Filmat: Ippreżentati l-kandidati Laburisti għall-Kunsilli

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Joseph Muscat ippreżenta l-kandidati tal-Partit Laburista għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

F’din l-attività li saret fil-Batterija tal-Barrakka fil-Belt Valletta, il-Prim Ministru qal li l-grupp ta’ kważi 400 kandidat u kandidata huwa l-ikbar grupp li qatt ippreżenta Partit politiku f’Malta sa minn kemm ilhom isiru l-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali.

Qal li huwa grupp divers mifrux li jirrappreżenta l-firxa kollha tas-soċjetà, b’aktar minn terz huma kandidati li għandhom anqas minn 35 sena, b’żewġ kandidati li għandhom inqas minn 18-il sena.

24% huma nisa u terz minnhom ġejjin mill-programm Lead, li l-Partit Laburista organizza għan-nisa imħajjrin jidħlu fil-politika. Semma wkoll li l-kandidati Laburisti għandhom firxa reġjonali u hawn semma żieda ta’ kandidati f’Għawdex.

Fil-messaġġ politiku tiegħu, il-Prim Ministru qal li l-Partit Laburista se jaħdem biex iġib l-aħjar riżultat fil-25 ta’ Mejju iżda sostna li wara din il-ġurnata, l-kandidati eletti jridu jaħdmu biex iġibu l-lokalità l-ewwel.

Fakkar kif il-Partit Nazzjonalista ma kienx kapaċi joħroġ biżżejjed kandidati fuq għadd ta’ lokalitajiet filwaqt li semma wkoll il-manifesti speċifiċi għal-lokalitajiet li l-Partit Laburista se jniedi fil-ġranet li ġejjin.

L-elezzjoni għall-Kunsilli Lokali se ssir ma’ dik tal-Membri għall-Parlament Ewropew, is-Sibt 25 ta’ Mejju.

AQRA: Elezzjonijiet 2019: L-ewwel riżultati mistennija kmieni l-Ħadd