Follow Up: Il-ħożba qed terġa’ tgħolli rasha fl-Ewropa?

Il-programm Follow Up tat-Tlieta 27 ta' Frar, se jibda b'intervista ma' Donald Dalli, student Malti tad-Dottorat li ġie l-ewwel f'kompetizzjoni internazzjonali tal-Inġinerija. 
Wara, se nitkellmu ma' Ahmed Mohammed, baħri li kien fuq il-vapur li nkalja fl-10 ta' Frar. Fil-filmat, ta' Ian Noel Pace, il-baħri Eġizzjan jgħid kif sab l-għajnuna tal-Arċisqof u ta' Fr Joe Borg, il-kappillan tal-Port biex ikun jista' jmur lura d-dar. Hu jgħid ukoll li ilu nieqes minn mal-familja għal 5 xhur. Fuq il-vapur kien ma' 4 mill-Bangladesh u 2 Russi. Is-sid tal-vapur u l-aġent ma tawx każhom: x'ġara eżatt?
Imbagħad se nbiddlu s-suġġett u nitkellmu ma' Dr Mark Muscat dwar jekk hux veru li l-ħożba qed terġa' tgħolli rasha fl-Ewropa. 
Ma' Andre Debattista se nitkellmu dwar il-ġurnalist Slovakk li ġie maqtul mas-sieħba tiegħu wara li kiteb dwar frodi fis-Slovakkja. 
L-attakk li seħħ illum fuq il-kap ta' iskola: xi żviluppi kien hemm? Id-diskussjonijiet mal-MCAST fhiex waslu? Dwar dan nitkellmu ma' Marco Bonni, il-president tal-MUT. 
Fl-aħħar nett, nisimgħu intervista' ma' David Apap Agius, is-Sindku tal-Għarb dwar il-bini ta' kamra tan-nar u l-applikazzjoni li reġgħet feġġet għal dar tal-anzjani f'art ODZ ħdejn il-Bażilika Ta' Pinu.