Filmat: Prof. Gauci tgħid li baqgħalna u Abela jgħid li dalwaqt – Delia

Aġġornat 03:35 PM

Read in English.

Intervistat fuq NET FM

Intervistat fuq NET FM

Posted by Adrian Delia on Saturday, April 25, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li filwaqt li l-Prof. Charmaine Gauci qed tgħid li fadal iż-żmien biex tgħaddi s-sitwazzjoni tal-coronavirus il-Prim Ministru Robert Abela qed jgħid li din xi ħaġa ta’ dalwaqt u li issa ġej is-sajf. Delia appella lin-nies biex jisimgħu mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal dan waqt intervistat fuq NET FM, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.

Delia appella biex in-nies ma jingħatawx messaġġi kontradittorji mill-awtoritajiet. Filwaqt li l-awtoritajiet ta’ kuljum qed jappellaw lin-nies biex ma joħorġux, Delia qal li Abela qal li ma jimpurtax billi l-anzjani joħorġu xi ftit.

Delia faħħar il-ħidma tal-Prof. Gauci u tal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne. Staqsa jekk Robert Abela hux qed jgħix f’dinja għalih. Appella lil Abela biex ma jkunx populist.

Fl-aħbarijiet jgħid li jħobb lil Malta, imbagħad ma jnaqqasx il-kontijiet – Delia

Delia kkritika lil Abela talli fl-aħbarijiet jgħid li jħobb lil Malta meta mbagħad ma jnaqqasx il-kontijiet tad-dawl u tal-ilma għall-Maltin li qed ibatu minħabba l-coronavirus.

Delia qal li l-prezz taż-żejt tant niżel li dawk li qed jipproduċuh qed iħallsu lin-nies biex iżommuh. Qal li l-pajjiżi kollha Ewropej ħlief Malta naqqsu l-prezzijiet tal-enerġija u tal-fuel.

“Għala? Għax f’Malta m’hawnx normalità,” qal Delia. “Hu biss iħobb lil pajjiżu,” saħaq Delia b’referenza għal Abela.

Fi kliem Delia l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna qal li għandu jdejh marbutin minħabba l-involviment taċ-Ċina fil-powerstation. L-istess dwar l-isptarijiet li ngħataw lill-Vitals. Delia saħaq li qed jinsterqu l-miljuni u akkuża lill-Gvern Laburista li tilef ir-ruħ soċjali tiegħu.

Iċ-ċentri ma jifilħux aktar – Delia

Delia qal li ċ-ċentri tad-detenzjoni ma jifilħux aktar nies. Qal li Malta lesta li ssalva l-ħajjiet imma li għandha bżonn ir-riżorsi.

Skont Delia hemm ghettos fil-Marsa, fil-Ħamrun, fil-Mosta, u f’San Pawl il-Baħar fost postijiet oħra.

Delia tkellem ukoll dwar il-Korp tal-Pulizija. Qal li jistenna li ssir ġustizzja mal-kbir u maż-żgħir. Ikkritika l-perjodu definit ta’ erba’ snin li għalih se jservi l-kummissarju l-ġdid. Qal li m’hemmx ħsieb wara din il-miżura peress li huwa perjodu qasir wisq.

Delia kkritika wkoll l-iskema tal-Investitur Individwali Privat (IIP) li ddeskriviha bħala l-bejgħ tal-passaporti.

L-APAN favur it-traħħis tal-kontijiet

L-Assoċjazzjoni Pensjonanti u Anzjani Nazzjonalisti (APAN) qalet li taqbel mal-proposta li jorħsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma b’50%.

“Għall-bidu, l-APAN baqgħet ftit lura milli tagħmel tagħha din it-talba għax b’xi mod, l-anzjani għandhom pensjoni, li kbira jew żgħira, mhix se tonqsilhom minħabba l-kriżi tal-pandemija. Fiċ-ċirkustanzi prevalenti, kien aktar urġenti li jiġi assigurat id-dħul tas-salarji tal-ħaddiema u li ma jitilfux ix-xogħol, imma issa huwa l-mument meta l-prezz tal-żejt niżel għal dan il-livell, li l-poplu Malti ħaqqu jgawdi minn dan ir-roħs biex ipatti għat-telf finanzjarju sostanzjali li l-epidemija ġabet fuq il-familji Maltin u Għawdxin,” qalet l-APAN.