Delia jitlob lill-Ispeaker biex sala fil-parlament tissemma għal Daphne

Intervistat fuq NET Television. 💻🇲🇹

Posted by Adrian Delia on Sunday, May 3, 2020

Il-Kap tal-PN Adrian Delia talab lill-Ispeaker biex sala fil-bini tal-parlament Malti tissemma għal Daphne Caruana Galizia.

Delia qal dan waqt li kien qed jiġi intervistat fuq NET TV, l-istazzjon tal-Partit Nazzjonalista. Tkellem dwar l-importanza tal-ġurnaliżmu liberu u indipendenti fl-okkażjoni tal-Jum il-Midja Ħielsa. Semma l-assassinju ta’ Caruana Galizia u qal li assassinju ta’ ġurnalist jkollu riperkussjonijiet.

Diġà hemm sala fil-bini tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu li ssemmiet għall-ġurnalista Maltija li nqatlet minħabba x-xogħol tagħha fl-2017. F’Malta, il-Gvern kien jordna biex kuljum jitneħħa mafkar ta’ protesta li għadu jsir quddiem il-qrati.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni kkritika lill-PM Robert Abela li nhar il-Ġimgħa deher urtat bil-ġurnalisti li kienu qed jistaqsuh dwar l-immigrazzjoni waqt konferenza tal-aħbarijet. Delia qal li Abela jrid jiddetta hu dwar x’jistgħu jistaqsuh il-ġurnalisti. Żied jgħid li d-demokrazija tkompli għaddejja f’pandemija.

Delia reġa’ tkellem dwar il-mozzjoni tal-PN biex jitħassar il-kuntratt bejn il-Gvern u Steward Healthcare. Qal li f’Awwissu tal-2019 Konrad Mizzi bil-moħbi biddel il-kuntratt li kien qed jiġi investigat. Delia kkritika lil Robert Abela li nefaq €13,000 f’konferenza dwar miżuri b’rabta mal-coronavirus u mbagħad lanqas ħabbar li kien biddel il-kuntratt dwar l-isptarijiet.

Fi kliem Adrian Delia, Steward Healthcare fallew u ma tawx is-servizz li kellhom jagħtu. Qal li l-pass li jmiss għall-PN huwa li jsus wara l-Gvern u jsegwi n-negozjati li jkunu se jsiru dwar l-isptarijiet.

Delia qal li l-Gvern u l-Oppożizzjoni għandhom jaħdmu flimkien biex ifasslu l-ħajja ta’ wara l-pandemija tal-coronavirus. Wera d-dispjaċir tiegħu li l-Gvern qatt ma stieden lill-Oppożizzjoni għal diskjussjonijiet dwar il-pandemija.

Żied jgħid li min-naħa l-oħra s-Supretendent għas-Saħħa Pubblika l-Prof. Charmaine Gauci dejjem kienet lesta li tisma’ l-proposti tal-PN.