Filmat: “Imiss diskussjoni fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika” – Il-PM

Il-Parlament Malti ltaqa'' f'format speċjali fl-okkażjoni tal-approvazzjoni tal-vot li ttieħed fil-Parlament ilbieraħ dwar il-liġi tal-Vot 16.
Rappreżentanti tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ) flimkien ma' żgħażagħ ta' bejn 16 u 17-il sena minn organizzazzjonijiet differenti ġew mistiedna mill-Membri Parlamentari biex jingħaqdu magħhom f'din is-sessjoni speċjali.
Aktar rappreżentanti ta' għaqdiet differenti kienu fl-Istrangers' Gallery isegwu dan id-dibattitu.
“Imiss diskussjoni fuq il-parteċipazzjoni tan-nisa fil-politika” – Il-PM
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li issa  jħares ‘il quddiem biex id-diskussjoni ma tkunx biss fuq l-età, iżda anke fuq il-parteċipazzjoni femminili.
Waqt sessjoni speċjali fil-Parlament bil-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, Dr Muscat qal li l-Gvern għandu mandat biex jieħu miżuri korrettivi biex fil-leġiżlatura li jmiss ma jkunx hemm diskrepanza fl-għadd ta’ deputati nisa u rġiel.
Fuq l-emendi li għaddew b’mod unanimu lbieraħ, il-Prim Ministru qal li hu kburi li sar dan il-pass fil-Parlament għax meta hu stess kien semma’ din il-kwistjoni disa’ snin ilu, ma kienx hemm unanimità.
Fi kliem il-Prim Ministru, min qed jgħid li ttieħdet din id-deċiżjoni biex jinxtraw il-voti taż-żgħażagħ, ma jafx kemm nies ta’ 16-il sena ma jinxtrawx b’dawn l-affarijiet.
Semma wkoll li bħalissa qed issir diskussjoni fuq il-Liġi ta’ Vjolenza Domestika abbażi tal-ġeneru, li se tbaxxi l-età tal-kunsens sesswali għal 16-il sena wkoll.