Filmat: Abela għajjar lil Fearne u lil Gauci li qed ibeżżgħu – Delia

Read in English.

Intervistat fuq NET Television

Posted by Adrian Delia on Sunday, May 17, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia qal li l-PM Robert Abela qed jgħajjar lill-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne u lis-Supretendent il-Prof. Gauci li qed ibeżżgħu lin-nies.

Delia qal dan waqt intervistat fuq NET Television, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista.

Delia faħħar il-ħidma ta’ Fearne biex tiġi kkontrollata l-imxija tal-coronvirus f’Malta. Spjega li qed jibża’ l-ġlieda bejn Fearne u Abela se tfixkel ix-xogħol siewi li għamlu s’issa Fearne u l-Professur Charmaine Gauci. Delia akkuża lil Robert Abela li qed ikun irresponsabbli.

Skont Delia huwa immatur li Abela jxekkel il-ħidma ta’ Fearne sempliċiment għaliex ikkontesta kontrih fil-kampanja tat-tmexxija tal-Partit Laburista.

Dwar id-deċiżjoni tal-Gvern biex Malta ma tixtrix l-isptar prefabrikat, Delia qal li l-Gvern għallinqas għandu jixtri l-ventilaturi. Saħaq li Malta għandha tipprepara għal kull eventwalità.

Delia qal li kieku kien hu PM kien jinvesti l-miljuni li l-Gvern qed jagħti lil Steward Healthcare fir-riżorsi umani u fi sptarijiet state of the art.

Gvern bla pjanijiet – Delia

Delia akkuża lill-Gvern Laburista li ma ppjanax għas-settur edukattiv. Qal ukoll li l-Gvern mhux qed jikkonsulta mal-imsieħba kollha. Dan b’referenza għat-Think Tant li jrid jiftaħ il-Ministru Bonnici. Meta tnieda l-proġett dan sar mingħajr rappreżentanza tal-għalliema jew tal-istudenti fuq dan it-tim.

Waqt l-intervista Delia reġa’ tenna l-kritika tiegħu dwar l-istrateġija tal-Gvern biex ikabbar l-ekonomija billi jkabbar il-popolazzjoni b’mod mhux sostenibbli.

Bżonn trasport tal-massa – Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Malta għandha bżonn sistema ta’ trasport tal-massa. Qal ukoll li Malta għandha tikkonserva l-irħula tagħha.

Tkellem ukoll dwar ir-riforma tal-Kostituzzjoni. Qal li l-Gvern kien taħt pressjoni u li ma nfurmax lill-President George Vella dwar l-aħħar żviluppi. Saħaq li l-Kostituzzjoni m’għandhiex tkun biss tal-politiċi imma taċ-ċittadini Maltin.

Oppożizzjoni li tbeżża’ – PL

F’reazzjoni l-PL qal li l-Partit Nazzjonalista qed juża diskors li jbeżża’ u li ma joffri l-ebda proposta kredibbli għal pajjiżna.

“Ironikament, il-Kap tal-Oppożizzjoni dalgħodu sostna li fl-ekonomija għandna gvern bla moħħ.

“Għall-kuntrarju, fl-eqqel tal-imxija tal-Coronavirus, dan il-Gvern offra l-aqwa pakketti ta’ għajnuna għall-ħaddiema u negozji Maltin fid-dinja. B’ekonomija b’saħħitha, Malta kellha wkoll spiża kbira fil-qasam tas-saħħa. Fuq kollox, il-Kummissjoni Ewropea qed tbassar li pajjiżna se jkun minn tal-ewwel li tirkupra minn madwar id-dinja,” qal il-PL.