MPs Laburisti jiddiskutu l-assassinju ta’ Daphne

Aġġornat 01:51 PM

Read in English.

Dalgħodu l-Parlament fetaħ fid-9am bil-għan li jiddiskuti (bla vot) l-aħħar żviluppi b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

12:00 Il-Parlament aġġornat għal għada filgħodu.

11:45 Id-Deputat Laburista Alex Muscat qal li l-moħħ wara l-assassinju u min wettaq il-qtil instabu kollha u l-ġustizzja qed issir. Stqarr li hemm ħafna rabja ġenwina u li l-protesti għandhom isiru imma mhux bil-vjolenza.

11:06 L-MP Michael Falzon stqarr li fost dawk jidderieġu l-protesti lbieraħ kien hemm MP tal-Oppożizzjoni, anzi saħansitra “xi ħadd li kien MEP”. “Oħrajn jitfgħu l-bajd lill-MPs tal-Gvern”. Sejjaħ din irresponsabbiltà, “mibegħda, odju u ħdura”. Lil Dr Delia, Michael Falzon jgħidlu li kien wiegħed “a new way” imma stqarr li din hija “the old way” li jfakkruh fit-tmeninijiet. Stqarr li fost dawk li kienu qed jitfgħu l-bajd u boroż bl-awrina kien hemm membri tal-Oppożizzjoni.

10:40 Owen Bonnici qal li qatta’ l-aħħar sentejn jiltaqa’ ma’ istituzzjonijiet minn madwar id-dinja kollha, li jsaqsuh minn hu l-moħħ wara l-assassinju. Skont Bonnici, l-allegat moħħ tressaq il-Qorti ftit tal-jiem ilu. Semma kif il-Prim Ministru minn sagħtejn wara li seħħ l-assassinju għamel minn kollox biex dan il-każ jiġi riżolt. Semma fost l-oħrajn l-involviment tal-FBI u l-maħfra presidenzjali lis-sensar fl-assassinju. “Min kiser il-liġi jrid jieħu dak li ħaqqu” – Owen Bonnici. Stqarr li bħalissa hemm ħames inkjesti Maġisterjali, li fi kliemu jxejjen dak li jingħad li f’Malta m’hawnx Rule of Law. “Bħalma jien faħħart lill-Pulizija, faħħruha wkoll l-Oppożizzjoni”. Temm jappella lill-pubbliku 1) “inżommu l-kalma” u 2) “kuraġġ lil kull min ivvota lill-PL, se nkomplu l-mandat tagħna sal-aħħar”.

10:24 Is-Segretarju Parlamentari Anthony Agius Decelis jgħid li l-MPs tal-Oppożizzjoni qed jagħmlu dan għax iridu jkunu fil-Gvern u mhux għall-kawża li qed jgħidu li qed jissieltu għaliha. “L-Oppożizzjoni għandha storja maħmuġa fejn tidħol id-demokrazija” – Agius Decelis. Jagħmel appell: Lil min qed jipprotesta, jgħidilhom biex jipprotestaw kemm iridu, imma mhux se jaqgħu għan-nasba tagħhom.

10:07 L-MP Laburista Silvio Parnis jikkwota minn artikli tal-ġurnalista assassinata dwar il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia u MPs oħra minn naħa tal-Oppożizzjoni. Fost l-oħrajn jattakka lil Simon Busuttil u David Agius. “Oqgħod attent għax dawn qed jaħdmuk, il-pjan tagħhom hu wieħed, li sal-elezzjoni li ġejja, ma tkunx se tikkontesta” – Parnis bi twissija għal Delia

10:03 “M’aħniex se niżbaljaw” – Ian Borg

09:56 L-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet stqarrija fejn qalet li għal darb’oħra għażlet li ma tipparteċipax f’dibattiti fil-Parlament, sakemm Joseph Muscat se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Prim Ministru. Saħqu li Joseph Muscat hu Prim Ministru lleġittimu li flok għażel li jirriżenja minnufih, irid jibqa’ Prim Ministru biex ikun f’pożizzjoni li jikkontrolla l-investigazzjonijiet relatati mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

09:47 “Aħna kollha ndaqs, iben u bint ir-Repubblika ta’ Malta. Il-PM ġarr fuqu r-responsabbiltà ta’ maħfra presidenzjali” – Ian Borg. Minflok jitkellem fuq l-assassinju tal-ġurnalista, Dr Borg għamel eloġju lill-Prim Ministru u lill-Gvern Laburista filwaqt li nfexx jattakka lill-Oppożizzjoni. “Il-Kap tal-Oppożizzjoni denbu taħt il-blat” – Ian Borg.

09:44 La Daphne kellha raġun f’kollox, mela Adrian Delia għandu jirriżenja għax li qalet fuqu huwa veru” – Glen Bedingfield

09:15 Il-Ministru  għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, li huwa l-Ministru responsabbli mill-Pulizija, qal li hemm limitu għall-protesti u min iwassal għall-protesti jrid iħallas għal għemilu. Huwa qal li rtira il-kelma ‘żibel’ li qal fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet b’rispett lejn il-kelma u mhux lejn id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi. Żied jgħid li membri parlamentari tal-PN qed jitfgħu l-ġebla u jaħbu idejhom.