Filmat: Meta se jiftħu l-knejjes għall-quddies? Iwieġeb l-Arċisqof

Read in English.

L-Arċisqof Charles Scicluna llum jagħlaq 61 sena, u fl-okkażjoni ġie intervistat minn Fr Joe Borg fuq 103.

Waqt l-intervista l-Arċisqof ġie mistoqsi fuq meta se jinfetħu l-knejjes.

Huwa qal li l-Isqfijiet għandhom kuntatt kontinwu mal-awtoritajiet, u għalissa għadu mhuwiex sigur li jinfetħu l-knejjes. Madankollu, fi tmiem Mejju għandu jitqies l-andament li nkunu fih fir-rigward tal-coronavirus u tittieħed deċiżjoni.

13:17 Grazzi talli segwejtu dan il-blogg. Awguri lill-Arċisqof f'għeluq sninu!
Sephora Francalanza
13:17 Stqarr li jifhem li r-responsabbiltà tal-Isqfijiet bħalissa hija li jistennew.
Sephora Francalanza
13:16 L-aktar ħaġa li tippreokkupa lill-Arċisqof preżentament hija li min imut ma ssirlux quddiesa, għalkemm huwa jiddedika l-quddies tiegħu ta' kuljum lilhom.
Sephora Francalanza
13:11 Mons. Scicluna qal li jinsabu f'kuntatt mal-awtoritajiet dwar il-quddies, iżda jridu jimxu b'sens kbir ta' responsabbiltà. Stqarr li jixtiequ ħafna li s-sagrament jerġa' jiġi ċċelebrat fil-knejjes imma jridu jkunu ċerti li jkun ambjent sigur.

Fl-aħħar ta' Mejju għandhom iqisu l-andament tas-sitwazzjoni.
Sephora Francalanza
13:10 L-Arċisqof qal li l-Arċisqfijiet ta' qablu, Mons. Cremona u Mons. Mercieca, it-tnejn kellhom fond f'isimhom, allura hu mexa fuq il-passi tagħhom sabiex juża fond personali tiegħu għall-karità, li ma jittiħdux mill-fondi tal-Kurja u lanqas tal-parroċċa. L-Arċisqof juża l-flus li jinġabru għall-bżonnijiet li jinqalgħu.
Sephora Francalanza
13:08 L-Arċisqof qal li hu d-dover tagħna li nkunu ta' sapport għall-vittmi tal-vjolenza domestika, għaliex dan jeħtieġ lil min jgħinu.
Sephora Francalanza
13:06 Illum il-Jum Internazzjonali tal-Familja.

L-Arċisqof qal li l-messaġġ tal-Papa huwa wieħed ta' tama u kuraġġ, imma jrid ikun wieħed li jqis il-ħajja kif inhi wkoll.

Semma kif jieħu pjaċir jara lill-ġenituri jgħallmu lil uliedhom jużaw kliem ta' manjieri tajba, bħal "grazzi" u "jekk jogħġbok."
Sephora Francalanza
13:05 "Huma min huma l-ġenituri tagħna, irridu nirringrazzjawhom." L-Arċisqof qal li l-kmandament dwar il-ġenituri huwa l-uniku kmandament li sar b'barka.
Sephora Francalanza
13:04 L-Arċisqof qal li jinsab trankwill, iqatta' l-jum speċjali tiegħu m'ommu. Beda l-jum billi rringrazzja lil ommu wkoll billi taha kartolina u bukkett fjuri, għaliex għandu tradizzjoni li f'għeluq sninu jagħti kartolina bil-kliem "grazzi" lill-ġenituri tiegħu. Għamel bukkett fjuri fuq il-qabar ta' missieru wkoll.

Iħoss li jrid jirringrazzjahom tad-don tal-ħajja.
Sephora Francalanza
13:03 Fr Joe Borg beda l-intervista bid-daqq ta' kanzunetta tal-birthday.
Sephora Francalanza
13:00 Nilqgħukom għal dan il-blogg live għal intervista mal-Arċisqof Charles Scicluna f'għeluq sninu.
Sephora Francalanza