Filmat: Jakkużaw lill-AFM bi qtil meta l-persuni huma kollha ħajjin – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela stqarr li l-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) qed jiġu akkużati bi qtil ta’ persuni li huma kollha ħajjin.

Abela qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat minn Angela Agius fuq l-istazzjon ONE, l-istazzjon tal-Partit Laburista.

Dr Abela rrimarka li d-denunzja takkuża lill-AFM bi qtil volontarju meta “dawn il-persuni li suppost inqatlu qed jippreparaw għall-ikla ta’ nofsinhar.” Qal li dawn l-immigranti kienu fuq dgħajsa li kienet fiż-żona ta’ salvataġġ ta’ Malta u li l-immigranti li kienu fuqha tniżżlu Malta.

Skont Abela l-Partit Laburista qatt ma għamel ħsara lill-Malta u li l-Oppożizzjoni qed tipprova tbeżża’ lill-membri tal-AFM milli jagħmlu xogħolhom.

Skont Abela r-rapport kontrih u kontra l-armata sar mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi bil-barka tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li r-rapport sar mill-għaqda non-governattiva Repubblika u li ġiet iffirmata minn Azzopardi fil-kapaċità tiegħu bħala avukat u mhux bħala kelliem għall-Oppożizzjoni.

Abela qal li se jibqa’ jappoġġja u jiddefendi lill-AFM fid-dawl tat-talba biex issir investigazzjoni fuq l-ekwipaġġ tal-patrol boat P52.

Saħaq li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ta l-appoġġ sħiħ tiegħu lejn id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.

Abela esprima s-solidarjetà u s-simpatija lejn l-immigranti.

“Abela jrid jifred fi żmien meta għandna nkunu magħqudin bħala poplu wieħed” – PN

Il-PN qal li Robert Abela l-ewwel jippriedka dwar l-għaqda nazzjonali imbagħad b’mod mill-iżjed qarrieqi qed jagħżel li jifred lin-nies fi żmien meta l-poplu għandu jkun magħqud biex jirbaħ il-kriżi tal-COVID-19.

“Għal darb’oħra Robert Abela reġa’ uża l-virus u l-isfidi relatati mal-immigrazzjoni biex iqajjmu sentimenti ta’ biża u dubju fost in-nies, meta qal li l-Oppożizzjoni rrappurtat lilu u membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, meta jaf għax hu stess huwa avukat, li din il-kawża infetħet f’isem is-soċjetà ċivili,” qal il-PN.

Il-PN qal li ma jista’ qatt jaċċetta li f’soċjetà demokratika jsiru attakki kontra avukati, jkunu min ikunu, li jaġixxu għan-nom tal-klijenti tagħhom.

“Robert Abela qed jagħżel li jattakka lil min jikkritikah u juża l-istazzjon nazzjonali biex jipprova jikkontrolla lill-poplu,” qal il-PN.