemm il-policy tiġi riveduta u tidħol fis-seħħ.

Fl-istqarrija fakkru kif l-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) ippreżentat ir-reviżjoni tagħha tal-policy f’April li għadda u ssuġġeriet li l-policy m’għandhiex tħalli l-pompi tal-petrol jinbnew f’ODŻ. Intant spjegaw li min-naħa tagħha, l-Awtorità tal-Ippjanar waqqfet il-proċess sħiħ, u fetħet konsultazzjoni pubblika f’Lulju li għadda, tliet xhur wara r-reviżjoni. Spjegaw li dan ifisser li qabel Ottubru, mhux se jkun hemm ċans li din tiġi diskussa fil-Parlament.

Irrimarkaw li fil-każ tal-pompa tal-petrol taż-Żejtun insistew li l-PA qed tagħmel minn kollox biex taġevola lill-iżviluppaturi. Sostnew li minflok irrifjutat l-applikazzjoni ta’ din il-pompa tal-petrol li ta’ 3,000 metru kwadru waqt l-ewwel laqgħa li saret fi-2 ta’ Awwissu, il-bord ippospona l-laqgħa biex jagħti ċans lill-iżviluppaturi iktar żmien biex jiġġustifikaw il-każ tiegħu.