Filmat: Żieda fil-każijiet ta’ ħasil ta’ flus

Read in English.

Matul l-2019 f’Malta ġew irreġistrati aktar każijiet ta’ ħasil ta’ flus. Dan joħroġ mir-riżultati tar-rapport annwali tal-kriminalità f’Malta li tħabbru mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri.

Fir-rapport ingħad kif il-każijiet ta’ ħasil ta’ flus fl-2019 żdiedu b’9% għal total ta’ 36 każ. Din il-kategorija bdiet tiġi rrekordjata spearatament mill-każijiet l-oħra mill-2017 fejn ġew irrappurtati 17-il każ filwaqt li fis-sena 2018 kien hemm 33 każ.

Huwa ħabbar ukoll li r-rata ta’ kriminalità naqset bi 2.1% biex fl-2019 kien hawn 31 każ għal kull 1,000 persuna. Dan ifisser li f’Malta ġew irreġistrati total ta’ 15,589 każ. Ir-rata medja fl-Unjon Ewropea hija ta’ 59 każ għal kull 1,000 persuna. Il-Ministru qal li din ir-rata naqset għal tliet snin konsekuttivi.

Kategoriji oħra ta’ kriminalità li fihom żdiedu l-każijiet kienu dawk ta’ ksur tal-paċi pubblika, reati sesswali, serq u ħruq ta’ propjetà pubblika jew privata.

Il-ġimgħa d-dieħla jittieħed vot dwar il-ħatra ta’ Kummissarju tal-Pulizija

Il-ġimgħa d-dieħla l-Parlament se jkun qed jivvota biex japprova l-proċess li bih se jkun qed jintgħażel Kummissarju tal-Pulizija. Fl-istess konferenza tal-aħbarijiet li saret b’sistema onlajn, il-Ministru Camilleri ħabbar li l-abbozz ta’ din il-liġi wasal fit-tielet qari u se jintalab vot il-ġimgħa d-dieħla.

Il-Ministru Camilleri qal li Malta tibqa’ wieħed mill-aktar pajjiżi siguri fl-Unjoni Ewropea u stqarr li dan jirrifletti tajjeb fuq il-Korp tal-Pulizija.

Huwa faħħar il-Pulizija fil-komunità bħal proġett pilota li nbeda fil-Mellieħa li qal li se tiġi estiża fosthom f’lokalitajiet oħra fosthom fir-Rabat, Ħad-Dingli, l-Imdina, Pembroke u l-Fgura.

Dwar Paceville, il-Ministru qal li San Ġiljan irreġistra l-inqas rata ta’ kriminalità fi ħmistax-il sena. Il-Ministru qal li dan it-tnaqqis ġie rreġġistrat anke minkejja li n-negozju fl-aħħar snin żdied.

Coronavirus: Pjan ta’ kontinġenza għall-Pulizija f’każ ta’ żieda fil-kriminalità

Il-Ministru Camilleri ħabbar ukoll li l-Pulizija għandha pjan ta’ kontinġenza dwar l-imxija tal-coronavirus. Waqt li wieġeb għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti b’mod virtwali huwa qal li jista’ jkun li jkun hemm żieda ta’ każijiet u għaldaqstant il-Pulizija qed tħejji l-pjanijiet meħtieġa. Fisser li fosthom hemm l-għeluq ta’ xi għases biex minflok ikun hemm rondi tal-Pulzija fit-toroq.

Huwa qal dan anki fid-dawl ta’ komunikazzjoni mill-Interpol li xi persuni jistgħu jieħdu vantaġġ minn persuni vulnerabbli f’dawn iż-żminijiet diffiċli.