Filmat: “B’Abela ma nbidel xejn; baqa’ jiddefendi lil Muscat u ta’ madwaru” – Grech

Read in English.

Intervista ma' Robert Cremona

Segwu l-intervista li se jagħmilli Robert Cremona fil-11.15am fuq NET Television | NET FM u din il-paġna.

Posted by Bernard Grech on Sunday, November 1, 2020

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li b’Robert Abela bħala Prim Ministru ma nbidel xejn, għax hu mhux biss jiddefendi lil Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, imma lil kull min b’xi mod kien madwarhom.

F’intervista li saritlu mill-ġurnalist Robert Cremona fuq NET TV, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li għal darb’oħra, bl-aħbar li ġiet żvelata din il-ġimgħa dwar Joseph Cuschieri, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji (MFSA), il-Gvern wera li lest jiddefendi lil nies li għandhom rabta ma’ min hu akkużat bi qtil, u dan hu l-messaġġ li qed jibgħat barra minn xtutna.

Huwa kien qed jirreferi għal Joseph Cuschieri, li ġie żvelat din il-ġimgħa li huwa siefer ma’ Yorgen Fenech f’Las Vegas fl-2018. Cuschieri ssospenda lilu nnifsu minn Kap Eżekuttiv tal-MFSA meta ħarġet din l-aħbar, u hekk għamlet ukoll l-avukata tal-MFSA Dr Edwina Licari li wkoll kienet marret Las Vegas ma’ Fenech u Cuschieri.

“Miżuri fit-tul, mhux bl-iskossi”

Dr Grech insista li l-Gvern irid jieqaf jibbaża l-ekonomija fuq il-konsum u fuq il-programm taċ-ċittadinanza, peress li anke l-Unjoni Ewropea issa qed twiddeb lil Malta fuq din l-iskema.

Hu tkellem fuq id-diskors li għamel nhar it-Tnejn li għadda bi tweġiba għall-baġit ippreżentat mill-Gvern il-ġimgħa ta’ qabel. Spjega li daħal fid-dettall fuq il-kwistjonijiet li deherlu li setgħu saru aħjar jew li hemm żbalji fihom, bħall-kwistjoni tad-defiċit. Qal li l-Oppożizzjoni riedet tippreżenta l-viżjoni tagħha mhux għal ftit xhur biss, imma viżjoni li toħodna lil hinn. Saħaq li l-Gvern jeħtieġ li joħroġ b’miżuri li jħarsu fit-tul u mhux “miżuri bl-iskossi.”

“Qatt ma nistgħu niskużaw il-mewt ta’ xi ħadd”

Dr Bernard Grech iddiskuta l-imwiet bil-coronavirus li f’Ottubru żdiedu b’rata allarmanti. Sostna li dawn huma umani – persuni li huma ġenituri, aħwa, zijiet u kuġini ta’ xi ħadd u ma nistgħux niskużaw l-imwiet tagħhom bir-raġunament li kellhom xi mard kroniku ieħor jew li waslu fl-aħħar ta’ ħajjithom. Insista li kull ħajja għandha valur.

Huwa tkellem ukoll fuq kif ħafna nies li kellhom operazzjonijiet ippjanati għal snin, bħal tal-katarretti jew tal-irkoppa, issa spiċċaw iridu jistennew aktar peress li s-servizzi tas-saħħa bħalissa huma kkonċentrati kompletament fuq il-ġlieda kontra l-coronavirus.

Qal ukoll li l-Oppożizzjoni ilha tgħid lill-Gvern biex jara kif se jsalva lill-Milied, b’mod partikolari għan-negozji, ħalli jkollhom dħul tajjeb fil-festi li jgħinhom ikollhom biżżejjed nifs għal bejn Jannar u Marzu. Stqarr iżda, li l-Gvern “lil dawn in-nies qed jagħlqilhom l-ossiġnu” u b’hekk ipoġġihom fil-periklu li jitilfu n-negozju tagħhom.

“Il-Grupp Parlamentari aktar unit”

Huwa tkellem ukoll fuq l-ewwel xahar tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista u qal li s’issa kienet esperjenza pożittiva ħafna. Qed iħoss li l-Grupp Parlamentari huwa aktar unit u l-ħidma, fl-oqsma diversi tal-partit, għaddejja b’aktar serenità. Stqarr li dan forsi qed isir għax hu qed jara li jiddelega x-xogħol, għax, fi kliemu, “Xejn ma jibda u jispiċċa minni.”

Tkellem fuq is-sodisfazzjon li jħoss li n-nies qed jirritornaw għall-partit, u semma eżempju partikolari ta’ xi ħadd li telaq mill-PN tmien snin ilu u kien iddeċieda li jaħdem għall-Partit Laburista, iżda issa rritorna għall-partit.

Għamel ukoll appell liż-żgħażagħ billi qalilhom li l-partit għandu bżonnhom u fetħilhom il-bibien.