Għada mistenni jixhed il-Kaptan ta’ El Hiblu 1

REUTERS/Darrin Zammit Lupi

Aqra hawn taħt x’ġara fis-seduta tal-lum.

18:35 Il-każ ikompli għada fid-9am fejn mistennija jixhdu l-kaptan ta’ El Hiblu 1 u ċ-Chief Officer fost oħrajn.

18:28 Jibda l-kontro-eżami mill-avukat Neil Falzon.

Ir-raġel iwieġeb li l-ebda mill-membri tal-ekwipaġġ ma kien imweġġa’ u li setgħu jitilqu mill-kabina u jmorru fejn irridu. Falzon talab lir-raġel jispjega għala sakkru lilhom infushom fil-kabina qabel ma qamu l-immigranti. Ir-raġel wieġeb li għamlu dan għax l-immigranti kienu wissewhom milli jmorru lejn il-Libja u għalhekk sakkru lilhom infushom ġewwa.

Falzon saqsa min ħa d-deċiżjoni biex imorru lejn il-Libja meta l-bastiment tal-awtoritajiet ma ltaqgħax magħhom fil-pożizzjoni mogħtija mill-ajruplan. Ir-raġel qal id-deċiżjoni kienet taċ-Chief Officer.

Falzon saqsih kif fehem li wieħed mill-akkużat qal li jrid ikisser l-bastiment. Ir-raġel qal li jitkellem u jifhem ftit Ingliż.

18:04 Jitla jixhed membru tal-ekwipaġġ ieħor mill-Indja.

Jgħid li sitt persuni ma ħallewx id-dinghy u ma tellgħux fuq El Hiblu.

Il-membru tal-ekwipaġġ jispjega li minkejja qalulhom se tiġi dgħajsa biex ikun hemm trasferiment tal-immigranti, ħadd ma ġie. Billejl kulħadd mar jorqod u ġie deċiż li se jkomplu lejn Tripli. Kompla jispjega li għall-ħabta tas-6.00 ta’ filgħodu l-immigranti ndunaw li sejrin il-Libja, u grupp ta’ madwar 30 persuna telgħu issabbtu mal-kabina.

Il-prosekuzzjoni saqsiet x’kienu qed jagħmlu l-akkużati qabel ma daħlu fil-kabina. Huwa qal li ma rax x’kienu qed jagħmlu. Il-prosekuzzjoni saqsiet fejn kien u min kien hemm fil-kabina meta l-bastiment biddel ir-rotta.

Għal bidu l-membru tal-ekwipaġġ qal li kien hemm biss l-akkużati fil-kabina meta reġa’ mistoqsi qal li t-tliet akkużati kienu fil-kabina. Kompla jgħid li kien biss meta kienu se jaslu l-awtoritajiet Maltin li ħarġu mill-kabina. Il-prosekuzzjoni talbet lill-membru tal-ekwipaġġ jispjega x’ried iffisser meta qal li kienu mhedda.

Huwa qal li qallulhom li se jkissru l-bastiment. Ir-raġel indika persuna mill-akkużati li qal li se jkisser il-bastiment kollu jekk immorru lejn il-Libja.

Meta mistoqsi kif ħassu qal li fil-bidu ħassu ferħan li kienu għenu lil dawn in-nies iżda meta ġara dak li ġara ddispjaċih ħafna. Ir-raġel kompla jgħid li ħassu mbeżża’ meta bdew iħabbtu mal-bastiment.

17:39 Jixhed membru ieħor tal-ekwipaġġ li huwa mill-Indja li jaħdem bħala baħħar u li xogħlu jnaddaf il-gverta.

Huwa jispjega li kienu fuq il-bastiment meta rċevew l-informazzjoni mingħand ajruplan tal-militar. Ir-raġel qal lill-Qorti li l-membri tal-ekwipaġġ għenu lill-immigranti jitilgħu, u qalulhom biex joqgħodu fuq il-gverta. Kompla jispjega li l-bastiment għamel nofsiegħa wieqaf qabel reġa’ beda jbaħħar iżda ma kienx jaf f’liema direzzjoni sejjer.

Il-Maġistrat isaqsi lill-membru tal-ekwipaġġ kif it-tliet akkużati talbu biex ma jittieħdux il-Libja. Huwa wieġeb li ma jafx. Qal lill-Qorti li meta t-tliet akkużati daħlu fil-kabina l-kumplament nieżlu isfel. Il-prosekuzzjoni saqsiet lir-raġel fejn kien meta waslu l-AFM. Ir-raġel qal li l-bastiment irċieva istruzzjonijiet li l-uffiċjali kienu se jitilgħu fuq il-bastiment u għalhekk għandhom jinżlu isfel fuq in-naħa tal-port. Ir-raġel sostna li t-tliet akkużati telqu mill-kabina madwar 10 minuti ma waslu l-awtoritajiet Maltin.

Fil-kontro-eżami r-raġel ġie mistoqsi kemm mill-immigranti kienu vjolenti u jekk xi ħadd mill-membri tal-ekwipaġġ weġġgħux. Ir-raġel qal li l-Qorti li madwar 30-40 persuna kienu vjolenti u li ħadd ma weġġa’.

Sostna li kien hemm punt fejn 9 persuni kienu fil-kabina, sitt membri tal-ekwipaġġ u 3 immigranti. Kompla jgħid li kien qed jibża għax qatt ma ra Afrikani qabel. Qal li beża wkoll għax dawn bdew issabbtu, iżda ladarba daħlu fil-kabina ma kienx għadu qed jibża’ minnhom.

Ir-raġel qal lill-Qorti li l-membri tal-ekwipaġġ setgħu imorru fejn irridu.

17:11 Jibda jixhed membru tal-ekwipaġġ mill-Indja. Ir-raġel qal li ltaqgħu mal-immigranti waqt li kienu qed ibaħħru, u li iktar tard kien ajruplan tal-militar li talabhom biex itellgħu lin-nies fuq id-dgħajsa. Kompla jgħid li l-ajruplan tal-militar qal lil El Hiblu 1 li se tkun qed jiġi bastiment ieħor biex joħodhom lejn l-Ewropa.

Ir-raġel qal li l-immigranti kellhom xi għodda f’idejhom u bdew issabtu biha.

Il-prosekuzzjoni saqsiet x’qalu t-tliet akkużati liċ-Chief Officer bir-raġel jgħid li fehemx x’kien qed jingħad, filwaqt li żewġ membri tal-ekwipaġġ marru fil-kabina tagħhom għax il-baħar għamillhom id-deni. Ir-raġel li huwa kien qed iħossu ma jiflaħx mill-bidu.

Ir-raġel qal li kienu jmorru fil-kabina prinċipali meta l-akkużati kienu jsiru vjolenti, iżda dan ma kienx il-ħin kollu.

Qal li l-akkużati talbuhom biex jgħaġġlu iktar u meta jnaqqsu kienu jibdew issabbtu.

Ir-raġel qal lill-Qorti lill-akkużati telqu mill-kabina meta l-Pulizija waslu fil-kabina.

Ir-raġel qal li ma fehemx x’kien qed jiġri għax ma jifhimx bl-Ingliż.

Huwa spjega lill-Qorti li r-rġiel kollha telgħu madwar il-kabina u qabdu l-għodda li setgħu issibu biex biha sabtu kontra l-ħitan tal-bastiment u t-twieqi. Sostna li ħass biżgħa li jekk ma jagħmlux dak li ntalab minnhom ħass li seta’ jweġġgħhom.

Ir-raġel kompla jgħid li t-tliet akkużati kienu fil-kabina, u kompla jgħid li l-akkużati kienu qed jitkellmu mal-kumplament.

Fil-kontro-eżami l-avukat mifsud saqsa jekk l-akkużati ġewx mistiedna fil-kabina. Ir-raġel wieġeb li meta bdew issiru vjolenti ċ-Chief Officer stieden tlieta minnhom ġewwa biex jitkellmu.

Ir-raġel ġie mistoqsi jekk jistax jindika kull akkużat u x’kienu qed jagħmlu. Jibda fuq l-ewwel akkużat jgħid li dan beda jgħajjat ħafna li ma jridx imur il-Libja, filwaqt lit-tieni akkużat kellu f’idu spanner li bih ma kien qed jagħmel xejn bih, filwaqt li t-tielet akkużat kien qed jagħti l-parriri lit-tnejn l-oħra kif ukoll lill-immigranti barra u jgħidilhom x’inhu jiġri. Il-membru tal-ekwipaġġ sostna li t-tielet akkużat ma kienx vjolenti, iżda kien jisma l-konverżazzjoni u joħroġ barra jgħid lill-oħrajn x’inhu jiġri.

Il-Maġistrat osserva li filwaqt fil-bidu tax-xhieda tiegħu, ir-raġel qal li kienu parti mal-grupp żgħir li kien vjolenti issa qal li wieħed kien qed jgħajjat, l-ieħor kellu spanner u l-ieħor kien qed jitkellem man-nies. Ir-raġel kjarfika li barra ġabu ruħhom b’mod vjolenti filwaqt li ġewwa fil-kabina għamlu dak li kien għadu kif spjega. Stqarr li l-ebda membru tal-ekwipaġġ ma kien imweġġa’.

16:51 L-avukat tad-difiża Neil Falzon staqsa jekk hux vera qal lil wieħed mill-akkużati li jekk jgħidu lill-awtoritajiet Maltin li nħataf il-bastiment, żgur jitħallew jidħlu Malta. L-inġinier qal li dan ma kienx minnu, iżda li wieħed mill-akkużati qalu biex ma jgħidx lill-awtoritajiet Maltin li ħatfu l-bastiment. L-inġinier qal li huwa qal lil wieħed mill-akkużati li se jkollu jgħid il-verità lill-awtoritajiet Maltin għax inkella mhux se jitħalla jidħol.

16:12 Jibda l-kontro-eżami tal-inġinier. L-avukat Mifsud staqsa kif huwa qalilhom li mhux sejrin il-Libja. L-inġinier qal li ċ-Chief Officer qalilhom li kien se joħduhom għall-bastiment ieħor u li mhux kien se joħodhom il-Libja. Għall-iktar mistoqsijiet, l-inġinier spjega li ma rnexxillhomx jagħmlu kuntatt mal-ajruplan wara xi 4 sigħat biex waslu għall-pożizzjoni li ngħataw. Spjega li damu biss nofsiegħa jistennew qabel ma telqu mill-post.

L-inġinier qal li l-ewwel uffiċjal iddeċida li se jmur lejn il-Libja minkejja li kienu jafu lill-persuni ma xtaqux imorru l-Libja. Il-Maġistrat staqsa għala nbidlet ir-rotta lejn il-Libja minkejja li kellu jsir transferiment tal-persuni lejn bastiment tal-awtoritajiet.

Meta mistoqsi x’kienu qed jagħmlu l-akkużati dakinhar li kellhom jiltaqgħu mal-awtoritajiet biex il-persuni jiġu trasferiti, l-inġinier wieġeb li kienu rieqdin mal-oħrajn. Kien biss filgħodu x’ħin qamu li saru jafu li qegħdin viċin il-Libja.

L-inġinier wieġeb li jagħraf li kienu se jkunu rrabbjati għalihom talli ħaduhom lura l-Libja.

L-avukat tad-difiża Mifsud staqsa għalfejn iddaħħlu fil-kabina għax jitkellmu bl-Ingliż. Huwa umbgħad bidel il-verżjoni qal ħallew jidħlu għax kienu aggressivi. L-inġinier spjega li ma kien hemm ħadd imweġġa’, u liż-żgħażagħ ma weġġgħu lill-ħadd mill-ekwipaġġ.

Mifsud staqsa lill-inġinier għala ċ-Chief Officer qal li għandu l-membri tal-ekwipaġġ midruba. Il-Maġistrat qara t-transkrizzjoni tal-konverżazzjoni bejn P21 u El Hiblu 1, fejn iċ-Chief Officer qal li għandu membri tal-ekwipaġġ imweġġa’ u li l-persuni li kienu fuq il-bastiment iġġieldu miegħu.

L-avukat kompla jistaqsi kif ħassuhom sfurzati li jibdlu r-rotta meta it-tliet akkużati fil-kabina kellhom biss spanner bejniethom.

Mifsud jgħid li hekk ħaduhom fil-kamra tal-magni, allura l-ekwipaġġ dejjem kellu kontroll fuq il-bastiment, kompla jgħid li l-persuni kienu rrabbjati mal-ekwipaġġ għax huma wegħduhom diversi drabi li mhux se joħduhom lura l-Libja, iżda l-bastiment biddel ir-rotta għal-Libja.

L-avukat tad-difiża saqsa jekk kienx minħabba li l-persuni li kienu rrabbjati u pprotestaw kontra d-deċiżjoni li ħassew li tilfu l-kmand tal-vapur.

L-inġinier qal li t-tliet persuni kienu lesti li jmutu u ma kienux qed jaħsbu fihom infushom nhar is-27 Marzu filgħodu.

15:31 Jitla jixhed marine engineer tal-bastiment. Jgħid li fit-22 Marzu huma telqu minn Istanbul għal Tripoli. Fis-26 Marzu huma rċevew informazzjoni biex isalvaw xi persuni li kienu fuq dinghy mingħand ajruplan tal-militar waqt li kienu fit-triqthom lejn Tripli.

Ix-xhud jgħid li madwar sitt persuni baqgħu fuq id-dinghy wara li huwa qallilhom li sejrin il-Libja. Jgħid li wara li kkonvinċew lill-persuni li mhux sejrin lejn il-Libja iżda li ġej bastiment biex joħodhom xi mkien ieħor.

Kompla jgħid li l-ajruplan tal-militar tagħhom pożizzjoni fejn se jkun qed jiltaqa’ magħhom bastiment tal-awtoritajiet biex il-persuni jgħaddu minn El Hiblu għal għand l-awtoritajiet. Spjega li filwaqt kienu sejrin Tripli wara ġabru lill-immigranti huma ngħatu pożizzjoni fejn kellhom jibdlu d-direzzjoni għall-pożizzjoni fejn bagħatuhom. L-inġinier qal li damu 3-4 sigħat biex wasalu fejn talbuhom imorru l-awtoritajiet, fejn baqgħu hemm sa nofsillejl.

Jgħid li ħadd ma ġie sa dak il-ħin u għalhekk reġgħu bidlu r-rotta lejn Tripli. Jgħid li minn nofsillejl sa filgħodu l-immigranti kienu rieqda. Kien biss filgħodu li l-immigranti ndunaw li qegħdin viċin il-Libja. L-inġinier qal li kollha kemm huma qalulhom li ma jridux imorru l-Libja.

Il-membri tal-ekwipaġġ kienu sitta u dakinhar kważi kulħadd kien fil-kabina. L-inġinier qal li għalkemm ma fehemx x’kienu qed jgħidu iżda mill-imġieba tagħhom kienu jidhru aggressivi. L-inġiner qal li madwar 15-il persuna qabdu l-għodda bdew isabbtu bihom fuq il-bastiment. Spjega li l-ekwipaġġ kien fi stat ta’ paniku u beżgħu li l-persuni se jkissru l-ħġieġ. L-inġinier qal lill-Qorti li l-Ewwel Uffiċjal ħalla tliet persuni jidħlu fil-kabina filwaqt li l-kumplament baqgħu barra.

L-inġinier qal li t-tliet akkużati talbu li tinbidel ir-rotta u li jiżdied l-ispeed. Kompla jispjega li huwa ħa l-akkużat li jifhem bl-Ingliż fil-kamra tal-magni fejn urieh kemm għandhom fjuwil u prova jispjegalu li ma għandhomx biżżejjed biex imorru l-Ewropa.

L-inġinier qal li l-awtoritajiet Maltin wissewhom li ma għandhomx permess jidħlu f’Malta.

L-inġinier qal ukoll li wieħed mill-akkużati tkellem mal-awtoritajiet Maltin.

Il-prosekuzzjoni saqsiet lill-inġinier x’għamel waqt li qed jiġri dan, bir-raġel iwieġeb li kien bil-qegħda fuq is-sufan.

Il-Maġistrat staqsa jekk l-akkużati daħlux bl-għodda fil-kabina, u qal li wieħed minnhom kellu spanner u li ħallih fil-kabina qabel ma ħariġx.

14:36 Jitla jixhed is-sid tal-bastiment Salah Ali El Hiblu li joqgħod fi Tripli. Is-sid jgħid li huwa s-sid tal-bastiment u li bena dal-bastiment fit-Turkija fl-2015.

Is-sid jgħid li l-bastiment kien fit-Turkija għad-drydock u wara kien fit-triqtu għal-Libja biex jintuża għax-xogħol.

Is-sid jgħid li l-awtoritajiet Taljani ċemplulu għax riedu jagħmlu kuntatt mal-bastiment. Is-sid qal li tagħhom id-dettalji kollha.

Is-sid tal-bastiment ippreżenta xi dokumenti oriġinali quddiem il-Qorti li ġew ivverifikati fl-awla.

Is-sid spjega li l-awtoritajiet Taljani talbu d-dettalji kif jistgħu jagħmlu kuntatt mal-bastiment għax kien hemm xi persuni li kienu fil-periklu li se jgħerqu. Jgħid li huwa ta d-dettalji lill-awtoritajiet Taljani. Kompla jgħid li l-għada filgħodu li ġew salvati l-persuni l-immigranti qalu lill-kaptan li jridu jmorru Malta jew l-Italja malli ndunaw li qegħdin viċin tal-port ta’ Tripli. Kompla jgħid li l-kaptan qallilhom li ma għandux biżżejjed fjuwil biex imur lejn l-Italja.

Is-sid kompla jispjega li għandu l-korrispondenza mal-awtoritajiet Libjani.

Huwa preżenta affadavit fil-Qorti.

Fil-kontro-eżami l-avukat Mifsud staqsa għala sar l-affadavit. Is-sid tal-bastiment qal li talab lil kull min kien involut biex jagħmel affidavit. Spjega li talab ukoll dan mill-awtoritajiet Taljani. Sostna li għamel dan biex jipproteġi lilu nifsu.

Mifsud jgħidlu jekk ngħidlek li allegat ħtif sar fis-27 ta’ Marzu u mhux fis-26 Marzu, is-sid jgħid le.

Il-Maġistrat staqsa lis-sid biex jikkonferma dak li hemm fl-affidavit jekk hux vera li persuna mill-awtoritajiet Libjani tax instruzzjonijiet lill-bastiment biex imur viċin lejn l-ibħra territorjali Maltin. Is-sid jgħid li jista’ jagħti l-kuntatt tal-uffiċjal Libjan.

Il-Maġistrat spjega lis-sid li kien biss fit-28 Marzu 02:11am li El Hiblu ingħata istruzzjonijiet biex jiġi lejn Malta u żgur mhux fis-26 Marzu fis-5.42pm kif qed jgħid l-uffiċjal Libjan fl-affidavit tiegħu.

Is-sid jgħid li ħuh kien fuq il-bastiment bħala Chief Officer filwaqt li l-Kaptan huwa Tork.

Fil-kontro-eżami l-avukat Mifsud kompla jsaqsi jekk għamilx kuntatt ma’ ħuh bil-mowbajl jew bir-radju. Staqsa wkoll lis-sid x’ġara iktar, is-sid sostna li l-eqreb port kien ta’ Tripli.

Mifsud staqsa jekk kienx jaf li l-awtoritajiet qalu lill-immigranti li sejrin l-Italja.

Is-sid jgħid li l-bastiment huwa rreġistrat fil-Palau. Jgħid li bnieh hu u li kien beħsiebu jaħdem bih fil-Libja. Jispjega li kien irreġistrat fit-Turkija sakemm kien qed jaħdem bih fit-Turkija.

L-avukat Neil Falzon staqsa minn fejn ġiet l-informazzjoni fl-affidavit, iżda l-Maġistrat iwaqqaf din il-mistoqsija. Jgħid li biżżejjed qed nirreferu għall-affidavit.

Falzon staqsa x’inhi n-natura kummerċjali tal-El Hiblu 1. Is-sid jgħid li jġorr il-fjuwil bħaż-żejt, gass, eċċ. Jgħid li l-bastiment kien sejjer lejn il-Libja għall-bunkering.

Falzon kompla jistaqsi jekk kinitx l-ewwel darba li l-bastiment ta’ El Hiblu ltaqgħu mal-immigranti fil-baħar.

14:14 Wara waqfa qasira tkompli s-seduta. Jitla’ jixhed uffiċjal ieħor tal-AFM li jibda billi jispjega xogħlu fil-każ. Huwa jispjega x’kienet il-ħidma dakinhar li l-AFM telgħu fuq il-bastiment. Jgħid li huwa ma kellimx lill-membri tal-ekwipaġġ li kienu fil-kabina.

Kompla jispjega li baqa hemm hekk fil-kabina jipprovdi sigurtà lill-membri.

L-avukat Mifsud fil-kontro-eżami saqsa jekk huma ġewx aggrediti jew intużatx fil-konfront tagħhom jew inkella reżistenza, bl-uffiċjal iwieġeb li ma kien hemm xejn minn dan.

Il-Maġistrat Bugeja staqsa lill-uffiċjal jekk l-immigranti kienux qed iġorru armi, u qal li minn fejn kien ma seta’ jara xejn.

Kompla jiġi mistoqsi dwar l-operazzjoni jekk ġiex mhedded jew jekk kienx hemm xi ħaġa li kienet ta’ theddida. L-uffiċjal qal kien hemm numru kbir ta’ nies u ma ra xejn li kien hemm ta’ theddida. Sostna li n-numru kien jista’ jitqies bħala theddida imma ma ġiex mhedded.

L-uffiċjal ġie mistoqsi jekk rax dmija jew xi ħadd mill-membri tal-ekwipaġġ imweġġa’. L-uffiċjal sostna li ma ra l-ebda sinjal ta’ vjolenza.

L-uffiċjal jgħaraf biss wieħed mill-akkużati. Jgħid li dan l-akkużat aġġixxa ta’ interpretu, kienu l-uffiċjali l-oħra stess li qalulu li jaf l-Ingliż.

L-avukat Malcolm Mifsud staqsa jekk kienux fil-kabina meta l-AFM telgħu fuq il-bastiment u meta ra lill-akkużat għall-ewwel darba. Jgħid li l-ebda wieħed mill-akkużati ma kien fil-kabina u jgħid li ra l-ewwel darba lill-akkużat meta nieżel ħdejn in-nies salvati u jara x’kienu qed jagħmlu l-uffiċjali l-oħra.

L-uffiċjal qal li kif telgħu l-AFM ma għamlu l-ebda tfittxija fuq il-bastiment. Kien biss ladarba nieżel kulħadd li l-AFM għamlu tfittxija tal-bastiment kollu. L-uffiċjal qal li huma kienu qegħdin biss ifittxu għall-persuni mhux għall-oġġetti. L-uffiċjal kien mistoqsi jekk kienx hemm armi jew oġġetti, bl-uffiċjal jgħid li ma nstabu l-ebda armi iżda kien hemm l-għodda li jkun hemm fuq kull bastiment u li setgħu ntużaw bħala armi.

13:28 Waqfa qasira, is-seduta tkompli minn hawn u ftit ieħor.

13:16 Jitla’ jixhed uffiċjal ieħor tal-Forzi Armati ta’ Malta. L-uffiċjal jgħid irċieva telefonata mill-Operations Room li hemm xi bastiment tiela lejn Malta bl-immigranti abbord.

L-uffiċjal jgħid li malli l-ajruplan wasal mal-bastiment qalu lill-bastiment biex jieqaf fejn hu u jagħmel kuntatt mal-awtoritajiet Libjani. Kompla jispjega li huwa kellu dawn l-istruzzjonijiet u dan kien dak li għamel. Kompla jgħid li l-Kaptan kien irrabjat għalina għax kien ilu ma jisma’ mingħandhom mill-ġurnata ta’ qabel. Sostna jgħid li ma setax jieqaf minħabba baħar mqalleb u kompla jgħid li se jibqa’ ġej lejn Malta. Wara ftit, kompla l-uffiċjal, il-kaptan infurmah li ma kienx taħt il-kontroll tiegħu u li l-bastiment kien taħt attakk.

L-uffiċjal jgħid li huwa kienx direttament involut dakinhar li l-AFM telgħu fuq il-bastiment. Huwa jispjega li mill-ajruplan seta’ jara dak li kien għaddej. Ħin minnhom il-persuni marru fuq in-naħa tal-port fuq il-bastiment, kompla jgħid li tliet niżlu s-sellum tal-ħabel. Kompla jispjega li raw in-nies iżda mhux ċar għax din saret bil-lejl u kien qiegħed isegwi permezz tal-kamera bl-infrared.

Kompla jispjega li ra xi żewġ jew tliet persuni ħirġin mill-kabina imma minn fejn kien ma setgħax jgħid min huma.

12:34 Jitla’ jixhed uffiċjal għoli tal-Forzi Armati ta’ Malta. Jispjega l-irwol tiegħu fil-każ, jgħid li huma ppruvaw li l-bastiment imur xi mkien ieħor hekk kif il-bastiment ma kellu l-ebda permess ma jidħol Malta. Jgħid li l-kaptan dejjem qalilhom li ma għandux kontroll tal-bastiment.

L-uffiċjal kompla jgħid li huwa kellu numru ta’ tħassib dwar il-bastiment, is-sigurtà tal-ekwipaġġ, l-kaptan mhux fil-kmand tal-bastiment tiegħu, is-sigurtà tal-Istat Malti. Filwaqt li meta bastiment kummerċjali jispiċċa jagħmel operazzjoni tas-salvataġġ, il-kaptan huwa responsabbli tal-bastiment tiegħu.

L-uffiċjal kien mitlub jispjega x’jiġri meta bastiment kummerċjali jagħmel operazzjoni tat-tfittxija u salvataġġ.

L-uffiċjal qal li l-operazzjoni saret fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Libjana għalhekk ma kellhom l-ebda kompetenza fuq il-każ.

Il-prosekuzzjoni saqsiet x’kien li biddel il-ħsieb tal-Forzi Armati ta’ Malta, l-uffiċjal wieġeb li l-kaptan sakemm kien riesaq lejn Malta ma kellux kontroll tal-bastiment tiegħu, huwa u dieħel fl-ibħra territorjali Maltin kien għadu mhux fil-kontroll tiegħu u meta l-AFM kienu se jitilgħu fuq il-bastiment madwar 9nm ‘il barra minn Malta, l-kaptan qal li l-vapur kien fil-kontroll tiegħu.

L-uffiċjal jgħid li kien hu li ddeċida li l-bastiment ma jidħolx Malta għax huwa ta’ theddida għal Malta. Meta mistoqsi jekk iddeċidiex dan għax kien hemm l-immigranti abbord, l-uffiċjal qal li ddeċida hekk għax il-kaptan ma kienx fil-kontroll tal-kaptan.

L-uffiċjal spjega li l-bastiment ma kellu l-ebda permess jidħol f’Malta.

Fil-kontro-eżami ġie mistoqsi jekk l-ajruplan tal-militar intbagħatx għax saru jafu li hemm l-immigranti fuqu u li sa dak il-ħin kien għadu ma semmiex il-ħtif.

L-avukat Malcolm Mifsud isaqsi jekk dak il-ħin li ġie deċiż li jintbagħat l-ajruplan kienux jafu jew kienx issemma’ l-ħtif.

L-uffiċjal qal li le.

L-avukat Mifsud saqsa jekk il-bastiment ma jingħatax permess għal Malta, El Hiblu kien se jispicca bħal bastimenti bħal Lifeline, Sea Watch, ecc.

Il-Maġistrat intervjena biex l-uffiċjal ma jwieġibx għal din il-mistoqsija.

Fil-kontro-eżami l-uffiċjal ġie mistoqsi jekk il-bastiment talabx permess biex jidħol fl-ibħra territorjali Maltin.

L-uffiċjal qal l-AFM kellha tħassib tagħha u għalhekk ħadu miżuri ta’ prekawzzjonijiet.

L-avukat tad-difiża Neil Falzon mill-Fondazzjoni Aditus isaqsi għalfejn ma ngħatax permess lil El Hiblu 1 meta kien għadu fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Libjana.

L-uffiċjal saħaq li l-Kaptan iddikjara li ġej lejn Malta.

Meta mistoqsi għala, l-uffiċjal qal li ma kellux permess u li l-port tal-bastiment ma kienx ġej lejn Malta.

Falzon jitlob lill-uffiċjal jispeċifika l-kriterja li fuqhom ġiet deċiża li ma għandux jingħata permess biex jidħol f’Malta.

L-uffiċjal saħaq li Malta ma kinitx qed tikkordina l-operazzjoni, sostna li dan kien wara li saret l-operazzjoni tat-tfittxija u salvataġġ, kompla jgħid li l-bastiment ma kellux permess. Kompla jgħid li l-bastiment ma kellux jiġi lejn Malta u għalhekk ma setax jiġi Malta. Kompla jgħid li l-bastiment ma talabx għal permess biex jiġi Malta.

L-uffiċjal sostna li l-awtorità kompitenti li ma kinitx Malta kellha tgħidlu fejn imur lill-bastiment.

L-avukat Falzon baqa jipprova jsaqsi għala ttieħdet din id-deċiżjoni li ma jinħariġx permess lil El Hiblu biex jiġi Malta. Huwa jispjega li jixtieq ikun jaf xi kriterja intużaw.

L-uffiċjal kompla jisħaq li hemm diversi kriterji iżda l-bastiment ma kellu l-ebda permess jidħol f’Malta. Qal ukoll li l-kaptan baqa’ jgħid li ġej lejn Malta.

12:32 Wara pawża qasira, nerġgħu lura fl-awla.

10:59 Jibda l-kontro-eżami mill-avukat Malcolm Mifsud. L-uffiċjal ġie mistoqsi jekk kienx qed jieħu instruzzjonijiet jew kienx qed jiddeċidi hu.

L-uffiċjal tal-AFM jgħid li EUNAV SOPHIA għamel kuntatt maċ-ċentri tas-salvataġġ taż-żona kien meta l-AFM daħlet fix-xena. L-ajruplan informa liċ-ċentri b’bastiment aħmar li kien f’ibħra li jaqgħu taħt iż-żona tat-tfittxija u salvataġġ Libjana iżda mhux f’ibħra territorjali Libjana.

L-avukat Mifsud saqsa jekk dak il-ħin kienx hemm allegazzjoni ta’ piraterija. L-uffiċjal jiċċekkja l-korrispondenza jgħid li ma kien hemm l-ebda allegazzjoni ta’ piraterija jew ħtif.

Mifsud saqsa lill-uffiċjal għala ntbagħat l-ajruplan tal-AFM, bl-uffiċjal jgħid li l-ajruplan ntbagħat biex ikun hemm kuntatt ma’ El Hiblu 1 u jivverifikaw l-intezzjonijiet tal-Kaptan hekk kif sa dal-ħin kien għadu fiż-żona tat-tfittxija u salvataġġ tal-Libja.

Mifsud saqsa jekk hux korrett meta staqsa jekk l-għan tal-ajruplan kien li jivverifika s-sitwazzjoni abbord, bl-instruzzjonijiet li jekk il-bastiment għandu l-ħsieb li jidħol Malta, l-ajruplan kellu jwissi l-bastiment li ma jistax jagħmel dan.

L-uffiċjal spjega li wara ġiet ivverifikata s-sitwazzjoni, l-Forzi Armati taw instruzzjonijiet biex il-bastiment ma jidħolx Malta.

L-avukat qed jitlob lill-uffiċjal jikkonferma li ġara kien hekk:

  • EUNAV Sophia informa liċ-ċentri bil-presenza ta’ El Hiblu 1
  • Ajruplan tal-AFM informa lill-Kaptan li ma jistax jidħol Malta
  • Kien hawn li l-Kaptan informa lill-Forzi Armati ta’ Malta li ma kellux il-bastiment taħt il-kontroll tiegħu.

L-uffiċjal wieġeb li mhux korrett għal kollox, kien wara li qallilhom li ma għandux kontroll tal-bastiment umbgħad inħarġu l-istruzzjonijiet biex ma jidħolx Malta.

Spjega li l-Kaptan ta’ El Hiblu kien talab l-għajnuna lill-Gwardja tal-Kosta tal-Libja iżda dawn ma wieġbux.

Il-kaptan wieġeb ‘no instructions no instructions from yesterday, what do you want from me?’ bl-uffiċjal jgħid li probabli l-kaptan tħawwad bejn l-ajruplani.

Mifsud josserva li l-ġurnata ta’ qabel ma kienx hemm ħtif. Huwa jgħid li kien MRCC Ruma li għamel kuntatt ma’ El Hiblu għan-nom tal-awtoritajiet Libjani dwar l-operazzjoni tas-salvataġġ. Huwa stenna l-istruzzjonijiet mingħand il-Gwardja tal-Kosta tal-Libja. L-uffiċjal qal li l-awtoritajiet Libjani pruvaw jagħmlu kuntatt mal-El Hiblu. Jidher li l-bastimenti tal-awtoritajiet Libjani kellhom ħsara fil-magna, iżda l-uffiċjal ma setax jellabora għax dak li jaf huwa mill-korrispondenza li ġiet preżentata fil-Qorti.

L-uffiċjal tal-AFM jgħid li qabel ma biddel ir-rotta lejn Malta kien fil-fatt sejjer lejn Nofsinhar.

Iċ-ċentru tal-koordinazzjoni ta’ Ruma kien qed jaġixxi għan-nom tal-awtoritajiet Libjani.

L-ewwel kuntatt bejn P21 u El Hiblu saret fit-28 Marzu.

L-uffiċjal ġie mistoqsi dwar il-kommunikazzjoni li saret mal-immigranti fejn kienu qed jitkarrbu għall-għajnuna. L-uffiċjal qal li huma jikkommunikaw mal-Kaptan biss biex jivverfikaw is-sitwazzjoni, sostna li huma saqsew lill-kaptan diversi drabi jekk kinitx qed tintuża l-forza kontrih, bil-kaptan ikompli issostni li kien taħt forza u kien attakk ta’ piraterija.

L-uffiċjal saħaq li sa fejn kien jaf hu, il-persuna kienet qed tkellmu kien il-Kaptan. Wara ġie stabbilit li kien il-First Officer u mhux l-kaptan kif ħaseb l-uffiċjal.

L-avukat Mifsud saqsa jekk kull darba li ngħataw l-istruzzjonijiet lill-bastiment, dawn inżammew. L-uffiċjal jgħid li iva u le, meta ma nżammewx kien minħabba l-kundizzjonijiet tat-temp. Jgħid li l-bastiment ngħata l-istruzzjonijiet li l-bastiment għandu jkompli jekk għadu taħt il-forza, jekk le għandu jieqaf hemm. Il-kaptan baqa’ għaddej sal-ibħra territorjali Maltin.

Il-Maġistrat staqsa dwar x’ġara wara li l-bastiment daħal fl-ibħra territorjali Maltin. L-uffiċjal qal li malli wasal fil-pożizzjoni li ngħata fl-ibħra Maltin, saret l-interrogazzjoni qabel ma telgħu fuq il-bastiment. Madwar il-bastiment kien hemm żewġ dinghies u żewġ Patrol Boats (P21, P51).

L-uffiċjal jgħid li El Hiblu ma wieġibx meta l-P21 pruvat tagħmel kuntatt mal-bastiment waqt li qiegħed fit-triqtu lejn il-pożizzjoni li ngħata fl-ibħra Maltin. Xi nofsiegħa wara El Hiblu wieġeb lil P21 li sejjer fil-pożizzjoni li ngħata.

L-uffiċjal qal li l-istruzzjonijiet biex El Hiblu jiddaħħal fil-port ittieħdu minn ‘awtoritajiet għolja’.

Mifsud isaqsi lill-uffiċjal jispjega x’inhi l-proċedura f’każ tat-tfittxija u salvataġġ.

L-avukat Neil Falzon jistaqsi xi tfisser li l-awtoritajiet Taljani kienu qed jaġixxu f’isem l-awtoritajiet Libjani. L-uffiċjal jwieġeb li kull m’hemm il-korrispondenza. Falzon isaqsi jekk kienx jaf dwar l-istruzzjonijiet li El Hiblu ngħata kien li jsalva l-immigranti u li kellhom jiltaqgħu f’pożizzjoni fejn kellhom jiltaqgħu mal-awtoritajiet Libjani biex jgħaddu lill-persuni lill-awtoritajiet Libjani. El Hiblu kellu jistenna iktar istruzzjonijiet hekk kif kien hemm ħsarat fil-magna.

Falzon staqsa jekk qabel ma l-AFM ma tellgħu fuq il-bastiment fosthom il-pajjiż fejn huwa rreġistrat il-bastiment, il-Palau, biex b’hekk ikun hemm ġurisdizzjoni tal-awtoritajiet Maltin fuq il-bastiment.

L-uffiċjal jgħid li l-ijmejl mill-Palau qisu għadda l-każ lill-awtoritajiet il-Maltin. Iżda l-uffiċjal qal li fuq l-ibħra internazzjonali huma biss għamlu moniteraġġ.

Spiċċa jixhed l-uffiċjal tal-AFM.

10:10 Jitla’ jixhed l-ewwel l-uffiċjal tal-AFM. Il-Maġistrat ordna li l-ismijiet u l-kariga tal-uffiċjali tal-AFM ma jiġux mxandra fuq l-mezzi tal-midja.

L-uffiċjal jgħid li l-ajruplan ta’ EUNAVFORMED informa lill-armata li kien hemm bastiment aħmar li kien fi triqtu lejn it-tramunata. Wara l-ajruplan għamel interrogazzjoni ta’ rutina lill-bastiment, l-ajruplan informa lill-awtoritajiet Maltin li kien hemm l-immigranti abbord u li kienu sejrin lejn it-tramuntana ta’ Malta.

L-ajruplan tal-AFM KingAir beda jagħmel moniteraġġ tas-sitwazzjoni. L-ajruplan għamel kuntatt mal-bastiment biex jara x’kienu l-intezzjonijiet tal-bastiment. Bil-kaptan jgħid lill-ajruplan li ma jistax jieqaf li se jkomplu lejn Malta u li l-bastiment kien taħt attakk. Il-kaptan qal lill-AFM li jinsabu taħt attakk ta’ piraterija.

L-ajruplan tal-AFM baqa jipprova jitkellem mal-Kaptan, bil-kaptan jgħid li mhux f’pożizzjoni li jitkellem. Fl-aħħar il-kaptan qal li s-sitwazzjoni hi waħda kerha, u li se jkompli lejn il-Belt.

Meta mistoqsi mill-AFM dwar jekk il-kaptan hux fil-kontroll tal-bastiment, il-Kaptan wieġeb li mhux fil-kontroll tal-bastiment iżda li qiegħed taħt pressjoni.

Qabel l-ajruplan KingAir ma daħal lura Malta, informa lill-bastiment El Hiblu 1 li ma għandu l-ebda dritt jidħol Malta.

Il-Gwardja tal-Kosta Libjana infurmat lill-Forzi Armati ta’ Malta li huma kienu għamlu kuntatt ma’ El Hiblu 1, u li f’daqqa waħda dan biddel id-direzzjoni. Il-Gwardja tal-Kosta Libjana kompliet tgħid li dan jaf seta’ ġara minħabba li xi nies abbord setgħu ħadu taħt il-kontroll tagħhom il-bastiment u għalhekk inbidlet id-direzzjoni.

L-uffiċjal kompla jispjega li l-AFM komplew jagħmlu sorvelljanza tal-bastiment sakkem wasal madwar 24 mil nawtiku patrol vessel tal-AFM interċettat il-bastiment El Hiblu. Għal darb’oħra saret interrogazzjoni biex tara x’inhuma l-intezzjonijiet tal-kaptan u jekk jafx li ma jistax jidħol ġo l-ibħra Maltin.

Il-Kaptan qal ‘Ok sir, imma l-bastiment mhux taħt il-kontroll tiegħi’. Kompla jispjega li dak il-ħin bdew jinstemaw l-immigranti fuq il-VHF.

Meta mistoqsi x’instema fuq il-VHF l-uffiċjal qara mir-recording ‘Please, please we cannot go back, we have children, three days no food, please we cannot go back‘.

L-uffiċjal qal ma jistax jikkonferma minn qal dan il-kliem.

Il-Kaptan ta’ P21 staqsa lill-Kaptan ta’ El Hiblu 1 jekk għadux bla kontroll tal-bastiment tiegħu, dan wieġeb iva.

L-AFM saqsa lill-Kaptan jekk kienx hemm persuni mweġġa’ fuq il-bastiment, bil-kaptan tal-El Hiblu jgħid li ħafna ġġieldu miegħu għax ma rridx jibdel ir-rotta lejn Malta.

Il-P21 spjega li se jkun hemm riperkussjonijiet talli ntużat il-forza.

Meta kien il-barra madwar 29 mil nawtiku il-barra mill-kosta ta’ Malta, il-P21 informa l-Kaptan jekk il-bastiment għadu mhux taħt il-kmand tiegħu u jekk l-ekwipaġġ għadu mhedded dan għandu jipproċedi għall-pożizzjoni li ngħata.

P21 ta żewġ pożizzjonijiet lil El Hiblu, kemm f’ibħra Maltin u kemm il-barra.

Il-Patrol Boat kienet madwar mil nawtiku ‘l bogħod minn El Hiblu meta ngħataw dawn iż-żewġ pożizzjonijiet. L-Uffiċjal spjega li din id-distanza żammewha anki għax kienu għadhom f’ibħra internazzjonali u ma kellhomx ġurisdizzjoni biex jintervjenu.

Ladarba El Hiblu daħal fl-ibħra territorjali Maltin, l-uffiċjal spjega li Patrol Boat oħra (P51) intbgħatet għall-pożizzjoni li ngħatat lil El Hiblu 1 fl-ibħra Maltin. Ma’ P51 kien hemm żewġ dinghies li fuqhom kien hemm l-ekwipaġġ biex jitla’ fuq El Hiblu.

L-uffiċjal kompla jispjega minħabba l-allegazzjoni li kien hemm ħtif, il-kmand iddeċida li jitla’ fuq il-bastiment. Qabel ma ġara dan mill-uffiċjali tal-AFM, il-kaptan reġa’ ġie mistoqsi. Huwa kien mistoqsi jekk kienx fil-kmand tal-bastiment, bil-kaptan ta’ El Hiblu 1 jgħid li f’dak il-ħin huwa kien fil-kmand tal-bastiment.

L-uffiċjal preżenta diversi dokumenti. Fosthom korrispondenza maċ-Ċentru tal-Koordinazzjoni Marittima ta’ Ruma għan-nom tal-Gwardja tal-Kosta tal-Libja għax din ma setgħetx tikkommunika ma’ El Hiblu. Kien l-MRCC ta’ Ruma li talab lil El Hiblu 1 jagħmel is-salvataġġ.

10:00 Jibda l-kontro-eżami l-avukat tad-difiża saqsih minn fejn kienu ġejjin l-immigranti bl-Ispettur Zammit iwieġeb ‘They were fleeing from Libya like all immigrants’. L-avukat Mifsud isaqsih jekk jafx x’inhu għaddej il-Libja. L-Ispettur jwieġeb ‘ħeq, naf mill-aħbarijiet.’

Mifsud ikompli jsaqsi għalfejn l-AFM telgħu fuq il-bastiment u għala wieħed minn dawk li kienu mitkellma ttieħed l-isptar.

L-Ispettur jgħid li ħadd ma kien imweġġa’ u ma kienx hemm sinjali ta’ vjolenza, iżda l-persuna ttieħed l-isptar minħabba li kien ma jiflaħx.

Mifsud isaqsi jekk kienx jaf jekk kienx hemm armi fuq il-bastiment.

L-Ispettur jgħid li kien hemm għodda li tintuża fuq il-bastiment, bħal martell eċċ, iżda ma kienx hemm armi.

L-avukat Neil Falzon isaqsi lill-Ispettur dwar l-instruzzjonijiet li ngħataw lill-kaptan mill-ajruplan tal-militar. L-ajruplan tal-militar qal lill-bastiment biex jagħmlu t-tfittxija tas-salvataġġ u li kellhom jiltaqgħu maż-żewġ bastimenti biex jittieħdu l-Ewropa.

Newsbook.com.mt kien irrapporta li fil-ħin tat-tfittxija possibilment ajruplan tal-AFM kien fl-akwati.

09:40 Jibda l-Ispettur Omar Zammit, huwa jgħid lill-Qorti li fis-27 ta’ Marzu huwa ġie nfurmat li kien hemm bastiment bl-isem ta’ El Hiblu 1 li allegatament kien maħtuf. Huwa jgħid li l-għada filgħodu l-bastiment kien taħt il-kontroll tal-AFM u kien se jidħol f’Boilers Wharf f’Malta. Il-bastiment kellu jasal sal-8.30am. Huwa jispjega li huwa tela’ fuq il-bastiment madwar l-10am. Jgħid li sa dak il-ħin l-immigranti kienu kollha abbord il-bastiment. Ikompli jispjega lic-Chief Officer qallu li kien ħelikopter tal-armata kien iddireġihom biex issalvaw numru ta’ persuni mill-għarqa. Skont id-direzzjonijiet li kellu l-bastiment, El Hiblu 1 kellu jieħu lura lill-persuni fil-Libja. Zammit jgħid li saqsa liċ-Chief Officer biex jindikalu min kienu dawk in-nies li ħatfu l-vapur, biċ-Chief Officer jindika ħames persuni.

L-ekwipaġġ qal lil Zammit li ajruplan tal-armata kien qalilhom biex jassistu lill-immigranti meta kienu madwar 60 mil ‘il bogħod mil-Libja. Sitta mill-immigranti ma rridux jitilgħu fuq El Hiblu 1 u riedu jkomplu waħidhom. Huwa jgħid li liċ-Chief Officer stennew diversi sigħat iżda ma rnexxillhomx jaqbdu lill-Gwardja tal-Kosta Libjana u ħadd ma ġie jintaqa’ magħhom. L-ekwipaġġ qal lil Zammit li umbgħad ġie deċiż li jmorru lejn il-Libja. Ladarba l-immigranti rrikkonoxxew il-kosta Libjana dawn ħaduha kontra.

L-ekwipaġġ ħallew wieħed mill-persuni jidħol fil-kabina fejn huwa spjega għala ma jridux imorru l-Libja.

‘Nippreferu mmutu milli nmorru lura l-Libja’

L-ekwipaġġ sostna li l-immigranti ma weġġgħhomx u ma ntużax vjolenza fiżika iżda huma beżgħu li jiġri dan, skont l-Ispettur.

Jidher li ċ-Chief Officer qal fuq l-VHF li l-awtoritajiet Maltin li kienu fi triqthom lejn Malta, jgħidilhom li huma ‘taħt attakk’.

Il-Forzi Armati Malta saqsew liċ-Chief Officer malli kienu qrib Malta, jekk kienux fil-kontroll tal-bastiment, bl-ekwipaġġ iwieġbu iva.

Wieħed mill-immigranti akkużati jitkellem tajjeb Ingliż ħalla statement fejn qal li huwa kien it-traduttur. L-immigranti qalu lill-ekwipaġġ li jippreferu jmutu milli jmorru l-Libja. Fid-dikjarazzjoni li ta l-immigrant li jitkellem l-Ingliż, qal li l-immigranti użaw għodda fuq id-dgħajsa u heddew li se jweġġgħu lilhom infushom jekk se jittieħdu l-Libja jew ikissru l-bastiment. L-Ispettur Zammit jgħid li fid-dikjarazzjoni tiegħu ż-żgħażugħ li jitkellem Ingliż qal li madwar 20-25 persuna qabdu l-għodda u bdew issabtu biha.

9:23 L-uffiċjal prosekutur daħħal numru ta’ akkużi ġodda fil-konfront tal-akkużati. L-akkużati huwa tfal li għandhom 15, 16 u 19-il sena. Il-prosekuzzjoni qed takkużahom li waqt li kien fl-ibħra territorjal ta’ Malta huma ħatfu l-bastiment, heddew li jagħmlu ħsara u heddew li jweġġgħu dawk preżenti. Huma ġew akkużati wkoll li ħatfu l-bastiment bil-forza, arrestaw u żammew kontra r-rieda tiegħu l-ekwipaġġ tal-bastiment, li bidlu r-rotta tal-bastiment, ikkawżaw biża’ li se tintuża vjolenza kontra l-ekwipaġġ, fost oħrajn.

Il-Maġistrat jispjega l-akkużi liż-żgħażagħ kif ukoll il-proċeduri fil-Qorti. Huwa jgħidilhom li fl-istadju xieraq huma jkunu jistgħu jixhdu filwaqt li għandhom iżommu f’moħħhom li kwalunkwe dikjarazzjoni li jistgħu jagħmlu tista’ tintuża bħala xhieda favurihom jew kontrihom.

Ir-reġistratur tal-Qorti tibda ssaqsi lill-akkużati x’jisimhom, minn fejn huma, kemm għandhom żmien, fost oħrajn.

It-tliet żgħażagħ huma mill-Guinea.

AQRA: Ħtif bastiment: 2 żgħażagħ qed jinżammu Kordin; “Qed jinjoraw drittijiethom”

09:20 Jibda jinstema’ l-każ tal-bastiment El Hiblu 1, fejn tliet żgħażagħ qed jitressqu fuq akkużi ta’ terroriżmu wara li allegatament il-bastiment inħataf minnhom.

Fl-awla hawn rappreżentati tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, rappreżentati tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Aaron Bugeja.

L-avukati Malcolm Mifsud, Neil Falzon u Gianluca Cappitta qed jidhru għall-akkużati.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Omar Zammit u l-Ispettur Crista Armeni.