Filmat: “Jekk ikolli nieħu deċiżjoni fuq Muscat, ma nħarisx lejn uċuħ” – Abela

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat minn Prof. Andrew Azzopardi

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista, Robert Abela intervistat minn Prof. Andrew Azzopardi

Posted by Partit Laburista on Sunday, September 6, 2020

Read in English.

Il-Prim Ministru u Mexxej tal-Partit Laburista Robert Abela qal li jekk jasal il-waqt li jittieħdu xi deċiżjonijiet fuq Joseph Muscat bħala Membru Parlamentari, huwa mhux se jħares lejn uċuħ.

Dan qalu waqt intervista mad-Dekan tal-Fakultà għat-Tisħiħ tas-Soċjetà, Prof. Andrew Azzopardi li saret dalgħodu fuq ONE TV.

Abela ġie mistoqsi jekk lil Muscat huwiex qed joqgħod lura milli jwarrbu minn MP minħabba l-ħbiberija ta’ bejniethom, wara li isem Muscat qed jissemma kemm-il darba b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia fil-qorti. Abela qal li bħalma għandu ħbiberija ma’ Konrad Mizzi u Chris Cardona u ma sabx diffikultà jieħu deċiżjoni dwarhom, mhux se jsib diffikultà jieħu deċiżjoni fuq Muscat. Huwa ċaħad li Muscat qatt kien jew huwa konsulent tiegħu.

Il-PM itenni li ma jemminx li Keith Schembri tilef il-mowbajl

Mistoqsi mbagħad fuq meta se jitressaq il-qorti Keith Schembri minħabba li wkoll dejjem jissemma b’rabta mal-assassinju, Abela qal mill-ġdid li ma jemminx il-verżjoni ta’ Schembri li dan tilef il-mowbajl. Din kien diġà qalha meta kien għadu kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista fil-bidu ta’ Jannar li għadda.

Abela ma riedx jikkummenta fuq l-andament tal-investigazzjoni fuq Keith Schembri għax qal li mistoqsijiet bħal dawn iridu jsiru lill-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà u mhux lilu. Huwa faħħar lill-Kummissarju l-ġdid u qal li qed juri kemm huwa ta’ stoffa.

Immigrazzjoni: “L-ewwel interess tiegħi l-Maltin”

Prof. Andrew Azzopardi staqsa lill-PM fuq il-kwistjoni tal-immigrazzjoni u s-27 immigrant li bħalissa jinsabu fiż-żona Maltija għat-tiftix u s-salvataġġ fuq it-tanker Etienne Maersk. Ir-reazzjoni tal-PM kienet li dawn mhumiex responsabbiltà ta’ Malta, iżda tad-Danimarka billi l-vapur għandu bandiera Daniża.

Huwa qal li jifhem lill-Maltin tal-Marsa u tal-Ħamrun “li għalihom l-immigrazzjoni irregolari hija pjaga.” Sostna li l-ewwel interess tieħgu huma d-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin, u li hu l-Prim Ministru tal-Maltin l-ewwel u qabel kollox. Staqsa għaliex ma intervjenietx l-Unjoni Ewropea, u stqarr li din is-sena l-Gvern wettaq ħafna xogħol siewi fuq l-immigrazzjoni, minkejja li r-rilokazzjoni tal-immigranti mhix biżżejjed.

“Nemmen fid-dixxiplina fil-ħabs”

Din il-ġimgħa ssemmew ħafna il-kundizzjonijiet miżeri li jgħixu fihom xi priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Prof. Azzopardi, li hu voċiferu ħafna dwar din is-sitwazzjoni, qal li Diviżjoni 6 “lanqas għall-annimali ma hi tajba.” Newsbook.com.mt żvela li kien hemm żewġ attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs.

Hu u jwieġeb fuq is-suġġett, Abela qal li fiż-żewġ żjajjar li wettaq fil-ħabs minn Diċembru sal-lum, hu ma rax il-kundizzjonijiet ħżiena msemmija. Qal li jemmen fid-dixxiplina u għandu fiduċja fil-mod kif qed imexxi d-Direttur tal-Ħabs Alex Dalli. Stqarr li m’hemmx dubju li fejn tidħol iġjene u ndafa, il-kundizzjonijiet għandhom ikunu mill-aqwa. Qal illi llum il-ġurnata l-priġunieri għandhom aktar rispett lejn l-awtoritajiet. Saħaq li jemmen ħafna fl-iskop riformattiv tal-piena.

Xi żvela Newsbook.com.mt?
2 attentati ta’ suwiċidju fil-ħabs

Ikkummenta, iżda, li hemm min hu maqful fil-ħabs li hu vittma, bħal xi wħud li ntbagħtu l-ħabs minħabba l-prositituzzjoni. Stqarr li, “L-awtoritajiet investigattivi maċ-ċittadin tat-triq jimxu mod, u maċ-ċittadin li hu aktar midħla fl-isfera politika jimxu mod ieħor.”

Fuq il-prostituzzjoni Abela semma mill-ġdid li hu kontra li jinfetħu l-briedel u li din mhix il-viżjoni tiegħu għal Malta.

“Inkwetanti li ż-żewġ kandidati għandhom diffikultajiet finanzjarji personali”

Il-Prim Ministru kkummenta fuq l-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista u mill-ġdid semma kif l-Oppożizzjoni tinsab diżintegrata waqt li Malta għaddejja minn pandemija.

Hu semma xi stejjer li dehru fil-midja li jindikaw li Bernard Grech għandu xi problemi finanzjarji, u qal li hi inkwetanti ferm li ż-żewġ kandidati għandhom diffikultajiet finanzjarji personali, għaliex ma jistgħux jimmiraw li jmexxu pajjiż meta lanqas jistgħu jieħdu ħsieb il-finanzi tagħhom. Skont Abela, iż-żewġ kandidati juru nuqqas ta’ awtentiċità.

Mistoqsi jekk hux se jħabbar elezzjoni bikrija, Abela qal li jara skont x’tirrikjedi l-qagħda tal-pajjiż, imma fisser li l-għażla tad-data għal elezzjoni żgur mhix se tkun kundizzjonata mill-għażla ta’ Kap tal-PN.

“F’pandemija l-Gvern imexxi l-pajjiż aħjar milli mexxieh Gvern Nazzjonalista”

Dwar il-pandemija, il-Mexxej Laburista llum qal mill-ġdid li huwa minnu li l-ekonomija qalgħet daqqa ta’ ħarta, iżda tenna li l-Gvern mexxa l-pajjiż aħjar milli mexxieh il-Gvern Nazzjonalista meta ma kellux pandemija.

Semma kif Malta huwa l-pajjiż bl-inqas rata ta’ qgħad fiż-żona ewro. Fuq il-vouchers qal li l-ispiża u n-nefqa li ġġeneraw hija daqs dik li ġġeneraw 40,000 turist fis-snin li għaddew. Abela wieġeb, “Assolutament le,” meta kien mistoqsi jekk l-ekonomija hix dieħla fil-ħajt u jekk hemmx riskji.

Abela qed juri kemm jafx jiddeċiedi – PN

Fi stqarrija maħruġa waranofsinhar b’reazzjoni għal dak li qal Abela fl-intervista tiegħu llum, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru qed juri kemm ma jafx jiddeċiedi rigward Joseph Muscat, billi qed jinjora dak li qed joħroġ mill-Qorti. B’dan il-mod, tgħid l-istqarrija, il-Gvern qed imantni l-kultura tal-impunità.

Ir-reazzjoni ta’ Delia meta ssemma Muscat fil-qorti
Filmat: “Issa Abela se jieħu azzjoni fuq Muscat?” – Delia

Apparti hekk, il-PN qal li Abela issa ammetta dak li ilu jisħaq il-PN dwar il-problema fil-lokalitajiet Maltin minħabba l-immigrazzjoni. Skont il-PN, dan hu r-riżultat ta’ nuqqas ta’ pjan fit-tul tal-Gvern biex isaħħaħ is-sigurtà f’ċerti lokalitajiet.