Filmat: It-tberik taż-żjut fil-Katidral tal-Imdina

L-Arċisqof Charles Scicluna qed jiċċelebra l-Quddiesa tat-tberik taż-żjut fil-Katidral ta’ San Pawl fl-Imdina. Tul iċ-ċelebrazzjoni, is-saċerdoti ġeddew ukoll il-wegħdiet saċerdotali.

Din il-Quddiesa li ssoltu ssir f’Ħamis is-Xirka qed issir illum, lejlet is-Solennità ta’ San Pietru u San Pawl, minħabba l-pandemija tal-Covid-19.

Fl-Omelija, l-Arċisqof ħeġġeġ lill-Kappillani u lis-saċerdoti preżenti biex fuq il-passi ta’ San Pietru jsegwu l-ħarsa ta’ Ġesù tigwidahom bl-imħabba.

Għalxiex jintuża ż-żejt imbierek?

Dawn iż‑żjut jintużaw fiċ‑ċelebrazzjoni tas‑sagramenti matul is‑sena, sa Ħamis ix‑Xirka ieħor. Iż‑żejt tal‑griżma jintuża wkoll waqt l‑ordinazzjoni ta’ saċerdoti u isqfijiet u fil‑konsagrazzjoni ta’ knejjes jew altari, u ser ikun qed jintuża wkoll waqt l-ordinazzjoni presbiterali li se ssir għada.

Għalfejn jiġġeddu l-wegħdiet?

L‑enfasi ta’ din il-Quddiesa huwa fuq l‑għaqda li Ġesù xtaq li jkun hemm bejn dawk li jemmnu fih, b’mod speċjali dawk li ġew fdati biex ikomplu l‑ħidma tiegħu. Fiha s‑saċerdoti jġeddu l‑wegħdiet tal‑ordinazzjoni saċerdotali tagħhom, b’tiġdid ta’ impenn tal‑għaqda bejniethom u mal‑isqof tagħhom. Jitbierku wkoll iż‑żjut tal‑morda u tal‑katekumeni, u jiġi kkonsagrat iż‑żejt, mħallat bil‑fwejjaħ, tal‑griżma.