Filmat: “Bilfors żdiedu l-każijiet tal-Covid-19 jekk ftaħna l-ajruport” – Il-PM

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat minn Lovin Malta

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat minn Lovin Malta

Posted by Partit Laburista on Sunday, August 23, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li minflok ngħidu li l-Gvern ħa deċiżjonijiet ħżiena u min ħa dawn id-deċiżjonijiet, għandna niffukaw fuq x’qed jiġri f’pajjiżi oħra wkoll, mhux biss f’Malta. Huwa qal li bilfors żdiedu l-każijiet tal-coronavirus ladarba nfetaħ l-ajruport.

Waqt intervista ma’ Lovin Malta, il-Prim Ministru qal li mhux Malta biss m’għadhiex titqies sigura minn pajjiżi oħra, imma dawn qed jagħlqu l-bibien għal xulxin ukoll. Huwa ċaħad li ħafna pajjiżi qed jiskoraġġixxu vjaġġar lejn Malta minħabba l-miżuri li tneħħew.

Sostna li d-deċiżjonijiet minn Marzu ‘l hawn ittieħdu minnu, mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci. Dan wara li kien ġie allegat li hemm xi qasma bejn l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u l-Ministeru tas-Saħħa, billi dan tal-aħħar ma qabilx ma’ ċerti deċiżjonijiet meħudin.

666 każ attiv sal-bieraħ
31 każ pożittiv ġdid; 47 ifiqu

Sintomi ħfief, rata ta’ mwiet baxxa

Mistoqsi dwar il-famuż kumment tiegħu, “Il-mewġ fil-baħar qiegħed,” li ġie kritikat minn bosta persuni dwaru, Abela tenna li l-Gvern immaniġġja l-kriżi b’mod tajjeb. Qal li huwa minnu li l-każijiet qed jiżdiedu, imma wieħed ma jridx jinsa li s-sintomi huma ħfief, jew il-każijiet huma bla sintomi, filwaqt li l-mortalità hija baxxa ħafna.

Ġab eżempju bil-Lussemburgu li għandu popolazzjoni b’madwar 100,000 persuna aktar minn Malta, iżda r-rata ta’ mwiet hemmhekk hija ta’ 122, filwaqt li ta’ Malta hi ta’ 10 persuni. Il-Prim Ministru għadda l-kondoljanzi tiegħu lill-familja tal-aħħar vittma, li l-mewt tiegħu tħabbret nhar il-Ġimgħa li għadda.

L-ebda ndħil politiku fid-deċiżjoni li jitwaqqaf Xarabank

Fil-bidu tal-intervista, Chris Peregin minn Lovin Malta għadda kumment li din hija l-ewwel intervista ta’ Abela mal-midja indipendenti mindu beda l-kariga. Abela kkoreġieh u saħaq li jemmen ħafna fil-midja indipendenti, kif jemmen ukoll fil-pluraliżmu. Huwa ddefenda l-istazzjonijiet tal-partiti f’Malta, u żied li anke l-Knisja għandha l-istazzjon tagħha, u jemmen li dan il-pluraliżmu huwa meħtieġ.

Dwar il-fatt li l-programm Xarabank mhux se jibqa’ jixxandar wara 23 sena, Abela qal li din kienet deċiżjoni tal-PBS, u ma kien hemm l-ebda ndħil politiku fiha, minkejja li hu wiegħed li jwettaq riforma fix-xandir.

L-aħbar ġiet kritikata minn diversi persuni
Xarabank jitneħħa mill-istazzjon nazzjonali

“Ma jiddispjaċinix li dħalt għall-kariga ta’ Prim Ministru”

Rigward l-immigrazzjoni illegali, Abela semma kif din il-kwistjoni qed taffettwa lokalitajiet speċifiċi u l-Gvern lest jindirizza d-diffikultajiet li qed jaffaċċjaw. Fl-aħħar jien, il-Gvern ingħata petizzjoni ffirmata minn 40,000 persuna li huma kontra l-immigrazzjoni illegali u li jridu li jsir referendum fuq il-kwistjoni.

Is-Sindku tal-Ħamrun Christian Sammut stqarr ma’ iNews waqt intervista li l-Gvern m’għandux pjan fuq l-immigrazzjoni, u lokalitajiet bħall-Marsa u l-Ħamrun m’għandhomx biżżejjed infurzar. Il-PM qal li ma jaqbilx ma’ li qal Sammut u ma’ li qal ukoll is-Sindku tal-Marsa. Insista li l-Gvern għandu pjan, u l-ewwel prijorità tiegħu hi li jipproteġi lin-nies li għandhom iħossuhom siguri u komdi joħorġu mid-dar.

Lejn tmiem l-intervista, il-Prim Ministru ġie mistoqsi jekk jiddispjaċihx li huwa l-Prim Ministru ta’ Malta wara li fl-ewwel tmien xhur fil-kariga kellu jaffaċċja kwistjonijiet kbar, bħar-rapport tal-Moneyval, il-pandemija, u l-investigazzjoni tal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Abela wieġeb li filwaqt li seta’ ħa deċiżjonijiet differenti fuq ċerti suġġetti, hu ma jiddispjaċihx li hu l-Prim Ministru ta’ Malta.

Fl-intervista tal-Ħadd li għadda, il-Prim Ministru ħabbar li n-numru ta’ immigranti bil-coronavirus se jitneħħa min-numru ta’ każijiet attivi f’Malta. Dakinhar huwa ħabbar ukoll li se jittieħdu xi miżuri b’rabta mal-imxija tal-coronavirus. Dawn l-istess miżuri tħabbru l-għada stess mill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u mis-Supretendent għas-Saħħa Pubblika Prof. Charmaine Gauci, u jinkludu li l-gruppi huma limitati sa 15-il persuna.

F’dik il-konferenza għadd ta’ ġurnalisti staqsew lil Fearne dwar jekk jaħsibx li huwa sewwa li l-PM kien vaganza fi Sqallija. Fearne ma wiġibx għal dawn il-mistoqsijiet, filwaqt li Abela ġie kritikat minn bosta li mar fuq vaganza meta Malta għaddejja mit-tieni mewġa tal-coronavirus.