Filmat: “Il-Gvern mhux jinforma lill-Oppożizzjoni dwar l-immigrazzjoni”

Aġġornat 12:12 PM

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li m’għandux informazzjoni dwar il-każijiet li qed iseħħu bħalissa. Qal li kuntrarju għal li kien iseħħ qabel, il-Gvern qed iżomm kollox mistur.

Intervistat fuq l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia stqarr li l-ħajja hija ta’ prijorità għall-Partit Nazzjonalista u għalhekk l-immigranti jridu jiġu salvati. Stqarr li meta l-persuni jkollhom dritt għall-ażil, il-persuni jridu jinżlu fl-eqreb port sigur.

Tim strateġiku li jiltaqa’ kuljum

Dwar il-ħidma tal-Partit Nazzjonalista fi żmien il-pandemija tal-coronavirus, Adrian Delia qal li huwa appunta tim strateġiku li baqa’ jiltaqa’ mill-ewwel ġurnata li fih jiġu diskussi l-proposti li jaslu mingħand id-deputati. Dawn il-proposti jgħaddu għand deputat wieħed li jġibhom għad-diskussjoni quddiem dan it-tim strateġiku kull filgħodu.

Grupp konsultattiv mediku li kważi kuljum jaġġorna lill-Partit Nazzjonalista biex jibbilanċja l-miżuri u l-proposti li jkun qed jipproponi l-PN lill-Gvern.

Il-Gvern seta’ ħa l-isptarijiet lura

Mistoqsi dwar għalfejn il-Partit Nazzjonalista ressaq il-mozzjoni dwar it-tliet sptarijiet fil-Parlament fi żmien il-pandemija, Adrian Delia qal li l-Oppożizzjoni ma setgħetx ma taġixxix fuq dak li ħareġ fil-ġurnali.

Delia sġjega li taħt emerġenza tas-saħħa, is-supretendent għas-saħħa pubblika tista’ taħtaf maħżen jew fabbrika għal ġid tal-pubbliku. Huwa fisser kif minħabba f’hekk il-Gvern messu ħa lura l-isptarijiet li ta lil Steward abbażi tal-emerġenza nazzjonali li daħlet fis-seħħ minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

Qal li Robert Abela prova jidħaq bin-nies meta qal li l-Oppożizzjoni trid ixxekkel mill-ħidma tal-Gvern kontra l-imxija tal-coronavirus. Stqarr li bil-kontra, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista riedet li l-Gvern jieħu lura l-isptarijiet biex joffri aktar servizzi.

Id-dejn tal-PN

Mistoqsi dwar id-dejn tal-kumpaniji tal-Partit, Adrian Delia qal li d-dejn ilu jakkumula d-dejn minħabba li l-midja tiswa ħafna flus. Stqarr li l-Partit Nazzjonalista ma ħatafx propjetajiet tal-pubbliku u juża minnu biex iħaddem il-midja tiegħu. Qal li l-introjtu tal-PN jibqa’ biss fuq ir-riklami u fuq id-donazzjonijiet tan-nies.

Huwa qal li l-kumpanija għaddejja minn pawża ta’ introjtu minħabba l-pandemija għax waqfu drastikament ir-reklami. Stqarr li kieku ma kinitx għall-pandemija kieku kienet tkun it-tielet sena konsekuttiva li jitnaqqas. Dwar il-każini, Adrian Delia saħaq li għandhom jintużaw b’mod kummerċjali u hekk ma jkunx hemm għalfejn jinbiegħu.

Delia inkonsistenti – PL

Fi stqarrija l-PL qal li l-inkonsistenza ta’ Adrian Delia dwar l-immigrazzjoni llegali turi kemm huwa xieraq li l-Oppożizzjoni mhux qed tmexxi l-pajjiż f’dan il-mument.

“Tnax-il ġurnata ilu, il-Kap Nazzjonalista qal li l-immigranti f’nofs ta’ baħar għandhom jiġu salvati u jinżammu fuq vapur barra minn pajjiżna. Iżda lbieraħ b’mod surreali Delia kkundanna d-deċiżjoni tal-Gvern li propju jsalva 57 immigrant u jitrasferixxihom fuq bastiment ‘il barra mill-kosta Maltija,” qal il-PL.

“Il-poplu mhux se jinsa lanqas li Delia l-ewwel kien favur li Malta ssir ċentru għas-salvataġġ tal-immigranti, imbagħad beżża lil Maltin b’kull barrani li jgħix u jaħdem f’Malta, imbagħad attakka lill-Gvern talli ma daħħalx immigranti waqt emerġenza ta’ saħħa pubblika,” kompla jgħid il-PL.

Jekk tixtieq tkun minn tal-ewwel li tirċievi l-aħħar aħbarijiet dwar il-coronavirus f’Malta, niżżel l-APP ta’ Newsbook minn hawn