Read in English.
Il-PM Robert Abela qal li l-Gvern mhux se jkun qed jixtri l-isptar prefabrikat. Qal li dan ġie deċiż fuq parir tal-awtoritajiet tas-saħħa.
Abela qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon ONE, l-istazzjon tal-Partit Laburista.
Ħabbar ukoll li r-ristoranti u l-hairdressers jaf jinfetħu sal-aħħar tal-ġimgħa d-dieħla.
Il-PM qal li Malta għamlet l-akbar suċċess fid-dinja dwar il-coronavirus. Però, ma speċifikax dwar f’liema qasam u ma kkwotax sorsi dwar dan. Spjega li element ewlieni dwar dan is-suċċess kien it-trasparenza tal-Gvern.
“F’dawn l-aħħar ġimgħat konna fattwali ta’ kuljum,” qal Abela. Żied jgħid li jiddispjaċih li hemm min irid idaħħal sens ta’ dubju li Malta mhix miexja l-quddiem. Qal li Malta tinsab fl-aqwa stat tagħha mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn.
Fi kliem Abela ż-żieda “ċkejkna” fil-każijiet f’dawn l-aħħar jiem hija riżultat tan-numri rekord ta’ testijiet li qed isiru għall-coronavirus.
Abela qal li bħalissa hawn mad-90 każ f’Malta u qal li imkien fid-dinja hemm xi post li għandu l-istess numru ta’ każi. Qal li l-maġġoranza tagħhom għandhom sintomi ħfief u li qed ifejqu lilhom infushom id-dar. Żied jgħid li s-soddod fl-isptarijiet li huma attrezzati għall-pazjenti huma vojta.
Il-PM ikkritika lil dawk li allega li qed ibeżżgħu bit-tieni mewġa. Abela qal li l-mewġ fil-baħar qiegħed u li l-aħar ħaġa li jistgħu jagħmlu n-nies hi li jmorru u jgawdu l-baħar. Qal li għandhom iżommu d-distanza minn xulxin.
Abela qal ukoll li wieħed m’għandux iżomm lin-nies kastigati d-dar jekk l-evidenza xjentifika tgħid li m’hemmx għalfejn isir hekk.
Prim Ministru li jrid igawdi s-sajf – PN
F’reazzjoni l-PN qal li Robert Abela llum wera biċ-ċar li d-deċiżjonijiet jeħodhom biex jimpika mal-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mas-Supretendent tas-Saħħa Charmaine Gauci.
“Għax irid igawdi s-sajf u joħroġ bid-dgħajsa qed jiddeċiedi f’pika u għal dawn id-deċiżjonijiet se jkun il-poplu li jbati l-konsegwenzi, meta Robert Abela naqas milli jagħti s-serħan tal-moħħ u l-komfort li għandna l-ventilators u s-sodod meħtieġa għal kif u meta tolqotna t-tieni mewġa tal-virus,” qal il-PN.