Filmat: Normalità sħiħa mill-15 ta’ Lulju – Abela

Read in English.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li Malta se tirritorna lura għan-normalità sħiħa fil-15 ta’ Lulju.

Waqt li kien qed jiġi intervistat fuq l-istazzjon ONE TV minn ġurnalisti ta’ tliet kmamar tal-midja differenti, Abela ħabbar li llum se titneħħa d-dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika f’Malta.

Abela ġie mistoqsi għadd ta’ drabi dwar id-deċiżjoni tal-Gvern li jraħħas il-kontijiet tad-dawl għan-negozji biss minflok għall-familji wkoll. Il-Mexxej Laburista qal li l-familji kienu se jibbenefikaw minn miżuri oħra fosthom dik tal-vouchers u t-traħħis ta’ 7 ċenteżmi fil-fuel minn għada.

Abela fakkar li fl-1 ta’ Lulju se jerġa’ jinfetaħ l-ajruport. Qal li Iżrael se jitneħħa mil-lista però li se jiżdiedu l-Italja (ħlief għar-reġjun ta’ fuq), Franza (b’xi eċċezzjonijiet), Spanja (b’xi eċċezzjonijiet), il-Polonja, il-Greċja, u l-Kroazja.

Il-PM ġie mistoqsi dwar għalfejn Malta ma nedietx miżuri biex tattira t-turisti lejn il-pajjiż. Abela qal li l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) se jkollha baġit biex tagħmel dan.

Waqt l-intervista Abela akkuża lil ċertu setturi li qed ibeżżgħu bl-R factor. Il-PM ma semmiex speċifikament għal min kien qed jirreferi. Qal li Malta għandha “36 każi attivi biss.” Saħaq li Malta kkontrollat l-imxija “b’mod brillanti”.

Fi kliem Abela waqt il-pandemija saret talba mill-midja biex il-Gvern jagħti għajnuna finanzjarja. Kompla jgħid li din it-talba ġiet aċċettata mingħajr kundizzjonijiet. Abela qal li jrid jiġi skrutinizzat mil-midja.

Mitlub jiċċara dwar it-tneħħija tal-emerġenza tas-saħħa pubblika, Abela qal li dan ifisser li l-avviżi legali li ġabet magħha se jitneħħew ukoll. Bħala eżempju semma l-miżura ta’ massimu ta’ 75 persuna f’post pubbliku. Saħaq li fil-15 ta’ Lulju meta jkompli jinfetaħ l-ajruport ikun ifisser li se titneħħa kull miżura li daħlet fis-seħħ.

Abela qal li huwa favur li n-nies ikomplu jilbsu l-maskri fil-pubbliku, però qal li din hija biss linja gwida u l-pubbliku mhuwiex marbut b’xi avviż legali.

Il-PM żvela wkoll li fil-jiem li ġejjin se jitħabbru inċentivi bl-għan li jħajjru lin-nies jidħlu l-Belt.

Abela tkellem ukoll dwar il-ħasil tal-flus. Qal li l-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija jrid jagħmel enfażi fuq l-investigazzjonijiet f’dan il-qasam. Kompla jgħid li għandu fiduċja f’Angelo Gafà. Appella lill-PN biex jieħu sehem fil-grilling tal-kandidat.

Abela qal li d-Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona ma kellu l-ebda sehem fil-pjan ta’ riġenerazzjoni li żvela t-Tnejn li għadda. Qal li l-eks PM Joseph Muscat għadda l-ideat tiegħu. Dwar Chris Cardona qal ukoll li jemmen li se jagħmel l-aħjar għażla fl-interess tal-PL. Dan fid-dawl tal-allegazzjonijiet li qed ikomplu joħorġu dwar Cardona fil-Qorti b’rabta mal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia.

Minkejja l-istatistika li ħarġet l-NSO, Abela qal li mhux minnu li hemm 11,000 persuna bla impjieg f’Malta. Qal li hemm 4,000.

Il-mistoqsijiet saru minn Kurt Sansone (Times), Christine Amaira (NET), u Neil Camilleri (Independent).

L-MHRA kuntenti li l-ajruport se jkun qed jilqa’ titjiriet minn kull pajjiż

Il-Malta Hotels and Restaurants Association (MHRA) laqgħet b’mod pożittiv l-aħbar li se jitneħħew ir-restrizzjonijiet kollha fl-ivjaġġar mill-15 ta’ Lulju kif ukoll li se titneħħa d-dikjarazzjoni tal-istat ta’ emerġenza ta’ saħħa pubblika f’Malta.

L-MHRA faħħret id-deċiżjoni tal-Prim Ministru Robert Abela li l-ajruport se jkun qed jilqa’ nies li ġejjin minn kull pajjiż mill-15 ta’ Lulju. Il-President tal-Assoċċjazzjoni Tony Zahra qal li, “l-aħbar tal-Prim Ministru li Malta se tkun qed tmur lura għan-normalità hija aħbar tajba u b’determinazzjoni se nkunu qed negħlbu din is-sitwazzoni f’opportunità.”