Filmat: Infjorata Għawdxija fi Brussell

Il-Grupp Infjuraturi Għarb bħalissa qed jieħu sehem fil-Flower Carpet Festival fi Grand Place fi Brussell, il-Belġju.

Kull sentejn il-Grand Place tiġi mgħottija b’tapit kbir tal-fjuri. It-tapit ta’ 77m b’24m huwa magħmul minn madwar 120 voluntier, b’iktar minn nofs miljun fjura, f’inqas minn erba’ sigħat. Din is-sena qed jipparteċipaw 27 pajjiż, inkluż Malta. It-tema hi ‘Guanajuato, cultural pride of Mexico’.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, is-Sindku tal-Għarb David Apap Agius, li bħalissa jinsab fi Brussell flimkien ma’ 13-il voluntiera mill-Għarb, spjega li l-infjorata f’Għawdex ilha ssir mill-2003.

Sentejn ilu, il-grupp applika biex ikun membru tal-assoċazzjoni internazzjonali tal-infjorati (Comisión Internacional de Alfombristas) u minn dak in-nhar, il-grupp ħa sehem f’diversi infjorati madwar l-Ewropa.

Aparti milli ħa sehem fl-infjorata bit-tema “Guanajuato, cultural pride of Mexico”, Apap Agius qal li il-Grupp Infjuraturi Għarb ntażgħel, flimkien ma’ sitt pajjizi oħra, biex jaħdem fuq disinn originali għall-‘Flower Carpet’ Festival ta’ din is-sena. It-tema li ntgħażlet kienet xena miċ-Ċittadella ta’ Għawdex. Għal din l-infjorata partikolari ntużaw 120,000 fjura.

Il-membri tal-Grupp Infjuraturi Għarb huma kollha voluntiera. Din l-attività saret bis-sapport tal-Kunsill Lokali tal-Għarb, il-Ministeru għal Għawdex u l-Fondazzjoni V18.