Filmat: Ix-xbieha ta’ Ġesù fil-morda u fil-ħabsin ukoll – l-Arċisqof

knisja.mt/ritratti

L-Arċisqof Charles Scicluna sostna li fil-morda fl-isptarijiet u fil-ħabsin fil-faċilitajiet korrettivi, hemm ukoll ix-xbieha ta’ Ġesù.

F’riflessjoni qsajra waqt l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, Mons. Scicluna rrifletta fuq kliem Ponzju Pilatu, Ecce Homo, li fi kliem l-Arċisqof fihom verità profonda fuq diversi livelli.

Hawn hu l-bniedem: L-Arċisqof jgħid li kull min hu mżebblah u mwarrab mill-bnedmin, kull bniedem li jbati u kull bniedem li jaf x’inhu l-mard, illum jista’ jħares lejn Ġesù u jtenni kliem Ponzju Pilatu.

Dan jaf jagħmel il-bniedem: Mons. Scicluna stqarr li meta wieħed iħares lejn it-tbatija ta’ Ġesù, jifhem ukoll fejn tista’ tasal il-kefrija tal-umanità. Fisser kif fit-tbatija ta’ Ġesù naraw id-disprezz tal-umanità għall-verità, għall-ħajja u għal dak kollu li jfisser inġustizzja, rabja inġusta u qtil.

Bis-swat tiegħu sibna l-fejqan tagħna: L-Arċisqof Charles Scicluna semma wkoll kif it-tielet sinifikat ta’ Ecce Homo huwa li bis-swat ta’ Ġesù aħna sibna l-fejqan tagħna. Spjega li l-Mulej xeħet fuqu l-ħażen ta’ kull wieħed u waħda minna, biex isalvana.

X’kienet tinkludi l-funzjoni tal-lum?

Illum, il-Ġimgħa l-Kbira, fit-3.30pm, l-Arċisqof Charles Scicluna mexxa l-Azzjoni Liturġika tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej fil-Konkatidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Din il-liturġija tinkludi r-Rakkont tal-Passjoni skont San Ġwann, l-Adorazzjoni tas-Salib u t-Tqarbin.

It-Tifkira Solenni tal-Passjoni u l-Mewt tal-Mulej issir biex il-fidili jifhmu li qed jgħixu mument b’mument il-ħinijiet l-iktar importanti fil-Misteru tal-Fidwa tagħna. Skont l-Arċidjoċesi ta’ Malta, l-enfasi ta’ din l-azzjoni liturġika hija mibnija fuq is-skiet u l-ġabra. Is-sempliċità ta’ din iċ-ċelebrazzjoni żżid fid-drammatiċità tagħha u hekk tgħin iktar lill-Insara jirriflettu fuq dan il-ħin għażiż fil-ħajja ta’ Ġesù.

Ma ntużawx strumenti, kant bil-vuċijiet biss

Waqt iċ-ċelebrazzjoni ma ntużawx strumenti ta’ mużika iżda kant bil-vuċijiet biss.
Id-drammatiċità toħroġ mid-dlam fil-Knisja, u mill-ħinijiet ta’ skiet, fid-dħul, waqt li
ċ-ċelebranti jimteddu mal-art, qabel ir-Rakkont tal-Passjoni, bejn talba u oħra, waqt
il-wasla tas-Salib għall-Adorazzjoni, waqt li jitneżża’ l-artal, waqt li jitwassal
Ġesù Ewkaristija u fil-ħruġ; kollha huma mezzi ta’ talb u riflessjoni.

Iċ-ċelebrazzjoni kien fiha tliet taqsimiet:

  • Liturġija tal-Kelma u Talbiet Universali
  • Adorazzjoni tas-Salib
  • Tqarbin

Bħalma jsir fil-Ġimgħa l-Kbira biss, wara l-Azzjoni Liturġika, l-Insara ġew imħeġġa jinżlu
għarkupptejhom quddiem is-salib li permezz tiegħu l-Mulej wasslilna s-Salvazzjoni.

Aqra: Dak kollu li għandek tkun taf dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Ġimgħa Mqaddsa

Dan is-servizz huwa pprovdut mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tal-Kurja –
www.knisja.mt