Filmat: Gvern fis-sodda mal-miljunarji biex jiekol magħhom – Delia

Read in English.

Intervistat fuq NET Television

Posted by Adrian Delia on Sunday, June 14, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-Gvern qiegħed fis-sodda mal-miljunarji biex jiekol magħhom.

Delia qal dan waqt intervista fuq l-istazzjon NET TV, il-midja tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika lill-Gvern talli fi kliemu qed jagħti €96 miljun fis-sena lill-Vitals minflok jagħtihom lill-poplu Malti. Qal li b’dawk il-flus il-Gvern jista’ jagħti kontijiet b’xejn lill-familji għal sitt xhur inkella jnaqqshom b’50% għal sena.

Delia reġa’ tenna li l-Gvern qed jinsa lill-11,000 persuna li bħalissa m’għandhomx xogħol. Din hija statistika tal-NSO, però l-PM Robert Abela qed jinsisti li hemm biss 4,000. Delia kompla jgħid li l-Gvern qed jagħżel li l-miljuni jagħtihom lil dawk il-ftit ta’ madwaru.

Il-Kap tal-PN akkuża lil Abela li jrid jixtri l-gazzetti. Dan qalu b’referenza għal reklam li xtara l-Gvern fuq il-gazzetti tal-Ħadd dwar il-mini-budget tat-Tnejn li għadda. Qal li minflok għad f’pass lura peress li hemm il-Kabinett sħiħ taħt investigazzjoni fuq l-użu tal-fondi pubbliċi fil-midja soċjali, il-Gvern kompla jonfoq flus il-poplu.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni interna fil-PN, Delia qal li kien kuntent bil-proċess ta’ konsultazzjoni u diskussjoni li saret. Qal li pparteċipaw l-eluf f’dan il-proċess. Tkellem kif għalih il-PN mhuwiex l-istatu iżda n-nies, li uħud minnhom setgħu sfaw imweġġgħin jew minsija mill-partit. Delia tkellem ukoll dwar kif il-PN se jkun qed jinfetaħ għal nies li jixtiequ jagħtu l-kontribut tagħhom, alavolja ma jkunux iridu jsiru parti integrali interna tal-PN.

Skont Delia, bil-kontra tal-PL, il-PN m’għandux għalfejn jistħi bil-passati tiegħu. Qal li l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat qal li jrid jagħeml terremot. Fi kliem Delia, dan għaliex il-PL kellu t-tebgħat.

Delia rrefera għall-allegazzjonijiet li bdew ħerġin mill-Qorti b’rabta mal-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Fakkar kif intqal li l-eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar kien qed jgħaddi l-informazzjoni lill-kriminali minflok jaqbadhom. Delia staqsa għalfejn Cutajar ma tkeċċiex minn Robert Abela imma ġie biss sospiż. Fakkar ukoll fl-allegazzjonijiet li ħarġu kontra d-Deputat Mexxej tal-PL Chris Cardona. Staqsa jekk Robert Abela għadux marbut bl-istess patt imxajtan li kien tkellem dwaru qabel l-elezzjoni interna fil-PL.

Delia tkellem ukoll dwar il-ħatra tal-Kummissarju l-ġdid tal-Pulizija. Ikkonferma li l-PN mhux se jkun qed jieħu sehem fil-proċess tal-grilling. Qal li l-proċess huwa wieħed fażull. Ikkritika li l-Oppożizzjoni jkollha tibgħat il-mistoqsijiet minn qabel u li lanqas tista’ ssaqi li trid.

“Xi grilling hu jekk diġà ntgħażel?” staqsa Delia.

Min-naħa tiegħu l-PM Robert Abela llum tenna li huwa konvint li Chris Cardona se jagħmel l-aħjar għażla għall-ġid tal-Partit Laburista.