Filmat: “Differenza bejn dak li jgħid il-PM u l-Ministri” – Delia

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li hemm differenza bejn dak li jgħid il-Prim Ministru Robert Abela u dak li jgħidu l-Ministri magħżula minnu.

F’messaġġ fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni uriet li kapaċi tkun lesta għal kunsens nazzjonali biex ma jkunx hemm kontroversji iżda l-Gvern ma laqax din il-proposta.

Fisser dan billi qal li meta jitkellem il-Ministru għas-Saħħa jitkellem ċar u loġiku imma l-Prim Ministru jgħid bil-maqlub. Stqarr ukoll li dak li qal il-PM u dak li qal il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Evarist Bartolo dwar l-immigrazzjoni wkoll ma kinux jaqblu fil-verżjonijiet li taw.

Tul l-intervista, Adrian Delia ħeġġeġ biex kulħadd isegwi d-direttivi tal-Professur Charmaine Gauci.

“Ironiku li jonqos il-mard respiratorju”

Huwa ta ħarsa lejn l-aħħar ġimgħat u qal li l-aktar ħaġa importanti fil-bidu tal-pandemija f’Malta kienet dik li permezz ta’ pakketti finanzjarji jiġu assigurati l-impjiegi.

Huwa qal li huwa ironiku li kien hawn 600 imwiet relatati ma’ mard respiratorju u qal li dawn qed jonqsu għaliex l-arja qed tkun aktar nadifa minħabba inqas tniġġis. Fakkar fid-dekasteru ġdid li ta lid-deputati tiegħu dak ta’ soċjetà diġitali biex jiġu esplorati l-opportunitajiet ta’ xogħol li ma jirrikjedix trasport.

Kien għalhekk li Delia appella biex bħala pajjiż iħares lejn l-opportunitajiet ġodda ta’ kif issir l-ekonomija. Stqarr li l-Gvern qagħad lura milli jiddjaloga mal-Oppożizzjoni u lanqas mal-imsieħba soċjali.

Huwa qal li l-ekonomija ma tistax titkejjel biss bil-GDP dan filwaqt li stqarr li l-kwalità tal-ħajja titjieb jekk in-nies ikollhom aktar ħin biex igawdu dak li jkunu qalgħu.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn